Dun Anġ Seychell | Insellem lil Joe Micallef Stafrace

Jalla f’Malta jkollna politiċi ta’ prinċipju fil-partiti politiċi kollha għax din hi l-unika politika li sseddaq il-ġid komuni tal-poplu Malta

Inħoss id-dmir li nsellem lil Joe Micallef Stafrace għax kont ngħoddu ħabib tiegħi tul bosta snin.  

Imma fl-okkażjoni tal-mewt tiegħu skoprejt ħolqa oħra li toħloq rabta bejnietna.

Waħda  mill-impjegati tal-Fondazzjoni Nazareth li qed tieħu ħsiebi fix-xjuħija tiegħi jisimha Pauline Chiappa.  

Meta semgħet bil-mewt ta’ Micallef Stafrace, ġiet ħdejja u tatni l-aħbar li hi għandha tifkiriet għeżież tal-familja Micallef Stafrace. 

Spjegatli li kienet taf ħafna lil waħda li kienet tgħin regularment lill-familja tiegħu u din,  meta ma kinitx tista’ tmur tagħti servizz lill-familja Micallef Stafrace, kienet titlob lil Pauline biex tmur minn flokha.

Saret taf lil Joe, saret taf lil uliedu , imma fuq kollox saret taf lill-mara tiegħu Yvonne u għadha tapprezza l-ġentilezza tagħha fir-relazzjonijiet magħha.

Billi jiena ma kontx f’qagħda li nista’ nattendi l-funeral ta’ Joe, ħadt l-okkażjoni u bgħatt lilha u lil Joseph Micallef, wieħed mir-residenti għeżież tiegħi biex flimkien jirrappreżentawni fil-funeral ta’ Joe.

Sod fil-prinċipji tiegħu

Joe trabba fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta, in-naħa fqira tal-Belt Kapitali u qatt ma nesa l-għeruq tiegħu.  

Sa minn kmieni  beda jieħu interess fil-kwistjonijiet soċjali u sa minn kmieni  beda juri ruħubħala bniedem li jaf ikun sod  fil-prinċipji tiegħu.

Meta qamet il-kwistjoni politiko-reliġjuża fi żmien il-Perit Mintoff, Micallef Stafrace wera ruħ sod fil-prinċipji tiegħu u ta xhieda li kien lest ibati għalihom.  

Qatt ma ħeba t-twemmin reliġjuż tiegħu u qatt ma ħeba l-fehmiet politiċi tegħu.  

Baqa’ sod fit-traġedja li qasmet il-pajjiż fi tnejn. Imma Micallef Stafrace qatt ma kien insolenti fil-kitba tiegħu.

Joe Micallef Stafrace żamm sod fl-imħabba tiegħu lejn dik li kellha ssir martu Yvonne. Il-kwistjoni politiko reliġjuża kellha konsegwenżi negattivi meta hu u Yvonne ġew biex jiżżewġu.  

Wara li fallew it-taħdidiet biex jinstab kompromess għax Joe kien wieħed minn dawk li weħlu l-interdett, iż-żwieġ sar fis-sagristija iżda ż-żwieġ tagħhom xorta kien xhieda taż-żwieġ Nisrani għax kellu l-kwalita tal-fedeltà bejn raġel u mara u ta xi tfisser familja Nisranija.

Wasal biex irriżenja

Iżda Micallef Stafrace wera kemm hu sod fil-prinċipji anke meta ma qabilx mal-Prim Ministru tiegħu u minħabba f’hekk ħass li kellu jirriżenja minn Ministru. 

Kien pass kuraġġuż għax Micallef Stafrace kien jaf li ta’ madwaru mhux kollha se jċapċpulu u jaqblu miegħu. Imma hu baqa’sod fil-prinċipji tiegħu anke fil-qasam politiku imma ma kienx lest li jbaxxi rasu meta ma jaqbelx.

Ma nistax nifhem  għaliex bħalissa jinżamm is-skiet dwar ir-riżenja ta’ Micallef Stafrace mill-Gvern tal-Prim Ministru, bħallikieku xi ħaġa ta’ diżunur.

Ħabib tad-Dumnikani

Micallef Stafrace baqa’ viċin  il-Knisja billi żamm il-ħbiberija tiegħu mal-patrijiet u s-sorijiet Dumnikani. 

Trabba fl-ambjent tad-Dumnikani sa minn twelidu u baqa’ juri l-ħbiberija sabiħa tiegħu anke tul u wara l-kriżi politiko-reliġjuża. 

Micallef Stafrace u martu kellhom l-okkazjoni jżuru  l-artijiet tal-missjoni tad-Dumnikani fl-Amerika Latina u kellhom ix-xorti jaraw wieħed mill-patrijiet tad-Dumnikani jiġi kkonsagrat Isqof fl-Albanija, fejn għadu jeżerċita l-missjoni tiegħu.

Id-Dumnikani baqgħu l-ħbieb tiegħu u tal-familja tiegħu u laqgħu lilu u lil martu billi tawhom kenn f’dak li kien l-isptar tad-Dumnikani f’Ħ’Attard.

Jalla f’Malta jkollna politiċi ta’ prinċipju fil-partiti politiċi kollha għax din hi l-unika politika li sseddaq il-ġid komuni tal-poplu Malti.

More in Socjali