Dun Anġ Seychell | Meta kellna nneħħu l-mogħża li kellna fid-dar

Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta' Dar Nazareth

Mal-mogħdija twila taż-żmien, niftakar diversi mxijiet li ġew fuqna hawn Malta. Se nibda b’dik l-imxija li fiha kellna nneħħu l-mogħża li kellna d-dar, li tant kienet tagħtina ħalib tajjeb! Kont għadni tifel żgħir meta f’Malta faqqgħet l-epidemija tad-deni rqiq. Dak iż-żmien r-raħħala kienu jiġu bil-mogħoż fil-bibien tad-djar u kienu jaħilbu l-mogħża quddiem il-klijenti li jixorbuh mingħajr ma jgħalluh. Aħna fid-dar kellna mogħża tagħna u ommi kont niggustaha kuljum taħlibha ġol-bott tal-enamel. Kien jidher sabiħ qisu bil-krema imma ħin bla waqt faqqgħet il-marda tad-deni rqiq jew tifojde. Kontra qalbna aħna kellna neħilsu mill-mogħża li kellna, li kienet parti mill-kollezzjoni ta’ tiġieġ, fniek u bċieċen li missieri kellu fil-grabeġ li kellna madwar il-bitħa twila tagħna.

Polio

Niftakar żewġ imxijiet kbar li faqqsu fit-Tieni Gwerra Dinjija. Waħda kienet dik tal-Polio jew Paraliżi. Kont fir-raba’ klassi primarja u miegħi kelli tifel kunjomu Fenech u missieru kellu ħanut fil-pjazza taż-Żejtun fejn illum hemm ħanut tal-pastizzi. Rikeb il-marda tal-paraliżi u miet biha. Aħna t-tfal li konna sħabu tal-klassi bqajna impressjonati bil-mewt hekk bikrija tiegħu.

Ħakk

Imxija oħra tal-gwerra kienet dik magħrufa bħala “Scabies” jew bil-Malti “Ħakk”. Kont qrobt biex nagħmel l-eżami għal-liċeo u l-klassi tagħna kienet fid-Domus taż-Żejtun. Ma ninsa qatt il-jum li fih għalliema mara li kienet qed tagħmilha flok is-surmast, ġiet fuqi u qaltli li trid tkellimni. Mort ħdejha u tatni l-aħbar ħażina li billi kelli l-marda tal-ħakk, ma nistax nibqa’ nattendi l-iskola imma noqgħod id-dar. Dik l-aħbar tatni xokk u għalhekk weġibtha: “Imma jien ftit jiem oħra għandi l-eżami tad-dħul fil-Liċeo!” Imma hi qaltli li dik hi l-ordni u kelli ninżel id-dar imbikkem. Bqajt id-dar u wasal il-jum meta mort m’ommi għall-eżami tad-dħul fil-Liċeo u b’xorti tajba għaddejt mill-eżami u dħalt il-Liċeo fil-Ħamrun. Miż-Żejtun konna għaddejna tlieta.

Ħożba

Niftakar ukoll l-imxija tal-ħożba. Bqajt niftakar li dik is-sena kienet qorbot il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li tgħaddi mit-triq tagħna u meta waslet kelli noqgħod ġol-kamra li llum hija l-uffiċċju tiegħi u nara l-vari għaddejjin bil-ħġieġ magħluq!

L-Ispanjola

Però l-agħar imxija jien ma lħaqthiex imma missieri u ommi tgħidx kemm kienu jsemmuha. Kienu jgħidulha l-Ispanjola, imxija tal-influwenza li fl-1918 ħasdet lid-dinja kollha u qatlet miljuni ta’ bnedmin! Kienet ferm iżjed qerrieda mill-Coronavirus!

Cosmacini

Giorgio Cosmacini, li għandu 89 sena huwa storiku awtorevoli tal-mediċina. Huwa tabib illawrjat fil-filosofija u radjologu primarju tal-isptar maġġuri polikliniku ta’ Milan. Huwa wkoll awtur ta’ diversi kotba li għandhom rabta mal-mediċina.

Cosmacini jgħallem li hemm tliet xorti ta’ mxija jew mudelli fundamentali.

Hemm il-marda li twassal għall-mewt fiżika, il-pesta u kull xorta ta’ mewt akuta. Hemm il-mard magħruf bħala mewt ċivili bħal-lebbra u t-tuberkolożi li jitolbu iżolament fit-tul, kif kien jiġri fi żmieni meta xi ħadd li kien jimrad bil-mard tas-sider f’Malta kienu jeħduh fl-Isptar Connaught fl-Imdina. U hemm mard li jwassal għal mewt morali marbut mal-imġiba sesswali bħalma huma s- syphilis u l-AIDS.

L-istess Cosmacini jħobb ifakkar fit-tabib Grieg Galenus, li kien jgħix fit-tieni seklu wara Kristu li quddiem il-mard gravi kien jgħallem li min jimrad bih għandu jopra Cito, Longe u Tarde, jiġifieri jeħtieġlu jaħrab malajr, imur ’il bogħod u jmur lura kemm jista’ jkun tard.

Cosmacini jgħid li l-imxija għandha tliet mumenti. Tibda bħala endemija meta tkun għada f’territorju determinat. Issir epidemija meta tinfirex u ssir pandemija, mingħajr limiti ta’ reġjuni jew ta’ kontinenti, tittieħed, tixtered u ġġib il-mewt.

Naqsam mal-qarrejja t-twissija tal-espert mediku Aldo Morrone dwar din l-imxija: “il-biża’ tista’ tagħmel ħsara iżjed mill-marda!” 

Dan mhux flaġell t’Alla

Alla hu alleat tax-xjenzati u tat-tobba. L-Arċisqof ta’ Milan, Monsinjur Mario Delpini, f’messaġġ li ħareġ lill-kommunità ta’ Milan, stqarr li s-serjetà u l-prudenza huma meħtieġa imma ma għandhomx jiftħu t-triq għall-allarmiżmu jew għal toni apokalittiċi li fihom qed jehdew il-predikaturi tas-soltu, ħsiebhom biex jilmħu fil-marda s-sinjali tal-‘flaġelli’ divini. Il-biża’ għalihom infushom u għall-għeżież tagħhom, forsi saħansitra l-paniku, qed jixterdu u qed itebbgħu ħajjitna b’ħeffa akbar u ta’ ħsara iżjed gravi mill-kuntatt mal-Virus.

“Jiena nitlob il-barka tal-Mulej li mhix xi sigurtà tal-ħajja jew kelma maġika li sservi ta’ kenn mill-perikli imma dikjarazzjoni t’alleanza: Alla hu alleat tat-tajjeb, alleat ta’ min jagħmel il-ġid. Il-Mulej mhux qiegħed biex jikkastiga lill-bnedmin imma hu alleat tan-nies tax-Xjenza li qed ifittxu rimedju biex jegħlbu l-virus, li wara jħabbru li kull indikazzjoni mogħtija għall-prevenzjoni u għall-imġiba prudenti tkun milqugħa b’saħħa mill-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi.

“Ir-riskju oppost imma mhux inqas gravi, ta’ allarmiżmu jista’ jkun il-fanatiżmu psewdo-reliġjuż ta’ min ma joqgħodx lura milli jidħol f’polemika dwar il-passi ta’ sigurtà li wasslu isqfijiet u saċerdoti taż-żoni biex jissospendu l-quddies, in-noveni u inizjattivi oħra ta’ gruppi, kif issuġġerit mill-awtoritajiet sanitarji ħalli jwaqqfu l-periklu tal-kuntatt.

More in Socjali