Andrew Bonello | Il-Kannabis f’Malta; fejn ninsabu u fejn rridu mmorru?

'Bħal kull tranżizzjoni storika li tgħaddi minnha s-soċjetà, hekk ukoll jidher li s-soċjetà Maltija qed tesperjenza dak li bl-ingliż insejħulu paradigm shift. Huwa ta’ pjaċir kbir għalina naraw nies jikkultivaw il-kannabis fil-privatezza ta’ darhom u b’hekk ikollhom kontroll assolut fuq x’tip ta’ Kannabis qed jikkunsmaw...'

L-użu tal-kannabis madwar l-Ewropa kompla jispara ’l fuq, u dan irrispettivament jekk kienx hemm tibdil leġiżlattiv. Dawn l-aħħar ħames snin, l-Ewropa esperjenzat ukoll mewga inkwetanti ta’ cannabinoid products li huma sintetiċi u ta’ riskju kbir għas-saħħa. Tant hu hekk li kien hemm żieda sostanzjali ta’ persuni li kellhom bżonn l-assistenza medika u/jew esperjenzaw problem ta’ saħħa mentali.   

Fil-fatt, ReLeaf Malta kienet ilha mill-bidu tas-sena 2022 tisħaq fuq l-importanza li jkun hemm kjarifiki fil-liġi eżistenti li tiddefinixxi x’inhi kannabis. Bi tħassib kbir, it-terminoloġija użata, ‘cannabinoid products’ fetħet il-kaxxa ta’ Pandora fejn tidħol il-kannabis sintetika, bħalma hija l-HHC. Fil-waqt li Releaf Malta esprimiet is-sapport tagħha li derivati bħal HHC u oħrajn jiġu pprojbiti u mneħħija mis-suq (din tal-aħħar xi ħaġa li għadha ma ġratx), nibqgħu ma nistgħux nifhmu għalfejn it-terminu ‘cannabinoid products’ għadu ma ġiex mibdul bil-kelma Cannabidiol (CBD). 

ReLeaf Malta kien beda petizzjoni parlamentari biex jiġi kkjarifikat l-istatus legali tal-Cannabidiol (CBD), jiġifieri, l-unika Cannabinoid li ġie rrakkomandat mill-World Health Organisation li ma jibqax jiġi kkunsidrat bħala ‘droga’. Dan għaliex ic-CBD m’għandux effetti psikoattivi, u għalhekk ma jistax iwassal għal dipendenza jew abbuż. Madankollu, jidher li min ġie mqabbad jikteb il-liġi lura fl-2021, u għażel li jinkludi terminu li hu bla bażi xjentifika, kellu ideat oħra, jew direzzjoni politika differenti minn dik li ġejna infurmati biha aħna. Forsi kien hemm min jaf li jista’ jagħmel kemxa flus tajba a skapitu tar-riforma u s-saħħa tagħna? 

Dawn il-punti ġew imressqa kemm-il darba għall-attenzjoni tal-Onor. Buttigieg u għaċ-Chairpersons li kien hemm s’issa maħtura fuq l-ARUC. Bħala NGO li dejjem iġġieldet għad-drittjiet ta’ min jagħmel użu mill-kannabis, inħossu li din ir-realtà u ‘grey area maħluqa b’mod kapriċċuż’, qed tagħmel ħsara kbira, filwaqt li tirrifletti b’mod ħażin fuq ir-riforma.  

Bħal kull tranżizzjoni storika li tgħaddi minnha s-soċjetà, hekk ukoll jidher li s-soċjetà Maltija qed tesperjenza dak li bl-ingliż insejħulu paradigm shift. Huwa ta’ pjaċir kbir għalina naraw nies jikkultivaw il-kannabis fil-privatezza ta’ darhom u b’hekk ikollhom kontroll assolut fuq x’tip ta’ Kannabis qed jikkunsmaw, kif ukoll il-livelli ta’ THC. Huwa wkoll bi pjaċir kbir li wieħed ikompli jara aktar Cannabis Harm Reduction Associations illiċenzjati mill-ARUC. Sal-lum f’Malta hawn madwar għaxar assoċjazzjonijiet u li bejniethom qed jolqtu ’l fuq minn 4,000 resident Malti. Huwa wkoll importanti ferm li qed naraw anqas kawżi l-qorti relatati ma’ pussess, bir-rapport nazzjonali fuq id-drogi tal-2024 jindika li kien hemm ’il fuq minn 60% tnaqqis ta’ kawżi u/jew arresti. Dawn huma stejjer ta’ suċċess, u indikazzjoni ċara li l-akbar ħsara relatata mal-kannabis kienet ġejja mill-kriminalizzazzjoni, u minn politika deumanizzanti u stigmatizzata. 

