Editorjal | X’qed jiġri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Minn allegazzjonijiet ta’ sorveljanza fuq laqgħat bejn avukati u priġunieri sa każ li jinvolvi laptop b’aċċess għall-internet fil-pussess ta’ Adrian Agius, magħruf bħala Tal-Maksar, il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin reġgħet tinsab fiċ-ċentru tal-kontroversja, f’dak li huwa l-aħħar kapitlu f’serje ta’ tħassib dwar il-governanza, is-sigurtà u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fil-ħabs
Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’Raħal Ġdid ilha għal snin sħaħ taħt skrutinju pubbliku minħabba allegazzjonijiet serji dwar il-mod kif qed tiġi amministrata u mmexxija. Minkejja diversi wegħdiet ta’ riforma, rapporti u investigazzjonijiet riċenti komplew iqajmu tħassib dwar nuqqasijiet strutturali, problemi ta’ governanza u kundizzjonijiet li qed iqajmu mistoqsijiet dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-priġunieri.
Din il-ġimgħa Adrian Agius, magħruf bħala Tal-Maksar, instab fil-pussess ta’ laptop personali b’aċċess dirett għall-internet waqt li qed jiskonta sentenza fil-ħabs. Skont il-Ministeru tal-Intern, il-laptop ġie skopert u elevat mill-awtoritajiet tal-ħabs waqt spezzjoni ta’ rutina li saret fil-faċilità.
Agius u ħuh Robert kienu ġew ikkundannati għal għomor il-ħabs fl-2025 wara li nstabu ħatja tal-involviment tagħhom fil-provista tal-bomba li ntużat fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Barra minn hekk, Adrian Agius instab ħati wkoll b’rabta mal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015.
Il-ministru issa ħatar inkjesta u għad irridu nsiru nafu jekk hux vera li Agius kien qed juża WhatsApp u jniżżel materjal li mbagħad kien iqassam lil priġunieri oħra.
Din il-ġimgħa wkoll, il-Kamra tal-Avukati resqet protest ġudizzjarju kontra diversi awtoritajiet tal-Istat wara allegazzjonijiet li komunikazzjonijiet kunfidenzjali bejn avukati u priġunieri setgħu ġew sorveljati jew irrekordjati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Kamra qalet li aktar kmieni dan ix-xahar irċeviet informazzjoni li tindika li fl-2021 kien inħareġ mandat li ppermetta l-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza f’żoni tal-ħabs fejn il-priġunieri jiltaqgħu ma’ viżitaturi, inklużi l-avukati tagħhom.
Minħabba f’hekk, il-Kamra issa ordnat lill-membri tagħha biex għada ma jattendux seduti fil-qrati, tribunali jew bordijiet f’Malta u Għawdex.
Sfortunatament, din mhijiex l-ewwel darba li l-ħabs ta’ Kordin jinstab taħt kritika serja.
Rapport tal-Ombudsman ippubblikat fl-2025, kien sab evidenza ta’ malamministrazzjoni sistemika fil-faċilità matul il-perjodu investigat. Ir-rapport identifika nuqqas ta’ ċarezza fir-rwoli u r-responsabbiltajiet, assenza jew insuffiċjenza ta’ proċeduri operattivi standard, nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet tal-priġunieri u fallimenti fil-mod kif kienu jinżammu reġistri obbligatorji skont il-liġi. L-Ombudsman ikkonkluda li kien hemm ksur sistematiku tar-regolamenti tal-ħabs u nuqqasijiet serji fil-governanza tal-istituzzjoni.
Dan it-tħassib ma ġiex mix-xejn. Fis-snin ta’ qabel, il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienet fil-qalba ta’ kontroversji marbuta ma’ numru allarmanti ta’ mwiet ta’ priġunieri, inklużi każijiet ta’ suwiċidju u mwiet li wasslu għal inkjesti maġisterjali. Fl-2021, wara l-14-il mewta ta’ priġunier taħt amministrazzjoni waħda, il-kap tal-ħabs dak iż-żmien, il-Kurunell Alex Dalli, kien issospenda ruħu fost pressjoni pubblika qawwija u allegazzjonijiet dwar trattament ħażin, iżolament eċċessiv u nuqqas ta’ superviżjoni adegwata.
Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, akkademiċi u entitajiet tad-drittijiet tal-bniedem ukoll ilhom jitolbu bidliet radikali fis-sistema korrettiva. Diversi NGOs sostnew li kienet żviluppat kultura aktar iffukata fuq il-piena milli fuq ir-riabilitazzjoni, filwaqt li indikaw li n-numru ta’ mwiet u attentati ta’ suwiċidju kienu sinjali ta’ problemi aktar profondi fil-mod kif il-faċilità kienet qed titmexxa.
Reċentement, rapporti Ewropej komplew jenfasizzaw sfidi persistenti. Il-Kunsill tal-Ewropa rrimarka li s-sistema tal-ħabs f’Malta qed taffaċċja problema ta’ ffullar serju, b’numru ta’ priġunieri li jaqbeż il-kapaċità uffiċjali. Rapport ieħor tal-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura nnota kundizzjonijiet f’ċerti sezzjonijiet tal-ħabs li ġew deskritti bħala degradanti, b’infrastruttura qadima, ventilazzjoni dgħajfa u nuqqas ta’ spazju adegwat.
Għalkemm l-awtoritajiet sostnew li saru riformi importanti wara l-inkjesti u r-rakkomandazzjonijiet li saru, din il-gazzetta għandha tħassib serju dwar jekk il-bidliet implimentati humiex biżżejjed.
Fuq il-każijiet li tqajmu dil-ġimgħa, inħeġġu lill-Ministru għall-Intern il-ġdid Glenn Bedingfield jippubblika l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet biex il-pubbliku jserraħ rasu li s-sigurtà fil-ħabs mhix mittiefsa u li d-drittijiet tal-priġunieri qed jiġu mħarsa.
