Il-buffi fil-politika
Mhu se ngħidu lil ħadd x’għandu jagħmel, għajr li nosservaw li iktar ma Micallef jitgħallem iżomm ħalqu magħluq, iktar jagħmel ġid lilu nnifsu u lill-Partit li mingħalih qed iservi.
Li Jason Micallef huwa antipatku jafha kulħadd. Li Paula Mifsud Bonnici tagħmel bħat-tfal meta taqbeż quddiem il-kamera fil-parlament, kulħadd jaf. Li Adrian Delia jaġixxi b’mod stramb, kulħadd jaf. Fil-politika hemm nies li l-atteġġjament tagħhom huwa sa ċertu punt tollerat.
Li mhux tollerabbli hu li meta jkollok persuna taqbeż il-linja ħadd ma jgħidilha xejn. L-azzjonijiet tad-deputati Nazzjonalisti fil-parlament meta kien qed jitkellem il-Prim Ministru mhumiex aċċettabbli. Tista’ ma taqbilx ma’ Robert Abela, imma l-azzjonijiet kienu esaġerati u mhux dekorużi. M’aħniex qed ngħixu f’pajjiż fejn id-demokrazija hija mhedda jew hemm attentat biex id-demokrazija titnaqqar. Kien hemm baġit, u baġit li ġie ppreżentat skont il-proċeduri.
Inkredibbilment, l-azzjonijiet tagħhom ma kinux innutati jew ikkritikati mit-tmexxija Nazzjonalista, u dan hu sinjal ħażin ħafna. Mhux sinjal tajjeb għal Alex Borg.
Min-naħa l-oħra, għandna lil Jason Micallef, persuna li jilbes ħafna kpiepel u filwaqt li forsi hawn min jaħseb li huwa maħbub fil-Partit Laburista, Micallef huwa kkunsidrat bħala persuna antipatiku u kattiv. Persuna li jgħajjar lil kulħadd li huwa loser, meta jinsa li kien fl-istrutturi ta’ partit li qatt ma seta’ jirbaħ bl-istil tiegħu. Tant hu hekk, minkejja li llum jiddefendi lil Joseph Muscat, kien imwarrab miċ-ċentru tal-poter tal-PL ta’ dak iż-żmien.
Il-ministri jafu min hu Micallef. Persuna li meta jrid jattakka jsemmi lil kulħadd u jagħmel l-istess żball li kienet tagħmel Caruana Galizia li tattakka, mhux il-persuna, imma lil dawk kollha li huma marbuta ma’ dik il-persuna.
Micallef jaħseb ukoll li min jikkritikah huwa Nazzjonalist, meta onestament, il-persuni li jsibuh antipatiku u dardira huma nies b’ebda affiljazzjoni politika.
Is-saga tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’Qali tiddeskrivi jew inkella tfakkarna fil-mod kif Micallef jaġixxi meta jiġi affaċċjat bi kritika.
Imma l-każ taż-żrar f’Ta’ Qali hija biss farka tal-istil politiku ta’ Micallef. L-istil tiegħu huwa dak li m’għandux ikun jew jeżisti f’xi partit. Stil li tattakka lil min jikkritikak jew inkella min ma jaqbilx miegħek iwassal biex persuna tirribatti bi kliem esaġerat, aġġettivi bla bżonn, u kummenti pwerili.
Micallef huwa uffiċjal pubbliku mħallas mit-taxxi tan-nies. Qed iservi bil-buona volonta tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Anke jekk ma jridx, irid iżomm xi forma ta’ dekor. Irid irażżan ilsienu u jaġixxi ta’ matur, u mhux ta’ kattiv u irrazzjonali.
Bħalma ktibna qabel f’din il-kolonna, huma nies bħal Jason Micallef li qed ibiegħdu lill-votant milli jikkunsidra li jerġa’ jew jagħti l-vot lill-Gvern ta’ Robert Abela.
Mhu se ngħidu lil ħadd x’għandu jagħmel, għajr li nosservaw li iktar ma Micallef jitgħallem iżomm ħalqu magħluq, iktar jagħmel ġid lilu nnifsu u lill-Partit li mingħalih qed iservi.
F’partiti politiċi dejjem issib nies li jħallu togħma ħażina. Nies li jkunu żbukkati jew diretti żżejjed. Imma hemm differenza bejn li tkun ikkulurit u animat, u pastaż u dinosawru. Jason Micallef jaqa’ fit-tieni kategorija. Persuna li anke fi żmien Joseph Muscat kien ikkunsidrat antipatku u mażżra għall-Partit Laburista.
