Marie-Louise Coleiro Preca | Tfal intom OK?

'Irridu nwasslu messaġġi qawwija u effettivi lit-tfal u liz-żgħażagħ tagħna, li: iva, huwa OK li ma tħossokx OK, u li m’għandekx għalfejn tistħi jew iżżomm lura milli titkellem ma’ xi ħadd li tafda, u taqsam id-dwejjaq tiegħek ma’ ħaddieħor.'

Dan l-aħħar waqt konferenza organizzata mill-membri tal-Kunsill tat-Tfal fi ħdan il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, dwar l-effett tal-pandemija fuqhom, tifla stqarret li kienet inkwetata dwar kif tfal oħra, qed iħarsu lejn ħajjithom wara l-pandemija.   

Tifla parteċipanta oħra qalet: “It-tfal ma ngħatawx informazzjoni dwar il-pandemija li jistgħu jifhmuha. Ħadd ma serħilhom moħħom li m’għandhomx għalxiex jinkwetaw u jibżgħu. Għalina t-tfal ħajjitna waqfet; id-dinja waqfet. Ma stajniex imorru l-iskola, ma stajniex naraw lin-nanniet, ma stajniex nilgħabu mal-ħbieb... ma nafux x’se jigri... Imtlejna bil-biża’ u bl-ansjetà. Imma kif ħadd ma kellu l-paċenzja jkellimna u jgħidilna  x’qed jiġri?” 

Tifla oħra qalet: “Aħna t-tfal ukoll affettwati bil-pandemija iżda lilna ma jistaqsiena ħadd kif qed inħossuna.” 

It-tfal ħassewhom li ġew injorati waqt dan il-perjodu ta’ inċertezza u ta’ ansjetà bla preċedent. 

Kien għalhekk li apprezzajt li din is-sena fl-okkażjoni tal-ġimgħa Ewropea dwar is-Saħħa Mentali ddedikata għat-tfal u għaż-żgħażagħ, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr Denis Vella Baldacchino, organizza għadd ta’ opportunitajiet fejn stakeholders u organizazzjonijiet iltqajna u ddiskutejna is-saħħa mentali fil-kuntest tat-tfal u taż-żgħażagħ. 

Studji lokali u internazzjonali, qed juruna li s-saħħa mentali marret lura sew, minħabba l-pandemija u realtajiet oħra. Dawn l-istudji qed jindikaw, kif is-saħħa mentali tat-tfal u taż-żgħażagħ kienet affettwata ħafna matul dawn l-aħħar sentejn. 

Studji mill-UNICEF qed jgħidu li l-problemi tas-saħħa mentali fost it-tfal u ż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena rduppjaw bejn is-snin 2020 u 2021. Huwa indikat li disa' miljun tfal u adoloxxenti fl-Ewropa fl-etajiet ta’ bejn 10 u 19-il sena, qed jesperjenzaw problemi ta' saħħa mentali. 

Sadanitant indikazzjonijiet oħra qed juru li s-suwiċidju huwa t-tieni l-akbar kawża tal-imwiet fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa. 

Ir-riċerka qed turina wkoll li fost il-gruppi f’riskju, iż-żgħażagħ huma 30% sa 80% aktar probabbli li jirrappurtaw esperjenzi ta’ dipressjoni jew ansjetà meta mqabbel mal-adulti. 

Min-naħa l-oħra, l-istess studji internazzjonali, qed jindikaw li l-problemi tas-saħħa mentali fost it-tfal u ż-żgħażagħ, ma jkunux ittrattati kmieni u għalhekk jinqabdu tard, meta jkunu fi stadju akut. 

L-aħħar studju lokali ppubblikat minn Richmond Foundation, qed jindika li 70% taż-żgħazagħ bejn l-età ta’ 13 u 25 sena, iħossuhom anzjuzi. Quddiem dawn l-indikazzjonijiet, m’għandniex għażla, ħlief li nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa fl-iqsar żmien, jekk irridu li ma nidħlux f’pandemija ta’ xorta oħra! 

L-indikazzjonijiet kollha juru li jeħtieġ, aktar minn qatt qabel, li nitkellmu dwar is-saħħa mentali biex inkissru l-istigma u s-sens ta’ mistħija li teżisti madwar dan is-settur. 

