Dun Anġ Seychell | Ma nħallux weħidhom lil uliedna jesploraw id-dinja tal-internet

Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta’ Dar Nazaret

Dal-parir lill-ġenituri mhumiex tiegħi. Qed jagħtihomli Albert Pellai, tabib u psikoterapista. Il-parir tiegħu deher fir-rivista ta’ kull ġimgħa Famiglia Christiana. Tah wara li fl-Italja sar magħruf il-każ ta’ 25 żagħżugħ li sfaw interrogati u indagati wara li nqabdu jieħdu sehem fl-iċċettjar tal-waħx.

Għal min ma jafx il-kelma tiċċettja, tfisser tikkomunika bil-kliem u bir-ritratti. Il-biċċa l-kbira minnhom għadhom taħt l-età, għadhom imorru fi skola sekondarja u għalhekk ma jistgħux jisfaw akkużati. Tafu fuqiex qed ikunu indagati? Li wrew lil xulxin filmat tal-waħx, orribbli, vjolenti, filonazisti u pedopornografiċi fi ħdan ta’ grupp fuq Whats App imsejjaħ “The Shoah Party.”

Tafu kif beda l-każ?

Beda mill-belt ta’ Siena wara li waħda omm kuraġġuża għamlet rapport li ħarset bil-moħbi lejn dak li kien qed jagħmel binha online. Tant inkwetat b’dak li rat li marret tagħmel rapport lill-pulizija!

It-tabib Pellai nnota li “ili nikteb snin f’dawn il-paġni li minorenni li joqgħod sigħat sħaħ fuq l-internet qed jgħix f’sitwazzjoni ta’ sogru. Dik l-età hija età li fiha jkunu qed jgħixu l-kondizzjoni fiżjoloġika tas-sensation seeker, isiru esploraturi li jfittxu territorji ġodda biex fihom jissodisfaw il-ħtieġa tal-pjaċir immedjat, tal-eċitament intensa. U f’dan il-qasam l-internet għandu qawwa immensa.

Ikklikkja tliet darbiet u ssib ruħek f’nofs dinjiet ipprojbiti, fejn kollox isir possibbli, esplorabbli u utilizzabbli. Tista’ toqgħod tistgħaġeb, teċċita ruħek, tieħu sehem, tħossok gwerrier, tesperimenta bħallikieku adult li jagħmel ħwejjeġ li adulti oħrajn ma jagħmlux u lanqas iridu jagħmlu qatt. Kollox isir ħafif u jagħti gost. Imma m’hemm ħadd preżenti li jagħti tifsira “lil dak kollu.”

Ilni s-snin nistieden lill-ġenituri

U t-tabib Pellai jikkumenta: “Ilni s-snin nistieden lill-ġenituri li l-fatt li tkun preżenti fil-ħajja online ta’ wliedek taħt l-età ma jfissirx li qed tinvadi l-privatezza tagħhom, imma ssostni l-iżvilupp tagħhom. Ifisser tgħin biex jiksbu ħiliet li bihom ikunu jistgħu jimxu f’dinja kkomplikata fejn jissograw li jweġġħu huma u jweġġħu lil oħrajn jekk ma nkunux maġenbhom.

Hija responsabbilità tagħna l-kbar li ngħinuhom jifhmu li fl-internet wieħed għandu jitgħallem ikun profondament uman, immensament etiku jew morali, intelliġentement matur. 

Jekk aħna l-kbar nabdikaw mid-dmir edukattiv tagħna u nħallu lil uliedna weħidhom fi spazju virtwali fejn kollox jista’ jiġri, jista’ jiġri li nsibu rwieħna quddiem orruri bħal dak imsejjaħ “The Shoah Party”, li bih sirna nafu, grazzi għal omm li kisret ir-regoli kollha li qed jużaw il-ġenituri tal-lum: ħarset lejn il-mobile ta’ binha, apposta invadiet il-privatezza tiegħu, u baqgħet imnixxfa bil-waħx li rat u refgħet ir-responsabilità kollha lejn binha għamlet rapport, ibblokkjat iċ-ċellulari, ħadet il-passi kollha meħtieġa għall-ġid ta’ binha u għall-ġid ta’ wliedna.

Jista’ jerġa’ jseħħ

Illum aħna lkoll imissna nkunu eternament u immensament grati lejha! Dak li nnota t-tabib u psikoterapista jaħbat fiż-żmien meta qed ikun imfakkar l-anniversarju meta t-truppi alleati, fostom dawk Russi, daħlu fil-kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi u d-dinja kollha saret taf b’dak li sofrew miljuni ta’ bnedmin bħalna, mhux għax kienu għamlu xi delitt imma għax kienu Lhud jew għax ma kinux tar-razza pura li ħasbu li kellhom l-Arjani jew għax ħaduha fil-beraħ jew fil-moħbi kontra ċ-ċiviltà mxajtna li riedu jwaqqfu n-Nazi.

Imma għarralhom

Iżda, attenzjoni! Dawk li fakkru l-anniversarju għamlu twissija li tiswa mitqlu deheb. Qalulna: dak li ġara fi żmien Hitler jista’ jerġa’ jiġri fi żmienna għax min ma jagħtix ġieħ lil Alla lanqas jagħti ġieħ lill-bniedem li hu x-xbiha tiegħu!

More in Socjali