Dun Anġ Seychell | John Lewis: Il-ġgant ta' ġilda sewda ... arrestat 40 darba f'ġieħ il-ġustizzja razzjali

Lewis kien wieħed minn dawk li fis-snin 60 issieħeb ma’ dawk li irreżistew il-verżjoni Amerikana tal-firda razzjali

F’Lulju li għadda miet fil-għomor ta’ 80 sena John Lewis, il ġgant Amerikan ta’ ġilda sewda, li ħadem u bata għall-ġustizzja razzjali fl-Amerika, tant li safa' arrestat 40 darba. L-aħbar tal-mewt tiegħu ħalliet niket li soltu jinħass meta jmut il-President tal-Amerika.

Lewis kien wieħed minn dawk li fis-snin 60 issieħeb ma’ dawk li irreżistew il-verżjoni Amerikana tal-firda razzjali. Kien mill-bidu ‘l fuq mill-politika partiġġjana u għalhekk kien ammirat u maħbub minn ħafna Amerikani ta’ ġilda sewda u bajda.

Beda jippriedka lill-flieles

John Lewia trabba f’razzett fl-istat rurali ta’ Alabama u dejjem xtaq isir ministru. Beda jippriedka lill-flieles tal-familja. Beda jmur fl-iskejjel segregati pubbliċi. Minħabba l-lewn tal-ġilda tiegħu kien imċaħħad mill- jedd li jieħu l-kotba mil-librerija imma xorta waħda sab kif jaqra ħafna u ħafna kotba u gazzetti u kien iħossu mnebbaħ mill-ħoss tal-priedki ta’ Martin Luther King fuq ir-radju.

Lewis tħabat biex ikun l-ewwel student iswed fil-kulleġġ. Bħal Martin, Lewis kien favur il-protesta non-vjolenti u d-diżubbidjenza ċivili imma għamilha ċara li dan qatt ma’ kien ifisser nuqqas ta’ radikaliżmu. Infatti Lewis safa'arrestat 40 darba bejn l-1960 u l-1966.

Lewis kien jorganizza protesti waqt l-ikliet permessi biss għall-bojod u sofra swat u arresti tul il-ħidma tiegħu kontra l-vjaġġi segregati bejn stat u ieħor. Għen biex jinħoloq l-Kumitat non-vjolenti tal-Istudenti u spiċċa biex sar il-president tiegħu.

Fil-Mixja Lejn Washington

Ta’ 23 sena sar organizzatur tal-Mixja lejn Washingtom għax-Xogħol u l-Liberta fl-1963. Fit-taraġ tal-monument ta’ Lincoln, Lewis stqarr: “Aħna ma rridux il-ħelsien tagħna ftit,ftit imma li nkunu ħielsa issa”. Dal-kliem qalu ftit ħin qabel ma King għamel id-diskors famuż, li jinkludi l-frażi: ”Jiena għandi ħolma”.

Sentejn wara t-truppi statali bil-lembubi sawtu lil Lewis u qasmulu rasu meta mexxa 600 ruħ jipprotestaw fuq il-pont Edmund Pettus. Ix-xbigħat tat-TV tal-frakass li għamlu it-truppi statali għaġġeb lin-nazzjon kollu u wassal għall-famuża liġi dwar il-Jeddijiet tal-Votanti.

Lewis wassal il-ġlieda għall-ugwaljanza fis-swali ta’ Washington hekk kif rebaħ siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti fl-1986 u sar magħruf bħala l-kuxjenza tal-Kungress Amerikan, fejn dam 33 sena jirrapreżenta distrett fl-Istat ta’ Georgia.

Lewis u Obama

Lewis kellu x-xorti jgħix u jara l-elezzjoni tal-ewwel President iswed Barack Obama. Meta laħaq warajħ Donald Trump, Lewis ma riedx jattendi l-inawgurazzjoni tiegħu jew id-diskors uffiċjali li kien jagħmel. F’waħda mill-aħħar dehriet tiegħu wara li marad bil-kanċer, Lewis mexa' minn triq ħdejn il-White House fejn kien hemm pittura kbira li tuża l-kliem sinonimi ma' protesti riċenti fl-Istati Uniti wara l-qtil ta' raġel iswed li kien taħt il-kustodja tal-Pulizija:  Black Lives Matter.

L-eks President Amerikan Obama onora lil Lewis bil-midalja tal-libertà u dakinhar qallu: “Minn issa 'l quddiem meta ġenituri jgħallmu lil uliedhom x’ifisser il-kuraġġ, tiġi f’moħħom l-istorja ta’ John Lewis – Amerikan li kien jaf li l-bidla ma tistax tistenna iżjed u li l-ħajja tiegħu hija tagħlima fl-urġenza feroċi ta’ issa”.  Lewis mexa wara l-ideal ta’ Gandhi u Martin Luther King, it-tnejn ma emmnux fil-vjolenza u ma ridux jużawha avolja intużat kontrihom u xorta waħda kienu qalbiena fil-ġlieda tagħhom għall-jeddijiet ċivili.

Ħareġ Għonqu

John Lewis kien ġgant fit-taħbit tiegħu għall-jeddijiet ċivili. Ħareġ għonqu u kien lest li jbati għall-konvinzjonijiet tiegħu u jibqa’ mfakkar bħala xempju għal min jemmen fid-demokrazija mingħajr ma jgħodd is-sagrifiċċji li jeħtieġlu jagħmel biex jasal għar-rebħa kontra l-qawwiet tat-tirannija kif ukoll tal-korruzzjoni. 

John Lewis hu wieħed minn dawk li jservi ta’ mudelli ndaf fil-ħajja politika u huwa ispirazzjoni għaż-żgħażagħ tal-lum, li wkoll jeħtiġilhom jitħabtu kontra kull min jinqeda bir-razza jew bil-ġid materjali biex ixejjen il-movimenti għall-ġustizzja u t-tqassim tal-ġid bejn il-popli kollha tad-dinja.

More in Socjali