Carmel Cacopardo | Mqabba: vittma ta’ sklerożi ta’ l-istituzzjonijiet

Sal-ħin li qed nikteb, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni għadu ma fetaħx ħalqu biex jipproteġi lill-istudenti fl-iskola primarja tal-Imqabba li hi daqstant viċin tal-barriera soġġetta ta’ din l-applikazzjoni 

Madwar 20 sena ilu, l-awtorità responsabbli mill-ippjanar għall-użu tal-art, dakinnhar imsejħa l-MEPA, kienet ippubblikat pjan dwar ir-regolamentazzjoni tal-minerali fil-gżejjer Maltin. Dan id-dokument bl-isem Minerals Subject Plan for the Maltese Islands iġib id-data ta’ Mejju 2003. 

Kif mistenni, dan il-Pjan hu dwar il-qafas regolatorju essenzjali biex issir l-estrazzjoni tal-minerali minn ġol-art. Primarjament dan jikkonċerna l-operazzjoni tal-barrieri biex tkun estratta l-ġebla Maltija. Dan hu qasam tal-cowboys, qasam fejn ir-regolamentazzjoni hi skarsa u l-infurzar prattikament ineżistenti. 

Fl-ewwel linji tiegħu, dan il-pjan jitkellem ċar ħafna dwar il-kunflitt inevitabbli li jirriżulta mill-operazzjoni tal-barrieri. Jemfasizza li fi gżejjer li huma żgħar u b’popolazzjoni li hi iffullata hemm kunflitt mat-turiżmu u l-industrija, kif ukoll kemm mal-iżvilupp kummerċjali kif ukoll dak residenzjali. Hemm impatt ukoll fuq il-ħarsien tar-riżorsi naturali u ta’ dawk kulturali. Li jinħoloq bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-industrija tal-kostruzzjoni għar-riżorsi minerali f’kuntest ta’ żvilupp sostenibbli hi sfida ewlenija, jgħidlina l-pjan. Dan flimkien ma' kunsiderazzjonijiet ta’ ippjanar ta’ użu ta’ art u konsiderazzjonijiet ambjentali. 

Il-pjan dwar il-minerali jitkellem ukoll fid-dettall dwar l-impatt fuq terzi: Jiġifieri l-impatt fuq in-nies, kemm residenti kif ukoll dawk li jkunu fil-viċinanzi, hi x’inhi r-raġuni għal dan. Dan jinkludi t-tfal tal-iskola primarja. Speċifikament jikkunsidra l-impatti riżultat tal-istorbju u tat-trab li huma ġġenerati mit-tħaddim tal-barrieri, mhux biss mill-ħidma biex ikun estratt il-ġebel, imma ukoll minn attività anċillari. 

Il-pjan jirreferi għall-ġenerazzjoni tal-istorbju u jgħid li l-permessi ta’ żvilupp għandhom jindirizzaw dan l-inkonvenjent b’diversi miżuri, fosthom permezz ta’ ilqugħ adegwat (acoustic screening), kontroll tal-ħinijiet tal-operazzjoni tal-barriera, li jkun stabilit il-massimu tal-istorbju permissibli u li l-attività storbjuża tkun l-iktar 'il bogħod possibli minn żoni sensittivi. 

Il-pjan jitkellem ukoll dwar ir-regolamentazzjoni tal-ġenerazzjoni tat-trab. L-attività li tiġġenera t-trab għandha tkun 'il bogħod kemm jista’ jkun minn żoni sensittivi. Hu rakkomandat ukoll mill-pjan li meta jinġemgħa fuq is-sit kwantità ta’ prodotti tal-ġebla (stockpiling) dan ikun mgħotti, biex jitnaqqas it-tixrid tat-trab u allura jgħin biex ikun indirizzat l-inkonvenjent. 

Għandi kopja elettronika ta’ dan il-pjan li kont niżżilt minn fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Ippjanar xi snin ilu. Meta din il-ġimgħa erġajt fittixt, sibt li dan id-dokument sparixxa minn hemm u llum m’għadux aċċessibli fuq is-sit elettroniku tal-awtorità!  Safejn naf jien dan il-pjan għadu fis-seħħ imma, mal-Awtorità tal-Ippjanar diffiċli tgħid, għax qatt ma taf fejn int! 

Ftakart f’dan kollu meta f’dawn il-ġranet ġejt ikkuntattjat minn residenti fl-Imqabba minħabba applikazzjoni tal-ippjanar (PA 0350/22) li daħlet reċentement dwar barriera fil-viċinanzi tal-iskola primarja tal-Imqabba.  Din l-applikazzjoni hi dwar attività diversa fil-barriera inkluż tkissir tal-ġebla biex tipproduċi ż-żrar, kif ukoll dwar il-ħażna taż-żrar fis-sit (stock piling). 

Ir-residenti qalulna, lili u lil Melissa Bagley, (kandidat tal-partit fuq id-distrett elettorali li minnu jifforma parti l-Imqabba) li ilhom jaqilgħu ġo fihom żmien. Bħala riżultat ta’ dan għandhom raġun li joqgħodu lura milli jitkellmu direttament. Bħala partit aħna ser nitkellmu f’isimhom. 

Jiena rajt il-file dwar din l-applikazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-awtorità tal-ippjanar u nħoss li għandi ngħid pubblikament li jiena mħasseb ħafna bir-reazzjoni tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali li hi nieqsa minn kull sens ta’ responsabbiltà. Jonqos milli jitkellem dwar l-impatti negattivi fuq in-nies kemm tat-trab fin iġġenerat kif ukoll tal-istorbju. Ma jitkellimx dwar il-ħtieġa li dan ikun ikkontrollat mill-proċess tal-ippjanar innifsu. 

L-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi, min-naħa l-oħra, tistabilixxi numru ta’ kundizzjonijiet li għandhom ikunu osservati in lineja mal-aħjar prattiċi ambjentali. Għandu jkun ċar iżda, li dawn il-miżuri u kundizzjonijiet jeħtieġ  li jkunu parti integrali kemm minn eventwali permess ta’ żvilupp kif ukoll mill-permess operattiv li jinħareġ mill-ERA innifisha. 

Sal-ħin li qed nikteb, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni għadu ma fetaħx ħalqu biex jipproteġi lill-istudenti fl-iskola primarja tal-Imqabba li hi daqstant viċin tal-barriera soġġetta ta’ din l-applikazzjoni. Ma nafx x’qed jistennew biex jipproteġu lit-tfal Mqabbin mill-istorbju u t-trab fin ġġenerat mill-barriera! 

B’mod konvenjenti lanqas il-Kunsill Lokali tal-Imqabba ma fetaħ ħalqu. Imma dan ma jissorprendi lil ħadd! 

Din hi materja serja u gravi li teħtieġ l-attenzjoni tagħna lkoll. Il-barrieri u l-ħidma fihom jinħtieġu li jkunu regolati sewwa biex il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk kollha li jgħixu fil-madwar tkun imħarsa bis-serjetà. 

Is-skiet, jew in-nuqqas ta’ azzjoni adegwata, tal-awtoritajiet li nsemmi iktar 'il fuq hi skandaluża. Din hi sklerożi tal-istituzzjonijiet. Meta l-iktar hemm bżonnhom, dawn jiġġammjaw. 

More in Politika