Irridu nwasslu messaġġi qawwija u effettivi lit-tfal u liz-żgħażagħ tagħna, li: iva, huwa OK li ma tħossokx OK, u li m’għandekx għalfejn tistħi jew iżżomm lura milli titkellem ma’ xi ħadd li tafda, u taqsam id-dwejjaq tiegħek ma’ ħaddieħor. 

Irridu ninkoraggixxu u nħeggu lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna, jfittxu l-għajnuna jekk iħossuhom imdejqa, bl-istess mod bħal meta jmorru għand it-tabib jekk iħossuhom li ma jifilħux fiżikament.   

Bħala awtoritajiet, policymakers, għaqdiet u organizazzjonijiet, jeħtieġ li  nagħmlu aktar ħilitna biex noħolqu ambjent fejn kulħadd, speċjalment tfal u żgħażagħ, iħossuhom li jagħmlu parti minn komunità b’mentalità, fejn kulħadd iħossu fid-dmir li nibżgħu għal xulxin, inkunu hemm għal xulxin, u lesti li nisimgħu lil xulxin.   

Ħadd ma jista’ jaghmel din il-bidla fil-mentalità waħdu!  Kulħadd irid ikun parti minn dan il-process. Jeħtieġ naħdmu flimkien. Soċjetà psikoloġikament b’saħħitha, hija soċjetà reżiljenti u kapaċi tilqa’ għall-isfidi u timxi ‘l quddiem. 

Qed isir ħafna xogħol f’dan il-qasam minn ħafna entitajiet, iżda hemm bżonn li jkollna viżjoni u strategija ħolistika waħda u nazzjonali.  Hemm bżonn li ngħarfu u nirrikonoxxu x-xogħol u l-isforzi ta’ kulħadd u nitgħallmu naħdmu flimkien.  B’hekk nistgħu nassiguraw li niksbu l-aqwa riżultat u impatt. 

Hemm bżonn li fl-iżvilupp u fil-bini ta’ din l-istrategija jkun inkluż kulħadd,  anke s-soċjetà ċivili. Hemm bżonn proċess ta’ parteċipazzjoni mit-tfal u ż-żgħażagħ, biex jispiraw din l-istrategija biex tkun effettiva għalihom.  

Hemm bżonn naħdmu ferm aktar fuq il-prevenzjoni billi ninvestu aktar f’servizzi preventivi. Hemm bżonn urġenti ta’ kampanji regolari ta’ informazzjoni u edukazzjoni biex kemm jista’ jkun kulħadd ifittex l-għajnuna mingħajr mistħija. 

Hemm bżonn aktar u aktar inkoraggiment immirat lejn is-subien u l-ġuvintur biex jegħlbu l-mentalità u s-sens ta’ mistħija jew ta’ dgħufija. Mir-riċerka lokali ta’ Richmond Foundation is-subien, aktar mill-bniet, jistħu jfittxu l-għajnuna meħtieġa meta ffaċċjati bi sfidi ta’ saħħa mentali. 

Hemm bżonn bħala pajjiż ninvestu ferm aktar fis-settur, mhux biss fl- infrastruttura fiżika, iżda wkoll f’riżorsi oħra inklużi dawk umani.   

Hemm bżonn ta’ strateġija nazzjonali u pjan biex nibnu l-kapaċità meħtieġa biex ikollna biżejjed riżorsi umani għas-snin li ġejjin. Irid ikollna ferm aktar professjonisti u ħaddiema fis-settur tas-saħħa mentali.  

Hemm bżonn naħdmu b’mod kollaborattiv biex nilħqu dawn il-miri. Hemm bżonn li niddiskutu, niżviluppaw u nibnu flimkien, kollha kemm aħna, bir-responsabilitajiet diversi tagħna. 

B’hekk nistgħu nimxu sostennibilment ‘il quddiem bħala pajjiż mhux biss soċjalment iżda wkoll ekonomikament, għal-lum u għall-futur. Is-saħħa mentali, daqs is-saħħa fiżika, għandha tkun prijorità fuq l-aġenda nazzjonali ta’ pajjiżna.  

More in Socjali