Miriam Dalli | Rispett u dinjità

Ma nistgħux ndawwru l-arloġġ lura u nħassru dawk l-affarijiet koroh li ġraw. Imma għandna d-dmir li nindirizzaw x’qed iwassal għal dawn is-sitwazzjonijiet u kif nistgħu nevitaw

Kont diġà bdejt nikteb din l-opinjoni dwar it-tema tat-tibdil fil-klima u s-sehem ta’ Malta fis-Summit COP27 meta nħsadna bl-aħbar bil-qtil ta’ Bernice Cassar. Għalhekk, ma nistax ma niddedikax dan l-ispazju li għandi llum għal dan il-fatt. 

Inħsadna u mteljna bid-dieqa għal ħajja oħra li ntemmet ferm qabel iż-żmien. Nilqa’ l-inkjesta li se ssir f’dan il-każ. Segwejt l-esperjenzi ta’ nisa li għaddew minn sitwazzjonijiet ta’ abbuż u l-esperjenzi tagħhom. Filwaqt li hu impossibbli li tikkontrolla kull azzjoni li tista’ ssir, nemmen li ċertu affarijiet jistgħu jitjiebu. Għandna nagħmlu dan b'rispett lejn il-memorja ta’ dawk li kollha li m’għadhomx magħna. 

Nisa bħal Vanessa Grech, Josette Scicluna, Rachel Muscat, Catherine Agius, u Christine Sammut fost oħrajn. Ommijiet, aħwa, ulied li mal-mewt tagħhom wegħdna, bħala soċjetà, li rridu nagħmlu l-almu tagħna biex nevitaw aktar mwiet. Ħa nkun ċara: ħadd ma jista’ jwaqqaf kull azzjoni milli tiġri imma nemmen li jista’ jkun hemm strutturi aktar b’saħħithom. Metodi li anke l-vittma verament tħoss u tara li mhix titħalla għal riħha. Li qed tingħata widen. 

Aktar kmieni din is-sena kienet importanti li fil-liġijiet ta’ pajjiżna nispeċifikaw it-terminu femiċidju. Għalkemm omiċidju jibqa’ omiċidju, permezz ta’ din il-liġi, qed jiġi pprovdut li meta jkun hemm ċirkostanzi li jindikaw li l-qtil huwa femiċidju, allura dawn għandhom jaħdmu kontra l-għoti ta’ pieni anqas ħorox. Kemm-il darba smajna dwar każijiet fejn qtil abbażi tal-ġeneru kważi, kważi jiġi skużabbli taħt skuża ta’ passjoni istantanja. Din is-sitwazzjoni mhux aċċettabbli u huwa pożittiv li ġiet indirizzata. 

Lil hinn mill-istrutturi - fudamentali li jiġu indirizzati - irridu nammettu li fadlilna ħafna x’naħdmu biex neqirdu darba għal dejjem l-idea li għandhom xi wħud illi raġel għandu xi saħħa jew jedd fuq mara. U qabel ma taħseb li dan huwa xi kumment ġeneriku, aħseb ftit dwar dawn il-vittmi u x’għandhom komuni. M'inix qed ngħid li m’hawnx irġiel li jsofru abbużi mis-sieħba jew sieħeb tagħhom. Imma huwa fatt li dawn il-vittmi ta’ qtil kienu nisa. 

Għalhekk le, dawn mhumiex kummenti esaġerati. Din l-attitudni u din il-kultura wasslet għal uħud mill-agħar qtil ta’ nisa f’pajjiżna. Tista’ tkun riżultat ta’ problemi soċjali oħra u ta’ saħħa mentali. Imma żgur li hemm rabta mal-fatt li kull ġeneru għandu jitqies ugwali.  

Ngħallmu ir-rispett 

Bħala soċjetà għandna r-responsabilità li kull tip ta’ abbuż, anke jekk għal xi wħud jista’ jidher żgħir, qatt ma għandu jkun aċċettat. L-ugwaljanza tfisser li neradikaw il-mentalità ta’ min jaħseb li jista’ jabbuża minn mara għax hija mara. Ta’ min jaħseb li hija aktar ‘dgħajfa’; ‘debboli’ jew għax ‘ħaqqha’. Ta’ min jirraġuna li qalgħet xebgħa għax ‘tort tagħha’, għax ‘ma messhiex għamlet hekk’ jew ‘ma misshiex libset hekk’. 

