Sarah Schembri | Spazji bla ruħ

'L-ispazji pubbliċi għandhom jirriflettu li aħna għandna valur ogħla mill-konsumeriżmu. Min m’għandux x’jonfoq għandu jħossu komdu f’dawn l-ispazji daqs min għandu'

M’hemmx għalfejn ngħid li l-ambjent urban li ngħixu fih jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ kuljum. Ovvja, hux? Madankollu, xorta kont mistagħġba li sibt lili nnifsi nħossni ċertu mod meta biddilt l-ambjent li kont ngħix fih, mingħajr ma stajt nispjega eżatt kif u għalfejn. 

Tmien snin ilu mort noqgħod il-Kanada, fejn qattajt ħames snin ngħix ġewwa l-Quebec. Ta’ spiss kont inħossni skomda meta kont insib ruħi ġo ċerti postijiet pubbliċi miftuħin ġewwa l-ibliet. Domt ħafna biex indunajt x’kien qed idejjaqni f’dawn l-ispazji pubbliċi fil-Kanada. Kont nitħasseb dwar kif dawn l-ispazji miftuħa, li kienu moderni u miżmuma tajjeb, ma kinux jistidnuni nqatta’ iktar ħin fihom. Għaliex ma kontx qed inħossni milqugħa? 

Issa naf li dan huwa fenomenu magħruf li huwa assoċjat ma’ spazji pubbliċi ikkontrollati mill-privat, jew ‘POPS’ (Privately Owned Public Spaces). Għalkemm dawn il-postijiet jagħtu impressjoni ta’ art pubblika, ikunu fil-fatt privati jew amministrati mill-privat. L-aċċess għal dawn l-ispazji ħafna drabi jkun miftuħ, imma jkun miżmum u rregolat mill-privat. Ta’ spiss, dawn il-postijiet ma jkunux saru spazji miftuħa b’mod organiku, imma jkunu ġew imfasslin minn bord li mhux parti mill-komunità. Ġieli ma jkunux fil-qalba tal-ebda komunità u trid issuq biex tasal għalihom. Ġieli jagħtu impressjoni wisq sanitizzata u bla ruħ, u spiss ikunu kummerċjalizzati.  

Issa li esperjenzajt pajjiż fejn ħafna mill-ispazji “pubbliċi” huma fil-fatt privati, sirt kapaċi nxommhom mill-bogħod. Inħoss sens ta’ opportunità mitlufa meta mmur fil-partijiet pubbliċi ta’ Portomaso, jew ta’ Smart City, jew ta’ Tigné. Dawn huma eżempji lokali ta’ postijiet miftuħa għat-tgawdija tal-pubbliku, imma li kważi ħadd ma jużahom jekk mhux bil-ħsieb li jonfqu xi ħaġa. M’għandhomx x’jaqsmu mal-pjazza tar-raħal, jew il-misraħ, jew iz-zuntier jew imqar bank taħt xi siġra, fejn jiltaqgħu n-nies biex jgħidu kelma, jagħmlu xi attività, jew sempliċement ipoġġu u jaraw il-ħajja għaddejja. M’għandhomx x’jaqsmu ma’ spazji ħajjin fejn nies ta’ kull età u sfond tal-ħajja jmorru bi ħġarhom, u fejn m’hemmx għalfejn tonfoq flus biex tgawdihom. 

Il-prijoritajiet tal-privat qatt mhu se jkunu jaqblu mal-prijoritajiet għall-ġid tal-pubbliku. Għalkemm il-privat jaf ikun kapaċi joħloq postijiet pubbliċi sbieħ, l-għan aħħari ta’ kumpanija privata hu li tagħmel profitt. Postijiet urbani pubbliċi, li jagħtu serħan, u li għandhom għanijiet kulturali u soċjali ma jagħmlux tant qligħ finanzjarju. Jekk l-irwol ta’ park pubbliku hu s-serħan, l-irwol ta’ park pubbliku privat hu s-serħan waqt li tonfoq xi ħaġa. L-ispazji pubbliċi għandhom jirriflettu li aħna għandna valur ogħla mill-konsumeriżmu. Min m’għandux x’jonfoq għandu jħossu komdu f’dawn l-ispazji daqs min għandu. 

