Nitkellmu ma’ Kathleen Galea

Kathleen Galea hija Training Coordinator ma' Jobsplus

Bħala Jobsplus aħna noffru varjetà kbira ta’ korsijiet u għandna madwar 120 kors bħalissa li qed noffruh lill-pubbliku. Tajjeb infakkar li huma b’xejn għal kulħadd u għandna kemm korsijiet akkreditati mil-livell numru wieħed sal-livell numru 4, kif ukoll korsijiet li mhumiex akkreditati.

Tajjeb ngħid illi l-korsijiet tagħna huma tajbin għal kull min għalaq is-16-il sena sal-età tax-xogħol (working age), jiġifieri sa qabel ma joħorġu bil-pensjoni. Dan għaliex l-għan ta’ dawn il-korsijiet hu li nolqtu kemm jista’ jkun nies ħalli jtejbu l-ħiliet tagħhom u, jekk iridu, isibuha eħfef biex ibiddlu l-karriera tagħhom. 

Għandna jiġu nies ukoll li jaspiraw jagħmlu xi ħaġa differenti – mhux bilfors ikollha x’taqsam ma’ xogħolhom iżda tista’ tkun ukoll fuq livell personali f’każ li jkunu jixtiequ jitgħallmu xi ħaġa ġdida. Il-korsijiet tagħna jinqasmu fuq tliet varjetajiet. Għandna l-ħiliet bażiċi. Għandna dawk li ngħidulhom l-ħiliet diġitali li huma importanti ħafna fuq il-qasam tax-xogħol peress li t-teknoloġija llum dejjem tavvanza. Dawn huma ħiliet li tajjeb ikollok. Għandna wkoll il-ħiliet trasversali b’korsijiet li jolqtu iktar ħiliet marbuta mal-komunikazzjoni, ħidma f’tim li għandek bżonnha kemm fin-negozju kif ukoll fi kwalunkwe qasam tax-xogħol għax li tikkomunika tajjeb ma’ ħaddieħor, ngħidu aħna mal-kollegijew mal-management, huwa bżonjuż. Imbagħad għandna wkoll korsijiet vokazzjonali. 

Biex wieħed japplika jista’ javviċinana permezz ta’ email jew  jidħol fis-sit elettroniku tal-Jobsplus.Fih jista’ jsib il-katalgu kollu marbut mal-korsijiet offruti. Hemm il-ħinijiet u d-dettalji meħtieġa.

L-iskeda tiddependi dejjem skont il-korsiijiet magħżula però ħafna mill-korsijiet isiru filgħaxijiet wara l-17:00 biex nakkomodaw in-nies li diġà jaħdmu. Madanakollu għandna wkoll korsijiet li jsiru filgħodu bejn it-8:00 u l-17:00, u dawn jiddependu skont id-domanda u l-ħtieġa li jkun hemm. 

Noffru wkoll korsijiet apposta għal dawk il-kumpaniji li jkunu jridu jħarrġu lill-impjegati tagħhom f’qasam partikolari. B’hekk jekk kumpanija jkollha ammont ta’ nies jew impjegati li tkun tixtieq tħarriġhom f’qasam partikolari, Jobsplus toffri dan ukoll. 

Kull min hu mħajjar jista’ jikkuntattjana peremezz ta’ email. Għal kull kors hemm id-dettalji kollha fuq is-sit elettroniku, fosthom min huwa l-kordinatur tal-kors. F’każ ta’ diffikultà iktbilna u nassistuk mill-aħjar li nistgħu. Flimkien naraw xi skeda toqgħod tajjeb għalik jew għall-kumpanija. Minkejja li l-korsijiet huma miftuħin għal nies bejn is-sittax sal-età tax-xogħol, l-ikbar konkorrenza li kellna fl-2025 kienet ta’ nies bejn il-25 u d-39 sena.

L-iktar korsijiet popolari mfittxija min-nies biex itejbu l-ħiliet tagħhom huma l-EICDL workforce. Pereżempju għandna l-korsijiet għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u hemm korsijiet oħra fil-qasam tal-marketing li huma wkoll popolari ħafna.

Il-korsijiet ġewwa l-Jobsplus huma b’xejn għal kulħadd. Min hu interessat japplika għal wieħed minn dawn il-korsijiet huwa mħeġġeġ jidħol fis-sit elettroniku tagħna u javviċinana bl-interess tiegħu.

More in Socjali