Is-saga tal-Bord tal-Paċi

Huwa ċar daqs il-kristall imma li dan il-bord jonqos bil-kbir li jagħti importanza lis-soluzzjoni ta’ żewġ pajjiżi ġirien u fl-istess ħin tinjora l-isforzi tan-NU. 

L-aħbar tal-Prim Ministru Robert Abela li Malta kienet “mistiedna informalment” u li qed tikkunsidra jekk tisseħibx fil-Bord tal-Paċi li nieda l-President Amerikan Donald Trump donnha ħasdet lil ħafna. 

Robert Abela saħaq fil-parlament li qed jikkonsidra li Malta tissieħeb fil-Bord tal-Paċi u qal li diġà saqsa għal pariri legali fuq il-kwistjoni. Qal ukoll li Malta tissieħeb mal-Bord jekk ikun fl-interess nazzjonali ta’ pajjiżna, anke jekk mingħajr il-qbil tal-Unjoni Ewropea. 

Dan il-bord huwa maħsub minn ħafna bħala grupp politiku intergovernattiv li se jkun rivali għan-Nazzjonijiet Uniti (NU) wara li l-amministrazzjoni ta’Trump irtirat l-impenn tagħha lejn 31 organizzazzjoni tan-NU u naqset l-appoġġ finanzjarju għal numru ta’ organi oħra tan-NU. Fost dawn il-pajjiżi nsibu pajjiżi li huma rinomati għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll stejjer antidemokratiċi. 

L-istqarrija ta’ Abela mill-ewwel qanqlet reazzjonijiet, kemm mill-kamp politiku u oħrajn. 

Ħafna, anke fil-Partit Laburista, qalu li ma jaqblux jew li hemm bżonn ta’ iżjed ċarezza tul il-mandat tal-Bord tal-Paċi u kif dan jista’ jaffettwa l-obbligi ta’ Malta. 

Wieħed ma jistax jifhem kif għall-Gvern Laburista, id-deċiżjoni dwar il-bord ta’ paċi kellu jkun daqstant diffiċli. Mhuwiex ċar jekk dan il-bord imurx kontra l-prinċipji li jsawru lill-Partit Laburista u t-twemmin tiegħu. 

Huwa ċar daqs il-kristall imma li dan il-bord jonqos bil-kbir li jagħti importanza lis-soluzzjoni ta’ żewġ pajjiżi ġirien u fl-istess ħin tinjora l-isforzi tan-NU. 

F’mument fejn l-Istati Uniti mmexxija minn Donald Trump qed jargumentaw li Greenland għandha tkun tal-Istati Uniti, fejn il-ftehim dwar il-Venezwela huwa marbut mal-bejgħ taż-żejt u mhux mad-drittijiet umani jew inkella mar-riformi demokratiċi, fejn il-qtil ta’ Amerikani fit-triq qed isir bl-iktar mod viljakk u abbużiv, l-idea ta’ Bord tal-Paċi mmexxi minn Trump hija dubjuża. 

U wara kollox, il-Prim Ministru xi jrid ifisser meta qal li rċieva stedina “informali”? Għalfejn pajjiżi oħrajn ġew mistiedna formalment minn Trump iżda Malta le? 

X’kienet ir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea meta qalilhom li qed jikkunsidra li nissieħbu fil-Bord anke jekk huma ma jaqblux? 

Il-pariri legali li qal li saqsa għalihom fuq xiex huma bbażati? In-newtralitàta’ Malta? Ir-reazzjoni mill-Unjoni Ewropea? L-impatt fuq ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti jekk ma nissiħbux? X’inhu li qed jinkwetah lil Robert Abela? 

Abela lanqas biss qalilna x’jaħseb hu personalment dwar jekk għandniex nissieħbu. 

U li huwa ċar huwa li pajjiżna għandu jkun kburi bil-mod kif matul is-snin kien jittratta l-każ tal-Lvant Nofsani. Li jwassalna għall-konklużjoni li kien aħjar kieku l-Prim Ministru ddikjara li fl-interess tal-politika barranija ta’ pajjiżna nibqgħu barra mill-Bord tal-paċi. 

More in Politika