Malta muta dwar l-intenzjoni ta’ Trump li jiddikjara Greenland parti mill-Istati Uniti
Malta tispikka bl-assenza ta’ dikjarazzjoni kontra l-ħsieb ta’ Trump li jiddikjara Greenland bħala parti mill-Istati Uniti
“Malta qatt ma dehret paljazza u satellita ta’ l-Istati Uniti daqs illum,” dan qalu Ministru Laburista ewlieni hekk kif Malta baqgħet tevita li tikkumenta fuq l-intenzjoni ta’ Donald Trump li jieħu Greenland li hija parti mid-Danimarka.
U kompla jgħid: “Dan biex mingħalina nidhru sbieħ mal-Amerikani u ma Trump. Mhux sew li qed nagħmlu li nkunu servili lil Amerika. Dan mhux il-Partit Laburista li naf jien.”
“Jien ċert li dan mhux dak li jixtieq Robert Abela.”
Il-President Amerikan minkejja li huwa lemini u f’ċerti istanzi lemin estrem sab l-ammirazzjoni tal-Gvern Malti li huwa mmexxi mill-Partit Laburista li infatti huwa membru fil-grupp Socialist Interrnational.
Iżda jidher ċar li l-era tal-Perit Dom Mintoff u Alfred Sant u George Vella li kienu tradizzjonalment kritiċi ħafna tal-Amerika huwa eku tal-passat hekk kif il-Partit Laburista inħakem minn ħsieb prevalenti b’dikjarazzjoni pubblika favur il-politika Amerikana.
Fost dawn kien hemm l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li kien jiftaħar kemm jammira il-Trump u anke l-Ministru preżenti tal-Affarijiet Barranin Ian Borg. Borg grazzi għal fatt li wieħed minn nies l-iktar viċin Trump kien Sergio Gor li kien trabba Bormla u kien jaf il-Muscat u anke Keith Schembri il-kap tas-segretarjat ta’ Muscat. Gor li illum huwa ambaxxatur tal-Istati Uniti fl-Indja kien għamel mezz biex wieħed mill-mistiedna għall-inawgurazzjoni ta’ Donald Trump f’Jannar kien Borg stess.
Borg sorprenda lil kullħadd meta ftit ġimgħat ilu ippropona lil Trump għal premju tal-paċi. L-azzjoni ta’ Borg tikkontrasta bil-kbir mas-sentiment Ewropew ta’ dawk li jiffurmaw parti mill-familja soċjal demokratika.
Il-biża li Trump jiddikjara Greenland parti mill-Amerika huwa li dan il-pass żgur iwassal għal kriżi kbira fin-Nato u kif ukoll fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa.
Fl-Unjoni Ewropea kien hemm dikjarazzjonijiet li jaffermaw l-appoġġ lil Danimarka. U fuq livell ta’ mexxejja kien hemm bosta pajjiżi li qalu ċaru u tond li ma jaqblux ma’ Trump.
Malta kienet fost dawk li ma qalu xejn.
L-istess Ministru qal lil din il-gazzetta: “Mela fuq l-Palestina domna seklu biex niddeċiedu dwar ir-rikonoxximent u issa ser noqgħodu kwieti fuq Greenland. Ma jistax ikun li anke fuq din noqgħodu lura għax iridu nidhru sbieħ ma’ Trump.”
