Dun Anġ Seychell | Mill-ittra tal-Papa Franġisku lis-saċerdoti

Dun Anġ jikteb dwar l-ittra li l-Papa Franġisku bagħat lis-saċerdoti kollha mxerrda madwar id-dinja

F’għeluq il-160 sena mill-mewt ta’ San Ġwann Marija Vianney, magħruf bħala l-Kurat t’Ars u qaddis patrun tal-kleru kollu, il-Papa Franġisku  bagħat ittra lis-saċerdoti tal-Knisja Kattolika.

L-ittra hija marbuta mal-ġrajjiet li aħna s-saċerdoti għaddejjin minnhom, fosthom l-iskandlu tal-abbuż tat-tfal, imma billi hija twila, jien se nġib siltiet li jagħtu idea tal-messaġġ li fiha din l-ittra.

Uġigħ

“Qatt tinsew il-kliem li qal il-Mulej b’imħabba kbira f’jum l-ordinazzjoni tagħna. Dak il-kliem hu għajn tal-ferħ tagħna: ‘Ma ngħidilkomx iżjed qaddejja ... insejħilkom ħbieb’.”

“Jiena rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi (Eż3:7)” F’dawn is-snin sirna iktar attenti għall-bikja, ħafna drabi siekta u mrażżna, ta’ ħutna subien u bniet li sfaw vittmi tal-abbuż tal-poter, tal-abbuż tal-kuxjenza u abbuż sesswali min-naħa ta’ dawk ordnati fil-ministeru. 

Dan kien ta’ tbatija kbira fil-ħajja ta’ dawk li ġarrbu dan l-abbuż, imma wkoll fil-ħajja tal-familji tagħhom u tal-poplu kollu t’Alla.

“Kif tafu, aħna deċiżi bis-sħiħ li nagħmlu r-riformi meħtieġa biex inħeġġu kultura ta’ kura spiritwali, ħalli l-kultura tal-abbuż ma jkollhiex wisgħa li tiżviluppa, inqas u inqas tissokta. Dil-biċċa xogħol la hi ta’ malajr u lanqas ħafifa: titlob dedikazzjoni min-naħa ta’ kulħadd. Jekk fl-imgħoddi s-skiet seta’ kien mod ta’ tweġiba, illum nixtiequ li l-konverżjoni, it-trasparenza, is-sinċerità u s-solidarjetà mal-vittmi, isiru l-mod konkret kif nimxu ’l quddiem. Dit-triq ukoll se tgħinna nsiru iżjed attenti għal kull xorta ta’ tbatija umana.”

“Bla ma niċħdu jew ninsew il-ħsara li għamlu xi wħud minn ħutna, ikun inġust jekk ma nurux gratitudni lejn dawk is-saċerdoti li fedelment u ġenerożament jgħaddu ħajjithom fil-qadi tal-oħrajn; f’dawn iż-żminijiet ta’ taħwid, mistħija u wġigħ, intom bil-ferħ iddedikajtu ħajjitkom għall-qadi tal-Evanġelju. Jiena konvint li dawn iż-żminijiet preżenti ta’ purifikazzjoni fil-Knisja jagħmluna iżjed hienja u umli, jagħtu l-frott f’ġejjieni mhux imbiegħed.”

Gratitudni

“Ma niqafx  inroddilkom ħajr (Efe.1: 16)”

“Qed naħseb f’espert kbir tal-ħajja saċerdotali f’art twelidi, Lucio Gera. F’diskors li għamel lil grupp ta’ saċerdoti fi żmien imħawwad fl-Amerika Latina qalilhom: “dejjem, imma speċjalment fi żmien ta’ prova, jeħtiġilna nerġgħu lura lejn il-mumenti mdawla meta ħassejna s-sejħa tal-Mulej biex nagħtu ħajjitna għas-servizz tiegħu... tagħmel li kull wieħed minna jerġa’ lura lejn dak id-dawl li bih il-grazzja t’Alla messitu fil-bidu tal-vjaġġ. Minn dik il-fjamma, nista’ nixgħel in-nar għal-lum u għal kuljum u nġib is-sħana u dawl lil ħuti. Dak in-nar iqabbad ferħ umli, ferħ li n-niket u l-inkwiet ma jistgħux jitfgħu, hena tajba u ġentili.

Il-gratitudni hi dejjem arma qawwija. Hu biss jekk aħna kapaċi nikkontemplaw u nħossu gratitudni ġenwina għat-triqat kollha li fihom ġarrabna l-maħfra, is-sabar, il-mogħdrija u l-ħniena t’Alla nkunu nistgħu nħallu l-Ispirtu jagħtina l-freskezza li tista’ ġġedded (u mhux biss traqqa') ħajjitna u l-missjoni tagħna.

