Carmel Cacopardo | Air Malta: Vittma tal-klijenteliżmu

Mill-istrateġiji, kieku, l-Air Malta qatt ma kienet nieqsa!  Sfortunatament qatt ma kien hemm rieda biex ikun indirizzat in-nuqqas fundamentali tal-kumpanija, l-kontroll politiku. L-Air Malta għexet kontinwament bil-kontroll politiku li spiċċa qeridha darba għal dejjem. Issa l-qrid li għaddej, kollu għal xejn, tard wisq! 

Bħal-lum ġimgħa, fil-Parlament, l-Oppożizzjoni talbet dibattitu urġenti dwar il-futur tal-Air Malta. L-Ispeaker, korrettement ma laqax it-talba. Għax x’sens jagħmel li żżomm dibattitu ta’ din ix-xorta waqt li għadhom għaddejjin negozjati sensittivi, anke jekk dawn qed joqorbu lejn it-tmiem? 

Iktar kien jagħmel sens kieku l-Oppożizzjoni tablet li kellha tinżamm infurmata dwar fejn waslu in-negozjati. Dan ikun xieraq li jsir, fl-interess pubbliku u abbażi tal-fatt li l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali. Imma sfortunatament  l-Oppożizzjoni iktar hi interessata fit-teatrin! 

Il-PN għandu ħafna x’joffri dwar dan kollu li għaddej, għax bħal-Labour, tul is-snin ta kontribut biex żviluppat il-qagħda attwali tal-Air Malta, waħda fejn ġiet żviluppata dipendenza fuq il-klijenteliżmu. It-tnejn li huma jġorru responsabbiltà għall-qagħda attwali. 

L-istat attwali tal-Air Malta hu wieħed ta’ eżempju kif il-klijenteliżmu jkollu impatt fuq intrapriża pubblika li tul is-snin tmexxiet b’favoritiżmu politiku. It-tmexxija tal-Air Malta hi ukoll riflessjoni ta’ kif tmexxa l-pajjiż. Il-klijenteliżmu qered lill-Air Malta, bħalma qiegħed jeqred lill-pajjiż. 

Tul is-snin l-Air Malta kienet mgħobbija b’ħafna iktar impiegi milli kienet tiflaħ. Deċiżjonijiet ta’ tmexxija ttieħdu minn politiċi li f’xi waqtiet l-anqas rieda tajba ma kellhom!  Tiftakru, per eżempju, lil Konrad Mizzi eks Ministru li fl-2019 kien ħabbar li fl-aħħar l-Air Malta kienet għamlet profitt? Dakinnhar kulħadd kien jaf li din kienet gidba ħoxna! 

Kellna eks Direttur tal-Air Malta li miet riċentement, li f’artiklu li kien kiteb xi snin ilu, kien iddeskriva lill-Air Malta bħala l-baqra li l-politiċi kontinwament jaħilbu. Riżultat ta’ hekk in-numru ta’ impjegati spara l-fuq, b’mod partikolari fil-perjodi qrib ta’ xi elezzjoni ġenerali. 

L-affarijiet ilhom ċari. Saru eżerċiżżji ta’ ristrutturar u ħarġu numru ta’ skemi ta’ irtirar kmieni. Intefqu flejjes kbar, imma l-Air Malta xorta baqgħet f’diffikultà minkejja l-fondi pubbliċi li xorbot. Hu għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni Ewropeja qed tirreżisti li għal darba oħra jkun hemm għajnuna minn fondi pubbliċi: l-Air Malta kellha kemm-il darba għajnuna biex tirkupra, imma kull darba reġgħet għal li kienet: ħliet dak li rċeviet! 

Il-wasla tal-linji tal-ajru low cost għamlu s-sitwazzjoni ħafna iktar diffiċli għall-Air Malta għax dawn huma mibnija fuq mudell ekonomiku li l-Air Malta, frott tal-qagħda tagħha, ftit setgħet tikkompeti miegħu.  Mgħobbija kif kienet bl-spejjes, hemm limitu  kemm l-Air Malta setgħet tiċċaqlaq f’suq dejjem iktar kompetittiv. 

L-istrateġija li fassal il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana lejlet l-elezzjoni tal- 2022 ġiet tard wisq. Il-marda kienet daħlet il-ġewwa wisq. 

Il-klijenteliżmu flimkien mal-għajununa minn fondi pubbliċi, lill-Air Malta kissruha. Kien għaldaqstant inevitabbli li illum jew għada l-Air Malta kellha tiffaċċja r-realtà.  L-affarijiet ilhom ċari sa mill-2004 meta Malta issieħbet fl-Unjoni Ewropeja: l-ebda pajjiż ma jista’ juża fondi pubbliċi biex joħnoq il-kompetittività. Il-fondi pubbliċi bħala għajnuna lill-intrapriża jistgħu jintużaw biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u ċertament mhux b’mod repetut. L-Air Malta kellha kważi 20 sena ċans, li ħliethom. Xorbot il-fondi pubbliċi bla ma tat riżultati. 20 sena li tulhom kien hemm Gvern immexxi mill-PN u ieħor immexxi mill-Labour! 

Minn strateġiji, kieku, l-Air Malta qatt ma kienet nieqsa!  Sfortunatament qatt ma kien hemm rieda biex ikun indirizzat in-nuqqas fundamentali tal-kumpanija, l-kontroll politiku. L-Air Malta għexet kontinwament bil-kontroll politiku li spiċċa qeridha darba għal dejjem. Issa l-qrid li għaddej, kollu għal xejn, tard wisq! 

More in Politika