Renee Laiviera | Il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ
It-tema magħżula mill-Ġnus Magħquda għal din is-sena hija ‘Is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet: Noħolqu dinja għall-etajiet kollha’
Qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn il-popolazzjoni globali taż-żgħażagħ kulma jmur qiegħda dejjem tiżdied. Illum hawn aktar minn 1.2 biljun żagħżugħ u żagħżugħa madwar id-dinja bejn il-15 u l-24 sena, li jammontaw għal madwar 16% tal-popolazzjoni globali. Huwa mbassar li sal-2030, in-numru ta’ żgħażagħ jikber b’7% għal kważi 1.3 biljun. Skont l-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO), fl-2019, f’Malta kien hawn aktar minn 101,000 żagħżugħ u żagħżugħa bejn il-15 u d-29 sena.
Biex nirrikonoxxu l-kwalitajiet taż-żgħażagħ, nisa u rġiel, u nindirizzaw l-isfidi li dawn qegħdin jaffaċċjaw, fit-12 ta' Awwissu ta’ kull sena - injluż din is-sena ċċelebrajna - il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ. It-tema magħżula mill-Ġnus Magħquda għal din is-sena hija ‘Is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet: Noħolqu dinja għall-etajiet kollha’. Din it-tema tenfassizza li jeħtieġ li d-dinja tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-ġenerazzjonijiet kollha. Għaldaqstant, irridu nikkollaboraw ilkoll flimkien biex inrawmu relazzjonijiet ta’ suċċess u ġusti bejn il-ġenerazzjonijiet kollha biex niżguraw li ħadd ma jibqa’ lura.
Id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet jissaħħaħ permezz ta’ attivitajiet u servizzi volontarji li jiġbru flimkien persuni minn gruppi ta' etajiet differenti. Eżempju fis-sena 2020, f’numru ta’ pajjiżi Ewropej, ħafna nanniet ipparteċipaw b'mod attiv u ppromwovu l-attiviżmu ta' uliedhom u n-neputijiet tagħhom dwar it-tibdil fil-klima.
Eżempju ieħor ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet insibuh fil-Belġju, fejn skola ta' tfal żgħar tinsab ħdejn dar residenzjali għall-anzjani. Ir-residenti anzjani jistgħu jagħmlu volontarjat biex jgħinu lill-professjonisti li jaħdmu fl-iskola mat-tfal żgħar, filwaqt li l-iskola tista’ wkoll tuża parti mill-faċilitajiet tal-ġnien tad-dar residenzjali tal-anzjani. Dan il-kuntatt informali huwa ta’ benefiċċju kemm għat-tfal żgħar kif ukoll għall-anzjani.
Ftit tal-ġimgħat ilu f’pajjiżna ttellgħet ukoll attività miż-żgħażagħ għall-anzjani bl-iskop li l-ġenerazzjonijiet differenti mill-komunità lokali japprezzaw aktar lil xulxin. Matul din l-attività madwar 150 persuna, żgħażagħ u anzjani, minn lokalitajiet differenti ħadu sehem f’attivitajiet li jvarjaw minn sport, kultura, letteratura, mużika u divertiment fost oħrajn bil-għan li jingħaqdu iktar flimkien minkejja d-differenza fl-età, il-kultura u l-abbiltajiet tagħhom. L-anzjani u ż-żgħażagħ għaddew ukoll l-esperjenzi tagħhom lil xulxin f’din l-attività. Is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet nistgħu nsibuha wkoll fuq il-post tax-xogħol. Ambjent tax-xogħol b'saħħtu fl-istadji kollha tal-ħajja li jrawwem l-interazzjoni, il-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn il-gruppi ta' etajiet differenti, jista' jgħin biex l-anzjani jinżammu f'impjieg għal żmien itwal u jittrasferixxu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom. It-trasferimenti tal-ħiliet jistgħu jseħħu wkoll f’żewġ modi, miż-żgħażagħ għall-anzjani u mill-anzjani għaż-żgħażagħ, u lil hinn mis-suq tax-xogħol.
F’Malta qiegħda ssir ħidma biex tgħin liż-żgħażagħ jirbħu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom.
Fl-2021, ġiet ippubblikata l-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ 2021-2030, li tiffoka fuq l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ ta’ bejn it-13-il sena u t-30 sena, u li tikkunsidra l-bidliet li qed iseħħu f’ħajjithom u l-bżonn li jiġu attwati strateġiji effettivi biex jappoġġjawhom.
Din il-politika għandha l-għan li tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ, kemm bħala individwi kif ukoll bħala ċittadini, fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet edukattivi, fil-komunitajiet, fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fuq il-mezzi soċjali. Din il-politika tfittex li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ permezz ta’ prattika effettiva ta’ xogħol relatat magħhom li jinkludi dak diġitali, reġjonali u lokali, programmi nazzjonali, proġetti u inizjattivi anke dawk b’mod volontarju, fis-setturi statali kif ukoll f’dawk privati. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) għandha wkoll rwol importanti sabiex tħares l-ugwaljanza għaż-żgħażagħ fl-impjiegi, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll fejn jidħlu banek u istituzzjonijiet finanzjarjii.
Dan tagħmlu billi tinvestiga każijiet ta’ allegat diskriminazzjoni, tagħti sessjonijiet ta' taħriġ lill-partijiet interessati, tagħti kontribut għall-iżvilupp ta’ politiki u leġiżlazzjoni fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, tipprovdi assistenza lill-pubbliku ġenerali u toħloq kampanji ta’ għarfien fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, kemm fuq il-midja tradizzjonali kif ukoll fuq il-pjattaformi soċjali.
Fil-fatt, f’Awwissu tal-2021, l-NCPE għamlet stħarriġ onlajn immirat għaż-żgħażagħ bejn il-15 u d-29 sena sabiex tinġabar dejta fuq l-għarfien taż-żgħażagħ dwar id-diskriminazzjoni u l-fastidju sesswali u l-għarfien tagħhom dwar l-irwol tal-NCPE f’dan ir-rigward.
L-isħarriġ inxtered primarjament fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tal-NCPE kif ukoll permezz ta’ imejls bl-għajnuna tal-Aġenzija Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Ir-riżultati tal-istħarriġ wrew għarfien dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u l-fastidju sesswali, u dwar it-tifsira tad-diskriminazzjoni u fastidju sesswali. Madankollu, kien hemm nuqqas ta’ għarfien fost l-etajiet u l-ġeneri kollha dwar ir-rappurtar ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni u fastidju sesswali.
Fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ tal-2022 irridu nqajmu kuxjenza dwar ċerti ostakli li għad hemm bejn il-ġenerazzjonijiet, li dawn ikunu ta’ detriment mhux biss għaż-żgħażagħ u l-anzjani, iżda għas-soċjetà kollha kemm hi.
Iż-żgħażagħ, nisa u irġiel, iridu jkunu fuq quddiem biex jagħtu l-kontribut tagħhom permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jwasslu għal futur aħjar għal kulħadd.