“Għeżież ħuti saċerdoti, grazzi tal-fedeltà tagħkom għall-wegħdiet li għamiltu. Grazzi tal-ferħ li bih offrejtu ħajjitkom...

Grazzi talli ħdimtu biex issaħħu r-rabtiet ta’ fraternità u ħbiberija ma’ ħutkom saċerdoti u mal-isqof tagħkom, billi pprovdejtu appoġġ u inkoraġġiment, ħadtu  ħsieb il-morda, żortu x-xjuħ u tgħallimtu mill-għerf tagħhom, qsamtu ma’ xulxin u tgħallimtu tidħku u tibku flimkien. 

Grazzi talli tiċċelebraw l-Ewkaristija kuljum u tkunu ragħajja ħanina fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, la iebsin u lanqas laxki.

Grazzi ta’ meta, b’emozzjoni kbira, għannaqtu l-midimbin, dewwejtu  l-ġrieħi, saħħantu l-qlub u wrejtu l-ħlewwa u l-mogħdrija tas-Sammaritan it-Tajjeb.   

Xejn mhu iżjed meħtieġ minn dan: aċċessibiltà, viċinanza, rieda li tersqu lejn it-tbatija ta’ ħutna. Kemm hu setgħan l-eżempju ta’ qassis li jkun preżenti u ma jaħrabx mill-pjagi ta’ ħutu bnedmin.”

Inkoraġġiment

“Irridkom tagħmlu l-qalb.” (Kol 2: 2)

“Quddiem esperjenzi ta’ wġigħ, ilkoll neħtieġu li nkunu mfarrġin u inkoraġġuti. 

Mod tajjeb kif neżaminaw qalbna bħala ragħajja hi billi nsaqsu lilna nfusna kif inġibu ruħna fit-tbatija. Nistgħu sikwit nagħmlu bħal-levita u l-qassis fil-parabbola, ngħaddu mill-ġenb u ninjoraw il-bniedem fit-triq tal-ħajja. 

Jew nistgħu noqorbu  lejh b’ċerta kburija, inqisu  biss is-sitwazzjoni fl-astratt u nistkennu f’dak li jgħidu fil-ħajja ta’ kuljum: “Hekk hi l-ħajja...” jew “m’hemmx x’tagħmel” jew nagħmlu bħall-profeta Ġona, naħarbu ’l bogħod mill-maltemp, imġiba li tissejjaħ individwaliżmu, spiritwaliżmu, tgħix f’dinja ċkejkna.” Insemmi wkoll attitudni sottili u perikoluża, li Bernanos isejħilha ‘l-iżjed xarba prezzjuża tax-xitan’: diżappuntati bil-ħajja, bil-Knisja, bina nfusna, nisfaw “ittentati bil-qalb sewda għax neqsin mill-fidi fil-providenza t’Alla u l-opri tiegħu.” 

In-niket jipparalizza x-xewqa tagħna li nippreservaw fil-ħidma u fit-talb tagħna u naslu biex naċċettaw il-ħażen u l-inġustizzja billi bil-kwiet ngħidu “dejjem hekk kien”.

Ma nħallux lill-ispirtu jqajjimna min-ngħas tagħna, u jeħlisna mill-bruda tagħna. Ma ninsewx dak li darba qal Ġesù lil Pietru; “tlabt għalik biex ma tonqosx fik il-fidi.”

Tifħir

Il-Papa jistqarr:“kif nistgħu nitkellmu dwar gratitudni u inkoraġġiment mingħajr ma nħarsu lejn Marija?  

Hi l-mara li qalbha sfat imniffda, tgħallimna t-tifħir li kapaċi jgħolli ħarsitna lejn il-ġejjieni u ġġib it-tama fil-preżent. 

Ħajjitha kollha tinsab miġbura fil-kantiku ta’ tifħir. Aħna wkoll imsejħin inkantaw dak il-Kantiku bħala wegħda ta’ dak li għad iseħħ fil-ġejjieni.

“Kull meta nżur santwarju Marjan, inħobb ngħaddi xi żmien inħares lejn l-Omm Verġni u nħalliha tħares lejja.  Nitlobha ttini l-fiduċja ta’ tifel żgħir, il-fiduċja tal-fqar u sempliċi li jafu li hemm qiegħda ommhom kif qalet lil Indio Juan Diego: “Ibni ż-żgħir, xi ġralek, mhux hawn jien?”

Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta' Dar Nażaret

More in Socjali