Koppji tal-istess sess u dawk f’relazzjoni irregolari issa jistgħu jitbierku mill-Knisja Kattolika

Il-Papa Franġisku u l-Kummissjoni tad-Duttrina tal-Fidi, l-Ex Sant’Uffiċċju approvaw it-tberik ta’ koppji tal-istess sess u dawk li huma miżżewġa ċivilment jew jgħixu f’relazzjoni meqjusa minn uħud bħala “irregolari" - pożizzjoni differenti minn dik li l-istess Kummissjoni tal-Fidi kienet tgħid fl-imgħoddi qarib

Il-Papa Franġisku u l-Kummissjoni tad-Duttrina tal-Fidi, l-Ex Sant’Uffiċċju, (fid-Dikjarazzjoni “Fiducia  supplicans”) approvaw it-tberik ta’ koppji tal-istess sess u dawk li huma miżżewġa ċivilment jew jgħixu f’relazzjoni meqjusa minn uħud bħala “irregolari”. Dil-pożizzjoni hija differenti minn dik li l-istess Kummissjoni tal-Fidi kienet tgħid fl-imgħoddi qarib meta pprojbixxiet dan it-tberik.  

Hawn min iqis dil-bidla bħala radikali wisq. Oħrajn isostnu li ma tbiddel xejn. 

Qamet kontroversja. Uħud – bħal xi isqfijiet Afrikani – irriġettaw dan it-tagħlim “ġdid” u oħrajn, bħall-Knisja Kattolika Ortodossa, ħaduha qatta bla ħabel kontra l-Papa u l-Knisja Kattolika.  

Meta kont il-missjoni fil-Kenja u n-Niġerja skoprejt kemm hemm biża’ u injoranza fejn jidħlu l-minoranzi ta’ omosesswali. Kienu jgħiduli xi isqfijiet Afrikani li kont magħhom li jekk tifel jew tifla tgħid lill-ġenituri li hija gay joqtluha. Iqisuha bħala l-ikbar insult għall-familja.  

Fl-Indja, skont il-Kardinal Oswald Gracias, tberik bħal dan huwa parti mill-kultura ta’ inklussività fl-identità Indjana. Hu normalissimu li tbierek lil min jitolbok.  

Meta tkun taf kif għexieren ta’ snin ilu anki f’Malta kienu jgħallmu l-morali fejn tidħol is-sesswalità u s-sagrament taż-żwieġ matul il-formazzjoni saċerdotali, tiġik li tibki – jew titbissem. Tifhem ir-reżistenza għal kull bidla li tolqot is-sesswalità u ż-żwieġ. 

Sinċerament, ma nistax nifhem għaliex dawn kollha kontra l-Papa. Fid-Dikjarazzjoni hemm spjega dettaljata dwar it-tifsira tal-barka li nagħtu lil min jitlobha. M’hemm obbligu lil ħadd. Hemm il-libertà li kull saċerdot jista’ jaċċetta t-talba ta’ kull persuna biex tkun imbierka. Dan ma jfissirx li hija approvazzjoni tal-għażliet li koppja jew persuna tkun għamlet.  

Fil-fatt, id-dikjarazzjoni maħruġa mid-Dekasteru tal-Fidi, dik li qabel kienet tissejjaħ is-“Sant’Uffiċċju”, tiddistingwi bejn it-tberik “sagramentali” u tberik “pastorali” li jista’ jingħata lil kull persuna li tixtieq li tirċievi l-barka tal-Knisja bħala turija li jixtiequ l-preżenza t’Alla f’ħajjithom. 

It-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ u s-sesswalità kien u jibqa’ l-istess: żwieġ sagrament hu bejn raġel u mara li jwiegħdu mħabba lil xulxin għal dejjem.  

Kull wieħed u waħda minna għandna bżonn il-fejqan tal-imħabba t’Alla f’ħajjitna. It-tberik tas-saċerdot li qed jakkumpanjana huwa dan is-sinjal konkret tal-imħabba t’Alla. Dil-barka mill-qassis tista’ tingħata, meta mitluba, lil kull min qed jgħix fi żwieġ irregolari, jiġifieri mhux miżżewweġ fil-Knisja, u koppji tal-istess sess li jgħixu flimkien.  

Qabel, fil-Knisja, kien hemm min jinterpeta l-barka tal-qassis bħala approvazzjoni ta’ xi sitwazzjoni partikolari irregolari. Għalhekk, kienu kontra l-benedizzjoni tal-qassis f’dawn iċ-ċirkustanzi, għax isostnu li l-“Knisja ma tistax tbierek id-dnub”.  

L-iskop ta’ din il-bidla mhux li jibdel xi tagħlim dwar iż-żwieġ imma t-TON li bih il-Knisja tgħallem. 

Ħafna mis-saċerdoti fil-Ġermanja ilhom ibierku l-koppji tal-istess sess għal bosta snin u din id-dikjarazzjoni uffiċjali ta’ Ruma tkompli tiċċara dil-pożizzjoni. 

Id-dikjarazzjoni tifhem li jista’ jkun hemm xi ħadd li jitħawwad u għalhekk tagħmilha ċara li din il-benedizzjoni pastorali hi distinta minn kull unjoni ċivili imma tista’ tingħata waqt xi żjara lejn xi santwarju, laqgħa mal-qassis jew waqt xi pellegrinaġġ. 

Father James Martin, Ġiżwita Amerikan li jaħdem mal-Komunità LGBTQI+, mistieden apposta għas-Sinodu f’Ruma, iqis dan id-dokument bħala pass kbir ’il quddiem fil-ministeru tal-Knisja. Il-Knisja tifhem ix-xewqa profonda ta’ tant koppji tal-istess sess li jħossu l-preżenza t’Alla fir-relazzjoni ta’ mħabba ta’ bejniethom.  

Fil-fatt jistqarr: “bħal saċerdoti oħra, jiena nħares b’ferħ li nbierek l-unjoni bejn koppji tal-istess sess”. 

More in Socjali