'Irridu Belt li toffri esperjenzi kulturali u soċjali għal kulħadd, iżda li tagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja ta’ min jgħix fil-Belt Valletta'

Il-ġurnal ILLUM ipoġġi mas-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, biex isaqsih numru ta’ mistoqsijiet dwar kwistjonijiet li qed jolqtu l-Belt

Is-sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay
Is-sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay

Bħalissa, il-Belt Valletta qed tispiċċa fuq l-aħbarijiet bosta drabi — u ħafna mid-drabi għal raġunijiet ħżiena. Ħu mill-istorja riċenti li allegat li — biex nittraduċu l-frażi oriġinali — il-Belt saret “bejta tal-kokaina”. Għalhekk, il-ġurnal ILLUM iddeċieda li jkellem lis-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, biex nistaqsuh għall-verżjoni tiegħu rigward dawn il-problemi u dwar x’jaħseb dwarhom. 

Bħalissa għaddejja kummerċjalizzazzjoni qawwija tal-Belt Valletta, saħansitra b’ċerti nies jgħidu li l-Belt saret “it-tieni Paceville”. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar dan? Taħseb li l-kummerċjalizzazzjoni għandha titnaqqas jew bil-kontra, tiżdied? 

Il-Belt Valletta għandha tkun belt vibranti, imma mhux waħda bla kontroll. Kull attività għandha ssir b’rispett lejn ir-residenti u anke lejn iċ-ċittadini inġenerali. Nemmen fil-bilanċ: mhux kontra l-kummerċ, iżda favur mudell aktar sostenibbli u responsabbli. Irridu Belt li toffri esperjenzi kulturali u soċjali għal kulħadd, iżda li tagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja ta’ min jgħix fil-Belt Valletta. 

It-Times of Malta rrappurtaw dwar il-prevalenza tal-użu tal-kokaina fil-Belt. Tant saret prevalenti d-droga li bejjiegħ tad-droga minnhom qal, “Valletta is a coke den”. X’taħseb dwar dan? U għandek fi ħsiebek miżuri sabiex jitnaqqas l-użu tal-kokaina? 

Dak il-kliem huwa mhux biss allarmanti, imma wkoll inaċċettabbli u offensiv lejn il-komunità Beltija. Il-ġlieda kontra d-droga hija sfida nazzjonali u anke Ewropea, mhux problema marbuta biss mal-Belt Valletta. Illum, l-użu u l-bejgħ ta’ sustanzi bħal dawn qed jinfirex f’diversi bliet kapitali fl-Ewropa, u Malta mhijiex eċċezzjoni.  

Jiddispjaċini li l-Belt Valletta qed tiġi mmarkata b’dan il-mod, għax ir-residenti mhux biss inkwetati, imma wkoll urtati li Belt storika u b’valur kulturali uniku qed tiġi stigmatizzata b`dan il-mod. Ma nistgħux nirkbu fuq is- sensazzjonaliżmu — irridu naħdmu fuq din l-isfida, mhux biss il-Belt. Irridu nedukaw aktar. 

Bħala Kunsill, flimkien ma’ sħabi, se nkompli naħdem biex insaħħu l-għarfien u l-edukazzjoni dwar id-droga, speċjalment fost iż-żgħażagħ, f’kollaborazzjoni ma’ skejjel, NGOs u entitajiet. Fl-istess waqt, nappella għall-infurzar aktar robust u koordinazzjoni kontinwa mal-Pulizija. Il-Belt Valletta għandha tkun post sigur — mhux għal min jabbuża, imma għal min jgħix, jaħdem u jżurha b’rispett. 

Numru ta’ għaqdiet qed jgħidu li l-istatus tal-UNESCO tal-Belt Valletta hija fil-periklu li tintilef minħabba nuqqas ta’ salvagwardji adegwati. X’taħseb dwar dan? Beħsiebek tieħu xi forma ta’ azzjoni biex l-istatus jiġi salvagwardjat? 

