Il-ħila tan-nies, is-suċċess tagħna

Is-suċċess vera tal-indutsrija tal-films f’Malta jitkejjel b’niesha. Jitkejjel fil-karrieri b’saħħithom, fl-opportunitajiet ġodda, u fil-futur sostenibbli.

L-attur ta’ fama internazzjonali Josh Duhamel, magħruf għal partijiet tiegħu fil-films ‘Transformers’ u ‘Safe Haven’  ġie f’Malta biex jiffilmja l-produzzjoni ‘Not Without Hope’, b’direzzjoni ta’ Joe Carnahan
L-attur ta’ fama internazzjonali Josh Duhamel, magħruf għal partijiet tiegħu fil-films ‘Transformers’ u ‘Safe Haven’ ġie f’Malta biex jiffilmja l-produzzjoni ‘Not Without Hope’, b’direzzjoni ta’ Joe Carnahan

Minn Johann Grech
Kummissarju tal-films

 

Meta n-nies jitkellmu dwar l-industrija tal-films f’Malta, ħafna drabi jiffokaw fuq il-produzzjonijiet biss.

Jitkellmu dwar l-istudjos internazzjonali, il-films ewlenin, is-sett impressjonanti u l-attenzjoni globali li dawn il-produzzjonijiet iġibu lejn xtutna.

Minkejja li dawn huma kisbiet important, m’humiex l-aktar important fuq il-miżien tas-suċċess.

Is-suċċess vera tal-indutsrija tal-films f’Malta jitkejjel b’niesha. Jitkejjel fil-karrieri b’saħħithom, fl-opportunitajiet ġodda, u fil-futur sostenibbli. Jikejjel fl-impjiegi.

Tmien snin ilu, l-industrija tal-films f’Malta kienet differenti ħafna minn dik li nafu illum.

Ix-xogħol kien ħafna drabi staġjonali. Il-produzzjonijiet kienu jiġu, joħolqu opportunitajiet għal perjodu ta’ żmien u mbagħad jitilqu. Ħafna crew Malti, b’talent kbir, kien jaħdem xogħol ieħor. Dan għaliex l-insutrija kienet għadha ma setgħetx tipprovdi l-konsistenza meħtieġa biex tappoġja impjieg fit-tul.

In-nies kienu jieħdu gost jaħdmu fil-films, iżda ħafna drabi ma kinux jarawha bħala karriera li se twassal il-ħobż fuq il-mejda għal tul ta’ żmien. Il-professjonalità kienet preżenti f’uħud, imma mhux mifruxa biżżejjed.

Ftit kienu dawk li setgħu jibnu futur b’kunfidenza. Illum, ir-realtà hija differenti ħafna.

Rapport ekonomiku independent meħjji miċ-Chief Officer għall-Ekonomija fi ħdan il-Bank Ċentrali ta’ Malta Dr Aaron G. Grech sab li l-produzzjonijiet tal-films sostnew medja ta’ madwar 500 impjieg ekwivilenti għal full-time kull sena bejn l-2005 u l-2017. Mill-2018 ‘l hawn, din iċ-ċifra żdiedet b’ħames darbiet għal madwar 2,500 impjieg kull sena, u laħqet record ta’ 6,500 impjieg matul l-2023.

Dawn iċ-ċifri huma sinifikanti.

Iżda forsi l-akbar sejba important hija dik li jgħid l-istess Rapport dwar l-istabbilità. Għall-ewwel darba, Malta żviluppat industrija tal-films li topera matul is-sena kollha, aktar milli f’fażijiet iżolati.

Dan biddel fundamentalment dak li hu possibbli għall-ħaddiema Maltin.

L-istess studju jistma li madwar 20,000 impjieg ġew sostnuti mill-produzzjonijiet tal-films bejn l-2018 u l-2025 fl-ekonomija Maltija b’mod usà.

L-akbar trasformazzjoni viżibbli seħħet fl-ammont ta’ crew fil-produzzjoni tal-films f’Malta stess.

Skont l-istess studju, il-bażi ewlenija tal-crews fl-industrija kibret min madwar 300 professjonist għal aktar minn 1,800 persuna, bil-maġġoranza tagħhom issa jaħdmu kontinwament minflok jidħlu u joħorġu skont kemm titlob id-domanda staġjonali.

Tmien jew disa’ snin ilu, żagħżugħ li kien qed jikkunsidra karriera fil-films kien jiffaċċja inċertezza konsiderevoli. Illum, jara industrija kapaċi ssostni eluf ta’ impjiegi u toffri opportunitajiet ġenwini fit-tul.

