Editorjal|Meta l-politika barranija ta’ Malta ma jagħmilhiex il-gvern

Għalkemm il-politika barranija ta’ Malta hija formalment stabbilita mill-gvern, l-istorja turi li l-Ministri għall-Affarijiet Barranin spiss ħallew il-marka personali tagħhom fuq il-prijoritajiet u t-ton diplomatiku tal-pajjiż. Minn Guido de Marco sa Ian Borg, l-istil u l-konvinzjonijiet individwali ffurmaw ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta — u issa l-attenzjoni ddur fuq Chris Fearne biex naraw liema direzzjoni se jagħżel.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ Malta kellu rwol importanti fl-iżvilupp tal-politika esterna tal-pajjiż sa minn meta Malta kisbet l-Indipendenza fl-1964. Iżda għalkemm il-politika barranija għandha tkun ibbażata fuq linji gwida stabbiliti mill-gvern u approvati mill-kabinett, l-istil personali ta’ diversi ministri fil-kariga spiss kellu influwenza sostanzjali fuq il-prijoritajiet, il-lingwaġġ diplomatiku u anke fuq ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi partikolari.  

L-ikbar eżempju ta’ dan kien Guido de Marco, li serva bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin bejn l-1990 u l-1996 u għal darb’oħra bejn l-1998 u l-1999. De Marco ma kienx sempliċement amministratur tal-politika tal-gvern; kien statista b’viżjoni personali ċara dwar il-post ta’ Malta fid-dinja. Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tiegħu kienet li jissottometti l-applikazzjoni ta’ Malta għas-sħubija fil-Komunitajiet Ewropej fl-1990, pass li kien jirrifletti, mhux biss il-politika tal-gvern Nazzjonalista, iżda wkoll il-konvinzjonijiet Ewropej profondi tiegħu stess.  

De Marco ppromova simultanjament żewġ ideat li forsi kienu jidhru kontradittorji: integrazzjoni Ewropea qawwija u identità Mediterranja attiva. Hu argumenta li Malta setgħet tkun kemm Ewropea kif ukoll pont bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. Din l-enfasi fuq id-djalogu Ewro-Mediterranju kienet marbuta ħafna mal-ħsibijiet tiegħu stess u saret kważi sinonima mal-politika barranija Maltija ta’ dak il-perjodu.  

Tonio Borg serva fil-kariga bejn l-2008 u l-2012. L-isfond tiegħu fil-Partit Nazzjonalista u l-konvinzjonijiet Ewropej qawwija tiegħu kienu riflessi fil-politika esterna ta’ dak il-perjodu. Huwa ta prijorità kbira lir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea u lill-impenn Malti fi strutturi multilaterali. L-istil tiegħu kien formali u legali, b’enfasi fuq il-prinċipji u l-proċeduri. Dan wassal biex Malta ħafna drabi tkun aktar allinjata mal-pożizzjonijiet Ewropej komuni. Għalkemm din kienet il-linja tal-gvern ta’ dak iż-żmien, il-konvinzjoni personali tiegħu favur integrazzjoni Ewropea aktar profonda saħħet din it-tendenza. 

George Vella, li kien Ministru għall-Affarijiet Barranin bejn l-2013 u l-2017, kien diplomatiku ta’ natura aktar kawta u kunsenswali. It-taħriġ tiegħu bħala tabib u l-esperjenza politika twila tiegħu tawh reputazzjoni ta’ persuna li tippreferi medjazzjoni u kompromess. 

Matul il-mandat tiegħu, Malta enfasizzat il-koperazzjoni Mediterranja u d-djalogu ma’ pajjiżi Għarab. Għalkemm dawn kienu objettivi tal-gvern, il-mod prudenti u rispettuż ta’ Vella għamel il-politika esterna Maltija tidher aktar bilanċjata u inqas konfrontattiva. Il-preferenza personali tiegħu għad-diplomazija kwieta kienet tikkuntrasta mal-istili aktar assertivi ta’ ministri oħra.  Kien ukoll bħal De Marco voċiferu favur il-kawża Palestinjana. 

