Alicia Bugeja Said | Il-ħarsien tal-biodiversità - Obbligu komuni, neċessità globali

Ma nistgħux nqisu l-bżonn li nipproteġu l-bijodiversità ta’ madwarna bħala problema li tista tiġi xkupata taħt it-tapit. Irridu nkunu aħna, bħala l-ġenerazzjoni preżenti, li nwettgħu t-triq għall-bidla, għall-innovazzjoni, u għal futur protett minn dan it-theddid

Id-dinja naturali hija waħda sabiħa u vibranti, bil-kalejdoskopju ambjentali ta’ pajjiżna jkun wieħed li rnexxielu jispira lill-artisti, l-poeti u l-kittieba tagħna għal sekli sħaħ.  

Lil’hinn mill-estetika, l-ekoloġija ta’ madwarna għandha rwol mingħajr paragun fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, għax tipprovdilna numru ta’ servizzi essenzjali: Fosthom, l-ikel u l-ingredjenti prinċipali għall-konsum tagħna ta’ kuljum, il-protezzjoni minn numru ta’ mard infettiv, u anke s-serħan mill-elementi tat-temp l-iktar qalil.  

Bħala individwi u bħala pajjiż, l-ambjent Malti kien u għadu kapaċi jiddefinixxina bħala poplu. Il-flora u l-fawna endemika għal pajjiżna, hija parti integrali tal-identità tagħna, u ta’ dak kollu li jagħmilna Maltin. 

Madanakollu, l-użu ta’ dawn ir-riżorsi qiegħed jilħaq livelli rekord, b’tali mod li m’aħniex nagħtu lok għar-riġenerazzjoni tal-ambjent tagħna. Fl-istess ħin, it-tibdil fi-klima qiegħed ikompli jħalli ħerba, u jaċċellera dan ir-ritmu ta’ qerda. Dan japplika wkoll għall-biodiversità fuq l-art, kif ukoll fil-qiegħ tal-ibħra ta’ madwarna. 

Il-ħarsien tal-biodiversità tagħna għandu jkompli jiġi xprunat, għal diversi raġunijiet ewlenin. Irridu li nsostnu l-patrimonju naturali tagħna għall-ġenerazzjonijiet preżenti, kif ukoll dawk futuri. Fl-istess ħin, il-protezzjoni tal-biodiversita tagħna huwa metodu effiċjenti biex nikkontrollaw l-emissjonijiet tal-karbonju fl-arja, raġuni ewlenija għall-aċċellerazzjoni fit-tibdil tal-klima.  

Fl-aħħar nett, ma nistax ma nsemmix kif il-qerda tal-ambjent ta’ madwarna, jaffettwa b’mod negattiv is-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd f’pajjiżna. Jekk ma nħarsux l-għelieqi ta’ madwarna, l-produzzjoni tal-ikel lokali ma tilħaqx il-livelli bżonnjużi biex nitimgħu lil kull wieħed u waħda minnha. Jekk l-ekoloġija marittima tkompli titlef is-saħħa tagħha, il-ħut li bħalissa qiegħed jinqabad mis-sajjieda tagħna, jew ifittex bnadi oħra, jew inkella jirriproduċi ruħu b’ammonti ħafna inqas minn dawk preżenti. 

Kwalunkwe nuqqas li jinħass f’dawn iż-żewġ setturi, iħallu effetti negattivi fuq oqsma importanti oħra wkoll. Dawn iż-żewġ oqsma jikkontribwixxu għas-sostenibbilita tal-produzzjoni tal-ikel lokali, joffru diversi opportunitajiet ta’ impjiegi (kemm diretti u kif ukoll b’mod anċillarju).  Ma ninsewx ukoll ir-rabta integrali li dawn iż-żewġ setturi għandhom mal-ekonomiji fi ħdan il-kommunitajiet tagħna.  

Lil’hinn minn dawn, diversi ġenerazzjonijiet ta’ sajjieda, raħħala u bdiewa f’Malta jkollhom jiffaċċjaw diffikultajiet ikbar biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Kawża ta’ dan, l-ibħra u l-għelieqi tagħna jisfaw abbandunati, sitwazzjoni xejn feliċi għalina lkoll. 

Fid-dawl ta’ dan, matul ix-xahar ta’ Diċembru, id-dinjitarji ta’ madwar 200 pajjiż ikkongregaw ġewwa l-belt Kanadiża ta’ Montreal. Matul dan il-kungress ta’ diversi ġranet, perjodu ta’ diskussjoni li ssokta matul l-erba' snin li għaddew, fl-aħħar laħaq il-milja tiegħu fl-iffirmar ta’ trattat, liema trattat għandu jixpruna bis-saħħa il-ħidma internazzjonali favur il-protezzjoni tal-biodiversita globali. Pass importanti, anke jekk dan il-ftehim diġa għandu l-kritika ġġustifikata fil-konfront tiegħu. 

Is-soluzzjonijiet għal dawn l-ostakli pertinenti, ma jistgħu qatt jiġu pprovduti mingħajr s-sostenn ta’ strateġiji ħolistiċi li jħarsu l-quddiem. Huwa għalhekk li f’dawn ix-xhur li ġejjin, il-Gvern ser ikompli jorganizza l-ikbar sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li qatt seħħ fis-settur tas-sajd. Bil-fehmiet tal-esponenti kollha, sejrin inħarsu li nagħmlu t-tibdil kollu neċessarju, waqt li fl-istess ħin npoġġu s-sostenibbilita u l-protezzjoni tal-ambjent ta’ madwarna fil-quċċata tal-ħidma kollha tagħna. 

Tramite kampanji oħra, bħall-iskemi tat-tagħlim għall-bdiewa u s-sajjieda żagħzagħ minn dawk li ilhom involuti għal diversi snin, kif ukoll l-ixprunar ta’ iktar għodod teknoloġiċi fl-użu ta’ kuljum, sejrin inwettqu il-bidla neċessarja. Inizjattivi bħall-Laboratorju tar-Riċerka ġewwa San Luċjan, kif ukoll il-promozzjoni tal-ikel lokali mas-settur privat u l-konsumatur lokali, huma kollha passi l-quddiem tant importanti għall-futur sostenibbli ta’ pajjiżna.  

Madanakollu, nafu li ma nistgħux nieqfu issa bil-ħidma tagħna. Pjuttost il-kontra: Il-bidla minn ta’ taħt fuq li qegħdin inwettqu f’dawn is-setturi, ser ikunu l-fulkru tant essenzjali għal ritmu ta’ ħidma iktar b’saħħtu, mgħaġġel u effettiv. 

Ir-raġuni għal din il-ħidma kollha hija pjuttost sempliċi. Ma nistgħux nqisu l-bżonn li nipproteġu l-bijodiversità ta’ madwarna bħala problema li tista tiġi xkupata taħt it-tapit. Irridu nkunu aħna, bħala l-ġenerazzjoni preżenti, li nwettgħu t-triq għall-bidla, għall-innovazzjoni, u għal futur protett minn dan it-theddid. 

Nagħmlu dan kollu, għax fl-aħħar mill-aħħar, ta’ kuljum insaqsu l-istess mistoqsija: Jekk mhix aħna, min? 

More in Socjali