J’accuse: Il-Papa Franġisku jinstab ħati u ikkundannat | Colin Apap

Colin Apap jitkellem fuq kif, fejn u għala l-Papa Franġisku nstab ħati...

Iva, il-Papa Franġisku għadda ġuri u nstab ĦATI!

Inti ħati għax instab li inti bniedem tad-demm u l-laħam u mhux anġlu.

Inti ħati għax għandek l-umiltà li tammetti li tiżbalja u titlob maħfra.

Tlabt maħfra mhux biss għalik innifsek imma wkoll għad-dnubiet tagħna bħala Knisja.

U dan mhux aċċettabbli għal bosta nies.

Inti ħati għax riduk iġġib ruħek ta’ mħallef u kanonista u minflok kont xhud tal-Ħniena. 

Inti ħati għax għażilt li tgħix f’dar sempliċi bħan-nies komuni minflok fil-palazz tal-Vatikan.

Abbandunajt ir-rikkezzi ta’ San Giovanni fil-Lateran u għażilt il-faqar tal-ħabsijiet, orfanatrofji, sptarijiet mentali u djar tax-xjuħ.

Inti tinsab ħati

Għax waqaft tbus is-saqajn “ifuħu” tal-Eminenzi u Kardinali u bdejt tbus is-saqajn “maħmuġa” tal-priġunieri, nisa, pazjenti u għannaqt nies ta’ twemmin mhux kattoliku!

Inti tinsab ħati għax ftaħt il-bibien tal-Knisja għall-“miżżewġin” u quddiem sitwazzjonijiet tal-biki u li jibqgħu diskussi għal dejjem inti weġibt sempliċiment: MIN JIEN JIEN BIEX NIĠĠUDIKA?

Inti ġejt ikkundannat għax inti dgħajjef titlobna li nitolbu għalik għax inti midneb mentri suppost tkun dommatiku, intolleranti u ssegwi r-rubriki!

Il-Papa Franġisku huwa ħati ta’ dawk li tbiegħdu mill-Knisja għax mhumiex ‘puri’ u skoprew il-wiċċ veru tal-Ħniena u ndunaw li anki jekk midinbin għad għandhom post fuq l-ispalla tar-Ragħaj.

Inti ħati għax issejjaħ l-affarijiet b’“isimhom” u mhux apposta tkun ambigwu biex ma tinten ma ħadd…. u kellek il-kuraġġ li tfakkar lill-isqfijiet li mhumiex ragħajja imma persuni bir-RIĦA TAL-MOGĦOŻ.

Inti ħati għax qattajt il-paġni tal-intolleranza, morali bla qalb u għeruq umani, u offrejtilna s-sbuħija tal-mogħdrija, kompassjoni, ħlewwa u ċarezza. 

Inti ħati għax m’intix supperv f’għajnejna, tirrispetta l-intelliġenza tagħna u l-mod kif nirraġunaw aħna l-bnedmin imma l-iktar kif tirrispetta l-qalb u l-ħsus tagħna. 

Inti tinsab ħati li ridt terfa’ int stess is-Salib tal-Knisja tagħna minflok ħarist in-naħa l-oħra, daħħalt rasek fir-ramel, minflok bqajt tħares u indifferenti għat-tbatija u d-dmugħ tan-nies tal-lum.

Inti ħati għax ma ħaristx in-naħa l-oħra quddiem id-delitti u d-dnubiet magħmula f’isem Alla minn dawk li jitkellmu fuq Alla u jippritkaw dwaru – imma jgħixu mingħajru.

Inti ħati għax minflok fittixt li tħares l-istituzzjoni fittixt li tiddefendi lill-batut, iż-żgħir, lill-abbużat. Fittixt il-ġustizzja anki meta l-ingustizzja ssir minn kapijiet tal-Knisja. 

Inti ħati għax ħeġġiġtna biex inkunu Knisja ta’ Kulħadd imma b’mod speċjali Tal-Fqar. Ma riedx iżjed knejjes mimlija bid-deheb u l-privileġġi b’titli ta’ nies u knejjes li jġibu l-firda u l-għira, l-“aħna” kontra l-“huma”, “tagħna l-iktar u l-aħjar”, id-damaski u l-bizzilla tan-nanna,  knisja tal-monsinjuri u arċiprieti. Għallimtna l-qawwa tas-servizz u l-kobor tal-Ħasil tar-Riġlejn u l-kobor tas-sempliċità. 

Għażiż Papa Franġesku, ħallini nakkużak b’dawn id-“delitti” kollha, bħalma qallek xi Kardinal jew Isqof “Inti Papa xiżmatiku, antikattolika, traditur tal-fidi kattolika”.

Maħbub Papa Franġisku ftakar li m’intix waħdek. Qatt. Barra l-Mulej li poġġiek f’din ir-responsabbiltà hemm aħna lkoll, midinbin bħalek, li qed infittxu t-tgħanniqa ta’ Kristu. Aħna s-suldati mwiegħra tal-gwerra li sibna refuġju fit-Tinda miftuħa tal-Knisja. F’dan l-Isptar li tilqana bil-mard, bil-feriti, bil-ġrieħi jintnu, insibu lilek tilqagħna. 

Hawn f’dan l-Isptar tal-Gwerra niltaqgħu miegħek ir-Ragħaj li minflok bqajt komdu fil-Palazz ġejt hawn fostna terfa’ fuq spalltek lil kull nagħġa zoppa. Żommni sew fuq spallejk. 

Grazzi tal-Knisja sabiħa li qed tħallas il-prezz għaliha.  

More in Socjali