Meta Evarist Bartolo serva fil-kariga bejn l-2020 u l-2022, ġab miegħu stil li kien differenti minn dak tradizzjonali diplomatiku. Bartolo kien magħruf għall-kummenti diretti tiegħu u għall-enfasi fuq id-djalogu mal-pajjiżi ġirien fil-Mediterran, inklużi stati li xi drabi kienu kkunsidrati kontroversjali minn sħab Ewropej bħall-Palestina. Hu spiss esprima l-fehma li Malta kellha żżomm ċerta awtonomija fil-politika esterna tagħha minflok timxi dejjem mal-kunsens Ewropew. U dan b’mod speċjali li Malta ma tkunx servili għall-Istati Uniti. 

Eżempju ta’ dan kien l-approċċ tiegħu lejn il-Libja u l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq. Filwaqt li l-politika uffiċjali tal-gvern kienet tiffoka fuq stabbiltà reġjonali u kontroll tal-migrazzjoni, Bartolo ta’ spiss poġġa enfasi akbar fuq il-ħtieġa ta’ involviment diplomatiku kontinwu u relazzjonijiet personali ma’ atturi reġjonali. Dan wassal lil xi analisti biex jargumentaw li l-prijoritajiet tiegħu kienu riflessjoni tal-konvinzjonijiet personali tiegħu aktar milli ta’ strateġija definita fit-tul. 

Minn tmiem l-2022, Ian Borg adotta stil aktar pragmatiku u istituzzjonali. Madankollu, il-personalità tiegħu bħala ministru ffukat fuq riżultati konkreti u fuq il-bini ta’ relazzjonijiet ma’ alleati Ewropej u internazzjonali influwenzat b’mod ċar il-mod kif Malta ppreżentat ruħha barra minn xtutha. 

Taħt Borg, Malta tat importanza kbira lill-presidenza tagħha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-viżibilità internazzjonali. Għalkemm dawn kienu prijoritajiet tal-gvern kollu, il-mod enerġetiku u attiv tiegħu wassal għal preżenza diplomatika aktar viżibbli. 

Jidher ċar li f’Malta l-politika barranija ħafna drabi kienet “minister-driven” aktar milli “institution-driven”. Il-kontinwità tal-istat kienet teżisti, iżda l-enfasi, il-prijoritajiet u anke t-ton diplomatiku kienu jinbidlu skont il-karattru tal-ministru.  

Taħt Borg, kien hemm direzzjoni ċara lejn l-Istati Uniti. Tant hu hekk li kien kawt fil-kritika ta’ Iżrael u iktar u iktar kien issorprenda lil kulħadd meta kien issuġġerixxa l-Premju Nobel tal-Paċi għal Donald Trump. 

Kien hemm Ministri tal-Affarijiet Barranin oħra fosthom John Dalli, Michael Frendo u Carmelo Abela. Dalli kien magħruf l-aktar għall-konnessjonijiet fil-qrib mal-Gvern Libjan ta’ żmien Gaddafi. 

X’ton se jieħu issa Chris Fearne fil-kariga għad irridu naraw. L-isfidi tiegħu jinkludu t-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea, il-ġestjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mal-Mediterran, u l-immigrazzjoni. Imma jkun interessanti jekk Fearne ħa juża l-istess kejl u lingwaġġ fil-konfront ta’ kriżijiet internazzjonali kif ukoll fir-relazzjonijiet mal-Amerka. L-Istati Uniti ilha tagħmel pressjoni fuq Malta biex tiffirma Status of Forces Agreement (SOFA). Dan jagħti dritt lill-Amerka li tħarrak hi membri tal-forzi armati tagħha f’każijiet legali u kriminali u mhux il-pajjiżi fejn iseħħu il-każijiet. Malta s’issa irreżistiet u tinsisti li trattat bħal dan imur kontra l-liġijiet tagħna fuq l-istazzjonar ta’ bażijiet militari barranin f’pajjiżna. 

Din il-gazzetta tkun interessata tara x’se jagħmel Fearne. Interessanti wkoll naraw kif se jitkellem dwar Iżrael u dwar il-Palestinjani.  

Nistennew u naraw jekk hux hu wkoll se jħalli l-marka personali tiegħu fuq il-politika barranija ta’ pajjiżna jew jekk il-Prim Ministru hux se jiġbidlu r-riedni. 

More in Politika