Madankollu, il-projbizzjoni li jsir konsum b’anqas ħsara fi ħdan dawn l-assoċjazzjonijiet huwa insult dirett, mhux biss għal NGOs bħalna li ilna nisħqu fuq iċ-ċentralità li jkun hemm safe social spaces, iżda wkoll daħqa f’wiċċ min jagħmel użu mill-kannabis b’mod responsabbli. Il-leġiżlatur donnu jrid li min jagħmel użu mill-kannabis jibqa’ mistoħbi d-dar, u jibqa’ iżolat daqslikieku għandna mard li jittieħed. Fil-fatt, huwa insult doppju meta tisma’ rappreżentanti tal-Gvern jiftaħru li Malta qed tmexxi ’l quddiem riforma bbażata fuq il-prinċipji ta’ harm reduction, u fl-istess nifs jinsistu li mhux qed jiġi permess konsum b’anqas riskju onsite. 

Inkwetanti wkoll kif ċerti miżuri li setgħet iddaħħal l-ARUC fil-qafas regolatorju biex jitnaqqsu riskji ġejjin mill-industriji kbar, ġew kompletament injorati. Kif qed tiżgura l-ARUC li min qed jifforma assoċjazzjoni huwa verament kommess li jipproteġi drittijiet ta’ min jagħmel użu mill-kannabis? Kif qed tiżgura l-ARUC li mhux qed ikun hemm indħil mill-industrija tal-farmaċewtika, dik tal-gaming, jew industriji kbar oħra?  Li wieħed jikteb fl-istatut li għandu għanijiet filantropiċi mhuwiex biżżejjed biex ir-regolatur jaċċerta ruħu li l-prinċipji olistiċi tal-liġi qed jiġu mħarsa u mwettqa bl-aħjar mod. 

ReLeaf Malta pproponiet numru ta’ emendi li hemm bżonn jiġu diskussi u implimentati mill-aktar fis possibbli, fosthom: 

  • konsum fi ħdan Cannabis Harm Reduction Associations, u konsum permess f’postijiet pubbliċi bħalma huwa permess it-tabakk; 

  • possibbiltà li persuna taqsam kannabis ma’ adulti oħra mingħajr konsegwenzi legali jew amministrattivi (gifting/sharing); 

  • żieda fl-ammonti ta’ kannabis li persuna tista’ żżomm id-dar;  

  • żieda fl-ammont ta’ kemm tista’ żżomm f’post pubbliku u kemm tista’ taċċessa minn assoċjazzjoni. 

  • emendi urġenti biex titneħħa r-referenza għal Cannabinoid Products u tinbidel bit-terminoloġija aktar ċara ta’ Cannabidiol (CBD), dan tal-aħħar misjub b’mod naturali fil-pjanta u mhux maħluq ġewwa laboratorju; 

  • Konsiderazzjoni aħjar tal-impatt ambjentali minn dawn l-assoċjazzjonijiet, inkluż sostenn finanzjarju mill-ARUC biex jiddaħħlu prinċipji li jirrispettaw il-committments li jaqgħu taħt Sustainable Development Goals 2030, u għalhekk ikunu jirrispettaw l-ambjent u s-sostenibbilta’ (ippakkeġġjar li jista’ jerġa’ jintuża, in-nuqqas ta’ plastik, sussidji fuq pannelli solari, sussidji fuq impjanti biex titnaqqas il-ħela tal-ilma, eċċ). 

Andrew Bonello, President ta’ ReLeaf 

More in Socjali