Pajjiż jirnexxi meta n-nies tiegħu jkunu jistgħu jaraw futur għalihom infushom.

L-industrija moderna tal-produzzjonijiet tal-films toffri opportunitajiet f’firxa straordinarja ta’ ħjiliet differenti.

L-electricians jmexxu sistemi tekniċi sofistikati. Il-Hairdressers u tal-make up jassiguraw li l-atturi jidhru skont l-epoka u l-istil tal-film. Il-mastrudaxxi jibnu settijiet fuq skalakbira. L-ispeċjalisti marrittimi jikkoordinaw produzzjonijiet fuq il-baħar. L-esperti fil-loġistika jmexxu tagħmir bejn kontinenti differenti. Inġiniera, operaturi tat-trasport, uffiċjali tas-saħħa u s-sigurtà, accountants, koordinaturi tal-produzzjoni kollha għandhom rwol essenzjal.

Rajna wkoll Gladiator II, u dawk is-settijiet inkreddibli nbnew minn talent Malti.

Ħafna minn dawn il-professjonijiet tradizzjonalment ma jkunx assoċjati mal-industrija tal-films, iżda kull produzzjoni tiddependi fuqhom.

Din id-diversità toħloq opportunitajiet għal persuni bi sfond edukattiv differenti, b’ħiliet differenti u f’fażijiet differenti tal-karrieri tagħhom.

L-industrija tal-films hija waħda mill-ftit industriji fejn l-għarfien tekniku, l-esperjenza prattika, d-dixxiplina professjonali ħafna drabi huma important u xi kultant aktar important, mill-kwalifiki akkademiċi.

Dan jagħmilha partikolarment b’saħħitha bħala magna li dejjem toħloq opportunitajiet ġodda.

Is-suċċess tal-industrija tal-films toħloq opportunitajiet ferm lil hinn mis-sett tal-produzzjoni.

Il-lukandi jimpjegaw aktar ħaddiema biex jakkomodaw l-crew u l-atturi. L-operaturi tat-trasport jespandu s-servizzi tagħhom. Kumpaniji tal-kostruzzjoni jieħdu proġetti ġodda. Ir-ristoranti, il-kumpaniji tal-catering u l-kumpaniji tal-loġistika kollha jibbenefikaw minn domanda akbar.

L-istudju sab li s-setturi tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel, u t-trasport, kienu fost dawk li esperjenzaw l-akbar impatt ekonomiku mill-industrija tal-films.

Dan ifisser li meta produzzjoni tagħżel lil Malta, il-benefiċċji jinfirxu mal-ekonomija kollha u l-impjiegi maħluqa ma jkunux limitati biss għall-industrija tal-films b’mod dirett.

Il-bażi ta’ dan is-suċċess hija l-kwalità dejjem tikber tal-crew tagħna.

Il-produtturi jgħidulna b’mod konsistenti li l-crew b’esperjenza hija l-akbar selling point ta’ Malta. Din ir-reputazzjoni ma ħarġitx b’kumbinazzjoni. Ġiet permezz ta’ snin ta’ xogħol iebes, professjonalità u dedikazzjoni minn eluf ta’ ħaddiema Maltin.

Hija waħda mill-aktar assi prezzjużi tal-pajjiż u l-isfida issa hija li nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess.

Irridu nkomplu ninvestu fit-taħriġ u fl-iżvilupp tal-ħiliet, u rridu nkomplu noħolqu opportunitajiet għal żgħażagħ li għadhom qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Biex inkomplu nirnexxu, irridu nkomplu nattiraw produzzjonijiet li joħolqu opportunitajiet għall-ħaddiema lokali u li jippermettu lill-professjonisti Maltin ikomplu jiżviluppaw l-għarfien u l-esperjenza tagħhom.

Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-futur tal-industrija tal-films f’Malta mhux se jkun determinat biss mill-faċilitajiet li nibnu jew mill-produzzjonijiet li nattiraw.

Iżda forsi l-aktar importanti minn kollox, kull produzzjoni ġdida toħloq opportunità.

Opportunità għal żagħżugħ jew żagħżugħa biex jibdew karriera fil-films, għal ħaddiem biex jitgħallem ħila ġdida u għal familja biex tibni futur aktar sigur.

Huwa għalhekk li l-akbar suċċess tal-industrija tal-films f’Malta ma jitkejjilx biss fit-titli tal-aħbarijiet, fil-premieres jew fir-riżultati tal-box office. Dawn huma importanti, iżda mhumiex l-aktar importanti.

L-akbar suċċess tagħha jitkejjel fin-nies u fil-futur li tipprovdi.

U kejl għal suċċess bħal dak, m’hemmx.

More in Socjali