Saviour Grech | Għalaqna t-Tmintax!

Għaliex ma għandniex nagħmlu dak kollu possibbli biex nħaffu l-piz ta’ persuni li wara kollox qed jagħtu ħinhom f’xogħol volontarju u bla ħlas f’favur is-soċjetà? Jikteb Saviour Grech, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Gozo NGOs Association

Kien f’Awwissu ta’ 18-il sena ilu (2003) li, fuq inizjattiva ippilotata mill-Ministeru għal Għawdex, twaqqfet l-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet mħux Governattivi Għawdxin (Gozo NGOs Association).

Kien żmien meta l-istituzzjonijet kollha ta’ Malta kienu qegħdin attivament jiġu ippreparati biex jilqgħu għall-isfidi li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet ser iġġib magħha. Sħubija li kienet wara l-bieb.

U kien f’dan l-isfond li twaqqfet l-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin. U għalhekk kien involut il-Ministeru għal Għawdex. Kien obbligu ta’ kull Ministeru li jara li l-settur li kien jaqa’ taħtu jiġi ippreparat b’mod li jkun jista’ jilqa’ għall-isfidi li sħubija fl-UE kienet ser iġġib magħha kif ukoll biex l-istess settur ikun attrezzat biex jista’ jagħmel użu tajjeb mill-opportunitajiet kbar li l-istess sħubija kienet ser iġġib magħha.

Dan il-proċess ta’ preparazzjoni tad-diversi setturi tas-soċjetà Għawdxija kien ilu li beda. Fost passi oħra li l-Ministeru għal Għawdex kien ħa kienu li xpruna l-ħidma meħtieġa biex jitwaqqfu il-Kamra tan-Negozju Għawdxija, il-Gozo Business Chamber (GBC) kif ukoll l-Assoċjazzjoni tat-Turizmu Għawdxija, il-Gozo Tourism Association (GTA). U dan biex is-settur privat (is-settur tan-negozju) jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu strutturi rapreżentattivi u adegwati biex is-settur hekk imsejjaħ, tal-profit making, jkun ippreparat.

Kien għalhekk il-waqt li dak l-hekk imsejjaħ it-tielet settur - is-settur tal-volontarjat, is-settur tal-hekk imsejħa is-soċjetà ċivili, is-settur tal-komunità, is-settur li ma jagħmilx qligħ mill-ħidma tiegħu (non-profit making) - jiġi wkoll imħejji u ippreparat.

Kien f’dan l-isfond ta’ entużjazmu u ħeġġa meta l-poplu Malti kien animat b’vizjoni ta’ pajjiz aħjar u żminijiet sbieħ li grupp ta’ Għawdxin immexxjin min persuni fosthom Antoine Vassallo, Rev. George Borg u tant oħrajn - bl-għajnuna ta’ uffiċċjali tal-Ministeru għal Għawdex - inbeda proċess li wassal għat-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin.

Għalkemm il-proċess biex titwaqqaf l-Assoċjazzjoni kien tlesta, il-Ministeru għal Għawdex ma ħasilx idejh mill-Assoċjazzjoni. Il-Ministeru għal Għawdex, dakinhar immexxi mill-Ministru Giovanna Debono, ma’ ħasilx idejh mill-isfidi li kellhom jiġu iffaċjati mill-Assoċjazzjoni. Bħal ma jagħmel, missier responsabbli, jew forsi aħjar bidwi, il-Ministeru ried jassigura li dak li tħawwel b’tant għaraq ta’ voluntiera u uffiċċjali fi ħdan il-Ministeru issa jiġi protett u msoqqi biex ix-xitla tikber, tixxettel, tissaħħaħ u tagħti il-frott tagħha. U biex dan tixtil jiġi assigurat il-Ministeru għal Għawdex poġġa għad-dispożizzjoni tal-Assoċjazzjoni, s-servizzi kollha li kien joffri l-Uffiċċju tal-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin (Gozo NGO Centre).

Dan kien pass storiku. Kien pass importanti mhux fuq livell reġjonali biss. Kien stat ta’ fatt ta’ portata nazzjonali. Kien esperiment li tant irnexxa u serva fit-tul tant li fl-elezzjoni tal-2013, il-Partit Laburista, fil-programm elettorali tiegħu 'Malta Tagħna Ilkoll' ippropona li dan l-esperiment jiġi ippropogat ukoll f’Malta, biex hekk l-għaqdiet tal-volontarjat ikollhom spazju u servizzi minn fejn jkunu jistgħu joperaw u jwettqu l-ħidma tant importanti tagħhom.

Issa, li għaddew 18-il sena mit-twaqqif tal-Assocjazzjoni, u iktar minn 20 sena mill-ftuħ tal-NGO Centre, fix-Xewkija hemm bżonn kbir u urġenti li s-servizzi f’dan iċ-ċentru jiġu mtejba u anke jizdiedu fejn bżonn servizzi ġodda biex ilaħħqu ma’ esiġenzi ġodda. U kien b’dan il-ħsieb li l-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin ipproponiet, iktar minn sena ilu, il-bżonn li jitwaqqaf one stop shop (VO Hub) f’Għawdex li minnu jkunu jistgħu jiġu offruti is-servizzi kollha li għandhom bżonn l-għaqdiet li huma involuti fis-settur tal-volontarjat f’Għawdex. B’hekk dawk, li barra huma voluntiera, għandhom ukoll ir-rwol ta’ uffiċċjali jiffrankaw il-ħin u l-bżonn li joqgħodu jterqu min uffiċċju għall-ieħor.

B’hekk f’post wieħed f’Għawdex jkun hemm offrut is-sevizzi tal-uffiċċji: tal-Kummissarju tal-Volontarjat (OCVO); tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS); tar-Reġistratur tal-Beneficial Owners kif ukoll dak tar-Reġistratur tal-Persuni Legali. Sevizzi tant importanti u meħtieġa f’dawn iż-żminijiet ta’ ħidma sfiqa biex Malta titneħħa mill-lista l-griża tal-FATF.

Għaliex ma għandniex nagħmlu dak kollu possibbli biex nħaffu l-piz ta’ persuni li wara kollox qed jagħtu ħinhom f’xogħol volontarju u bla ħlas f’favur is-soċjetà?

More in Socjali