Żgur li l-Belt Valletta għandha tkun salvagwardjata minn kull aspett billi hija l-unika belt kapitali fl-Ewropa li tgawdi mill-istatus prestiġjuż tal-UNESCO. L-għadd kbir ta’ nies li jżuruha diġà juri kemm hi importanti din il-belt. Madankollu, il-Belt Valletta mhijiex biss mużew miftuħ; hija wkoll belt ħajja, fejn kuljum jgħixu u jaħdmu ħafna Maltin, u fejn isseħħ attività kontinwa li tagħtiha l-karattru uniku tagħha. 

Għalhekk, huwa essenzjali li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-Belt Valletta m’għandhomx ikunu responsabbiltà ta’ xi ftit biss, iżda dmir komuni. Kull ċittadin, kull entità governattiva, il-Gvern Ċentrali, u l-għaqdiet volontarji kollha għandhom jingħaqdu flimkien biex jaraw li l-belt tkompli toffri dak li jfittxu mhux biss it-turisti, imma wkoll dawk li jgħixu fiha. 

Mhux biżżejjed li nħossu l-biża’ li l-Belt Valletta titlef l-istatus ta’ UNESCO. Minflok, hemm bżonn ta’ ħidma konkreta, magħquda u effettiva biex jitħarsu l-valuri, l-istorja u l-kultura ta’ din il-belt kapitali. Il-Belt Valletta hija teżor nazzjonali u għandu jkun fl-interess ta’ kulħadd li jiġi mħares b’mod serju u bi mħabba. 

X’taħseb dwar il-proġett tar-restawr tal-Konkatidral ta’ San Ġwann? 

Huwa proġett meħtieġ u meritevoli. Il-Konkatidral huwa ġojjell artistiku u reliġjuż għal Malta kollha. Irridu naraw li r-restawr isir bi kriterji professjonali għoljin u b’rispett lejn l-ambjent u l-komunità tal-madwar. Il-Kunsill Lokali jappoġġja kull inizjattiva li tħares il-wirt, sakemm isir bi trasparenza u konsultazzjoni. 

Minn rapport li ħarġet dil-gazzetta, jidher illi żewġ toroq partikolari fil-Belt Valletta jiġġeneraw numru sostanzjali ta’ multi. Dawn huma Triq Girolamo Cassar u Triq San Pawl. Taħseb li l-multi huma deterrent b’saħħtu biżżejjed biex dawn il-kontravenzjonijiet jieqfu għalkollox? Jekk le, x’tipproponi li għandu jsir? 

Il-multi huma biss parti mill-istampa. Irridu sistema aktar intelliġenti u edukattiva ta’ infurzar b’teknoloġija bħal kameras AI, sinjali ċari, u kampanji ta’ għarfien. Meta jkun hemm rispett reċiproku bejn l-awtoritajiet u ċ-ċittadini, ħafna affarijiet jirranġaw ruħhom. 

Jidher li hemm numru ta’ binjiet illegali l-Belt, kif ukoll numru ta’ negozji li qed joperaw kontra l-liġi. X’tipproponi li għandu jsir biex dawn jitnaqqsu darba għal dejjem? 

Il-liġi trid tiġi rispettata minn kulħadd. L-irregolaritajiet ma jħallux impatt biss fuq id-dehra tal-Belt iżda fuq l-ispazju, il-ġustizzja soċjali u l-ġid komuni. Għandna bżonn infurzar aktar koordinat u database ċentrali b’verifika regolari mill-Awtorità tal-artijiet u l-MTA biex insemmu ftit. Fl-istess ħin, nappoġġja sistema ta’ għajnuna biex negozji żgħar jagħmlu l-affarijiet b’mod korrett, mhux bil-biża’, iżda b’kuxjenza, aħna komessi li naraw li jinstab bilanċ bejn l-estetika u l-ambjent tal-belt. 

Bħala Sindku tal-Belt Valletta, il-ħidma tiegħi u tal-Kunsill li mmexxi huwa Kunsill li jservi lil hinn mill-politika partiġġjana għall-ħarsien tal-ġid komuni, il-komunità fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. 

More in Politika