Isem kontra isem, fis-saga tal-Prim Imħallef il-ġdid
Miriam Hayman kontra Wenzu Mintoff … u jidher li mhux se jkun hemm qbil
Il-proposta ta’ Miriam Hayman għal Prim Imħallef mill-Prim Ministru Robert Abela hija proposta u isem li bla dubju se jiġi skartat mill-Partit Nazzjonalista. U minkejja li quddiem it-taraġ ta’ Kastilja l-Prim Ministru kien stqarr li mhux lest jikxef l-isem, l-għada l-isem ta’ Hayman ġie mxandar f’gazzetta bl-Ingliż.
Issa kkonfermat minn sorsi viċin in-negozjati, il-PN ħareġ b’isem ieħor għall-Prim Imħallef li hu l-Imħallef Wenzu Mintoff, eks deputat parlamentari Laburista, kofundatur tal-Alternattiva Demokratika u qabel ma sar Imħallef, attivist kbir fil-Labour Party.
Ilbieraħ waqt il-konvenzjoni tal-Partit Nazzjonalista, il-PN informa lill-Gvern bin-nomina tiegħu.
Iż-żewġ proposti u ismijiet huma maħsuba biex joħolqu problemi għaż-żewġ naħat: Hayman biex tqajjem reazzjoni mill-faxxa Neo-Caruana Galizia fil-PN, u Wenzu Mintoff biex jinżera’ dissens fil-kamp Laburista.
Jidher li fil-każ ta’ Mintoff hemm rilutanza mill-gvern li jaċċetta l-isem ukoll.
Li huwa ċar hu li b’impasse dwar min għandu jkun Prim Imħallef, in-nominazzjoni għal din il-kariga Kostituzzjonali qed tkun kważi traġikomika. Mhux ċar min se jkun it-tellief jew ir-rebbieħ.
Iżda li huwa ċert hu li l-pubbliku qed jitlef il-paċenzja bit-teatrini tal-klassi politika.
