Editorjal | Infurzar Żero: Żmien il-kampanji spiċċa. Wasal żmien il-multi!

Żmien il-kampanji edukattivi spiċċa. Min ma tgħallimx sa issa, għax ma jridx jitgħallem. Għax injorant u egoist. Mela multi, multi ħorox u multi li ma jinħafrux minn xi politiku hemm bżonn! 

Inkunu qed nitmejlu bina infusna jekk ngħidu li f'termini ta' skart u indafa dan il-pajjiż mhux qiegħed jesperjenza dik li taf issir kriżi jekk ma jkunx hemm pass wieħed, importanti u neċessarju mill-Gvern: Infurzar.  

Ma jistax ikun li dan il-pajjiż li għamel progress f'tant oqsma jibqa' jidher qisu tat-tielet dinja. Torrijiet ileqqu u toroq imġiddma! Six star hotels u faċċata  tagħhom toroq mimljin skart! Appartamenti ta' lussu u xħin toħroġ muntanja boroż taż-żibel ma nġabrux, jew li nħarġu erbat ijiem qabel jinġabru. Qed nirrealizzaw li din il-problema qed tagħmilna nidhru pajjiż tat-tielet dinja?  

Il-borma fuq tlieta qegħda.  

L-ewwelnett: L-injoranza grassa ta' settur tal-poplu (u miegħu settur ta' nies li ġew pajjiżna) li jiġi à la biebu minn ħaddieħor, à là biebu minn pajjiżu u à là biebu minn quddiem biebu - għax quddiem biebu jaħseb li mhux tiegħu, "mela ħammeġ". Mhux injorant trid tkun titfa' xi TV, jew xi saqqu, jew xi biċċa għamara f'nofs ta' triq, jew xi basket ħwejjeġ - meta għadna servizz bieb, bieb bla ħlas mill-Kunsilli? Mhux injorant trid tkun, biex tmur nofs ta' nhar picnic, tgawdi xi veduta u l-borża, bil-kaxxa fejn kien hemm il-burger jew il-kaxxa tal-pizza sfaċċatament tarmiha barra? Pajjiżek dan. Artek din.  

It-tieni problema: Nuqqas serju ta' ppjanar, tort tal-politiċi tagħna, tal-Gvernijiet - inkluż dan. Għax l-importanti joħroġ il-permess "ħalli tivvotalna".  

Mela filli triq kienu joqgħodu 100 persuna, filli ħames snin wara qed jgħixu 1,000, ghax id-djar twaqqgħu u telgħu blokok ma jispiċċaw qatt ta' appartamenti. Lokalità li 10 snin ilu kienu jgħixu fiha 10,000 illum qed jgħixu 25,000 - ħafna minnhom f'kirjiet. Taf x'ifisser dan? Li fejn qabel fuq bankina kien ikun hemm borża waħda taż-żibel ta' dar waħda, issa hemm 20 - ta' 20 appartament. Ma tridx tkun xi matematiku biex tinduna biha din il-problema! U għax il-Gvernijiet tagħna ma ppjanawx, illum fl-aktar lokalitajiet turistiċi, l-aktar lokalitajiet li suppost huma organizzati għandna babilonja ħmieġ, boroż taż-żibel jiġru, skart goff ma' kull erba kantunieri u aktar!  

Dan it-turiżmu ta' kwalità li rridu? Kif se nġibu t-turiżmu ta' kwalità jekk tas-Sliema u Buġibba - tant hemm nies fihom, tant qed jintilef il-kontroll, li hemm żoni minnhom proprja mandra?  

Imma possibbli f'dal-pajjiż anke l-bażiku jidher impossibbli? Anke għal bażiku irridu noqgħodu niktbu l-editorjali jew inċemplu d-Dipartimenti? Għalfejn qed ikollha tidħol Clean Malta għal xogħol li suppost qed isir mill-Kunsilli? Għaliex? 

U finalment: Infurzar. Tajjeb li l-Gvern waqqaf il-Clean Malta u ninżgħu l-kappell lil dan id-Dipartiment li qed jagħmel kważi l-impossibbli u insellmu lil Ramon Deguara li qed imexxi dan id-dipartiment. Imma ma jistax jiġu jnaddfu u litteralment kwarta wara jiġi xi wieħed à là biebu - biex ma nsemmux annimali - u jerġa' jħammeġ u qisu xejn mhu xejn. Free-for-all. Kulħadd jagħmel li jrid għax ma hemmx deterrent.  

Il-Prim Ministru joqgħod Wied il-Għajn, ma jarahomx dawn l-affarijiet f'żona oħra problematika? Il-Ministru tat-Turiżmu joqgħod il-Mellieħa - 10 minuti minn Buġibba - ma jarahomx dawn l-affarijiet? Mela ħa nibqgħu naħsbu li ma hemmx min jikkompetilna għat-turisti? 

Il-Gvern irid iqum mir-raqda li jidher li rieqed u kif jgħidu bl-Ingliż, 'gets this house in order'. U biex dan il-pajjiż jibda jieqaf għall-cowboys maħmuġin - barranin jew Maltin - multi u multi ħorox hemm bżonn.  

Żmien il-kampanji edukattivi spiċċa. Min ma tgħallimx sa issa, għax ma jridx jitgħallem. Għax injorant u egoist. Mela multi, multi ħorox u multi li ma jinħafrux minn xi politiku hemm bżonn! 

More in Socjali