Marlene Debono | Il-Presidenza għandha tirrikjedi dixxiplina speċifika?

L-ebda persuna ma għandha tiġi mċekkna u definita bil-kariga ta’ xogħlha. Persuna mhijiex biss attur, avukat jew tabiba. Il-kariga hija biss parti żgħira mill-personalità tagħha

Mingħajr ma nidħol fil-mertu jekk persuna speċifika għandhiex tkun nominata għal President jew le, xtaqt ngħaddi ħsieb, b’referenza ta’ kumment li sar dan l-aħħar fejn il-professjoni tal-atturi donnha ġiet sottovalutata.

L-arti (sew jekk dik teatrali, jew kull tip ta’ arti ohra) naraha li għandha rwol ferm importanti f’diversi aspetti ta’ kull persuna, kemm minn lat ta’ żvilupp personali, kif ukoll professjonali, u ħafna drabi ma narax li bħala soċjetà nirrikonoxxu biżżejjed l-importanza tagħha.

Nippreferi bħala President ta’ Malta, attur/attriċi, li j/taf dmiru/ha fuq il-palk, li t/jaf x’inhu t/jagħmel u li x-xogħol tieghu/taghha isir sew, u j/tkun konsistenti, minn ċertu ‘taparsi rappreżentanti’ fil-Parlament li jghamlu kutrumbajsi u juru nuqqas ta’ etika u konsistenza.  

Dawn l-istess nies bhal li kieku qishom jispiċċaw jieħdu rwol ta’ ‘atturi’ foloz.   Allura bejn atturi awtentiċi u konsistenti u ‘atturi’ foloz, nippreferi atturi awtentiċi.

Apparti minn hekk l-arti għaliex għandha tiġi stmata anqas minn dixxiplini oħra (ngħidu aħna bhal liġi, l-ekonomija, l-mediċina u oħrajn)? 

Smajt b’diversi każijiet f’ċerti dixxiplini popolari mal-politiċi li l-istudenti jgħaddu l-eżami għax jistudjaw in-noti bl-amment mingħajr ma jmorru għal-lezzjonijiet.   

Kif tista’ titrawwem il-passjoni u s-sentiment ġenwin lejn in-nies jekk wieħed ikun tgħallem b’mod pappagallesk u bi ftit li xejn interazzjoni ma’ nies oħra…xi drabi b’nuqqas ta’ tagħlim ta’ prattika u interazzjoni wiċċ imb'wiċċ? 

Ukoll f’ċerti dixxiplini m’hemmx tagħlim biżżejjed fuq is-sensittività u l-empatija lejn il-proxxmu, li huma karatteristiċi ferm kruċjali għal kull politiku. Fl-arti tad-drama din hija ħaġa li tiġi mgħallma u enfasizzata. Il-komunikazzjoni wkoll hija dixxiplina importanti li rari tiġi mrawma fid-dixxiplini tradizzjonali li semmejt hawn fuq, imma fl-iskejjel tal-arti, bħar-reċtar, din tingħata l-importanza meħtieġa.

Ma ninsewx lil Ronald Reagan, li kien u jibqa’ wieħed mill-aktar Presidenti famużi għall-mod li kien jeċċella fil-komunikazzjoni. U x’kien dan? “BIĊĊA ATTUR!”

L-ebda persuna ma għandha tiġi mċekkna u definita bil-kariga ta’ xogħlha. Persuna mhijiex biss attur, avukat jew tabiba. Il-kariga hija biss parti żgħira mill-personalità tagħha.   

Wieħed irid jara il-valuri, l-istorja, l-integrità u l-involviment tal-persuna fis-soċjetà u man-nies, li skont jien huma attributi ferm aktar importanti mill-professjoni ta’ dak li jkun.

More in Socjali