Ma ninsewx ukoll li spiss ikun hemm differenza bejn dak li jiġi mwiegħed fl-istadju tal-applikazzjoni ta’ żvilupp u dak li jiġi mwettaq tul l-operazzjoni tas-sit. L-affarijiet, fil-fatt, spiss jinbidlu skont l-esiġenzi tal-kumpanija. Nistgħu nieħdu eżempju b’Tigné li oriġinarjament kellu jkollu aċċess pedonali kważi kullimkien. Dan il-pjan inbidel u l-aċċess għal parti sostanzjali ngħalaq meta kien ċar li x-xerrejja riedu gated community. L-aċċess kompla jonqos meta, riċentement, il-belvedere u l-passaġġ li jwassal għalih ingħalqu f’Settembru 2024 minħabba l-bżonn ta’ tiswijiet. Iktar minn seba’ xhur wara, l-aċċess għadu magħluq mingħajr indikazzjoni ta’ meta se jerġa’ jinfetaħ. 

Fl-aħħar mill-aħħar, meta tkun fi spazju miftuħ li mhuwiex tal-pubbliku tkun qiegħda fi ħwejjeġ ħaddieħor u dan għandu dritt jissorvelja ħwejġu. Ir-regolamenti li jgħoddu f’postijiet privati huma differenti minn dawk f’postijiet pubbliċi u jistgħu jinbidlu mingħajr twissija. Biex jassiguraw li dawn ir-regoli jkunu obduti hemm bżonn ta’ monitoraġġ, ħafna drabi minn kumpaniji privati oħra ta’ sorveljanza.  

Nerġa’ lura għall-Kanada. Kienet ġurnata sabiħa, u kont ġo park ma’ sħabi. Kien hemm ħafna li għamlu l-istess, fosthom grupp imdaqqas ta’ anzjani li ġabu l-ikel magħhom u għaqqdu xi mwejjed flimkien biex jieklu. Ġabu sa tvalji u tazzi tal-inbid magħhom! Imma malli fetħu flixkun inbid biex iferrgħuh, tfaċċaw għal għarrieda żewġ gwardjani li qalulhom li mhux permess l-alkoħol. L-inbid kellu jibqa’ fil-basket. Jien u sħabi ma konniex rajniehom lill-gwardjani, imma, ċarament, lilhom ma kien qed jaħarbilhom xejn!  

Allura bilfors nistaqsi: kemm tista’ tħossok libera fi spazju ssorveljat u miżmum għall-privat? Kemm huwa possibbli li attivitajiet komunitarji jiżvolġu b’mod naturali fi spazju li la huwa komunitarju u lanqas naturali?  

Għalhekk, għandi d-dubji tiegħi dwar il-pjan maħsub għal Manoel Island mill-MIDI. Minkejja l-aħjar intenzjonijiet tal-konsorzju, ma nħossx li l-proġett propost tassew jista’ jwieġeb għall-bżonnijiet tal-pubbliku tal-lum. Manoel Island għandha tkun park; il-bżonn ta’ dan huwa ovvju. Dan il-park għandu jkun f’idejn il-pubbliku biex tassew jilħaq l-għan ta’ park miftuħ u għal kulħadd; biex tassew ikun Post Għalina. 

Jekk taħsbuha bħali, inħeġġiġkom tingħaqdu ma’ eluf oħra billi tmorru fuq www.manoelislandcampaign.com, tiffirmaw il-petizzjoni, u xxerrdu l-għan tal-kampanja Manoel Island: Post Għalina ma’ kull min tafu.

More in Politika