U għalhekk nemmen li rridu nindirizzaw din is-sitwazzjoni fuq livelli differenti. Mhux kwistjoni ta’ soluzzjoni waħda imma trid tiġi indirizzata minn aspetti differenti: Mill-edukazzjoni, għas-servizzi offruti, mill-ħidma fil-komunità għall-istrutturi aktar istituzzjonalizzati. Nedukaw fl-iskejjel, fid-dar, meta t-tfal jattendu lezzjonijiet reliġjużi, meta jattendu l-isports. Meta l-adulti jattendu attivitajiet sportivi. Fuq il-post tax-xogħol. Kullimkien. Għax kullimkien huwa l-post ideali fejn ngħallmu u nkomplu nitgħallmu kif nuru rispett lejn xulxin. Fejn persuna tas-sess oppost la għandha tiġi meqjusa bħala dgħajfa jew seftura ta’ xi ħadd u lanqas aktar b’saħħitha li tista’ tagħmel li trid.  

Irridu ngħallmu r-rispett mid-dar. Bħala omm ta’ żewġ subien nħoss li għandi responsabilità akbar li jħarsu lejn kull tifel u tifla bħala ugwali. Li m’hemmx differenza ta’ min hu superjuri jew inferjuri. Tibda minn affarijiet żgħar: Ix-xogħol li jsir id-dar, kif jittrattaw lil sħabhom waqt sessjoni ta’ sports, kif jirreaġixxu meta xi ħaġa ma tmurx kif xtaquha. 

Nemmen bis-sħiħ li kull wieħed u waħda minna għandna rwol biex flimkien nedukaw u neradikaw il-vjolenza. Mhux kull każ ta’ vjolenza jispiċċa fl-aħbarijiet. Personalment ltqajt ma’ każijiet ta’ tfjaliet u anke nisa akbar li spiċċaw msawwta mis-sieħeb… għax jaħsbu li “jħobbhom” jew għax jaħsbu “li ħadd mhu se jħobbhom”. 

Għadna ngħixu f’soċjetà fejn il-kultura patrijarkali għadha tiddomina. Ta’ min jaħseb li jista’ jirredikola mara għax mara. Ta’ min jippatronizza fi kliemu. Ta’ min jinsulenta b’affarijiet li huma relatati man-nies għax b’hekk iħossu aktar macho. Ta’ min jaħseb li mara mhux kapaċi daqs raġel u ma tistax tirnexxi. U dan huwa rifless fis-soċjetà b’mod inġenerali: Fil-karrieri li naraw jiżviluppaw; fuq il-postijiet tax-xogħol; fil-promozzjonijiet, fil-pagi u anke fil-politika.  

B’sens ta’ rispett, b’sens ta’ solidarjeta u b’sens ta’ umilta rridu ngħarfu li kull wieħed u waħda minna jeħtieġ rispett daqs kull persuna oħra. 

Ma nistgħux ndawwru l-arloġġ lura u nħassru dawk l-affarijiet koroh li ġraw. Imma għandna d-dmir li nindirizzaw x’qed iwassal għal dawn is-sitwazzjonijiet u kif nistgħu nevitaw. Li nkomplu nisħqu fuq x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin; fuq li nitkellmu dwar ir-rispett reċiproku; li nkunu sodi fi kliemna ma' min iħossu komdu jinsulenta, jċekken jew ikun bully fuq il-midja soċjali jew fil-ħajja ta’ kuljum. 

Fl-għodod li jipprovdi l-istat irridu naraw li verament jintlaħqu dawn il-persuni u l-vittmi wkoll. It-tnejn li huma għandhom bżonn l-intervent u l-għajnuna u s-soċjetà tagħna tista’ tiggwadanja jekk nindirizzaw lit-tnejn li huma. 

More in Politika