Peter Agius | Iqaċċtu mill-edukazzjoni ta’ uliedna

Kellna raġun ngħidu li l-gvern Laburista qed jaħbi pjan mill-poplu Malti u Għawdxi biex iqaċċat kemm jiflaħ il-miljuni ħalli jagħmel tajjeb għall-korruzzjoni u għall-ħela

Minkejja l-wegħdi ta’ Malta Flimkien u Il-Futur Sabiħ, fl-aħħar ġranet beda joħroġ fid-dieher eżattament kif Robert Abela u l-Labour fil-gvern beħsiebhom jibdew jissikkaw iċ-ċintorin... pjan li ilu x-xhur moħmi, iżda li ma qalulniex bih lejliet l-aħħar elezzjoni. 

Bdew juruna li wara disa’ snin ta’ tberbiq, ħela u sparpaljar tal-miljuni minn flus il-poplu tagħna għall-korruzzjoni u għall-ħbieb tal-ħbieb, issa ddeċidew li jibdew jiffrankaw mill-baġits diġà allokati u l-vittmi se jkunu l-familji Maltin u Għawdxin. 

Infatti, it-tnaqqis ta’ aktar minn miljun ewro fl-allokazzjonijiet għall-Università ta’ Malta se tkun waħda mill-ewwel miżuri ta’ awsterità li se jkollu jieħu l-Labour fil-ġimgħat li ġejjin. 

Filwaqt li l-Unjoni Ewropea qed kulma jmur issaħħaħ il-baġit tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa, fosthom permezz tal-programm HORIZON b’€95.5 biljun sal-2027 biex tkompli tindirizza l-isfidi tas-saħħa, tal-ambjent u tal-qasam diġitali, il-Gvern ta’ Robert Abela jagħżel li jaqta’ l-miljuni mill-fondi tal-istudenti Maltin u Għawdxin li għaddejjin bir-riċerki tagħhom. 

Jgħidlek mod u jagħmel ieħor 

Qabel l-elezzjoni Robert Abela qalilna b’ħafna pompa li “l-edukazzjoni hija pilastru għal dak li rridu nibnu fil-futur” u sitt xhur wara qed narawh jagħmel eżattament bil-kontra. 

Flok ma jinvesti f’uliedna biex ikollhom karrieri u kwalifiki ta’ livell għoli, flok ma jappoġġja bil-kbir lir-riċerkaturi tagħna li jagħtu ħajjithom biex itejbu l-kwalità ta’ ħajjitna, flok ma jagħraf il-potenzjal li għandha l-Università ta’ Malta fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni, u flok ma jibni fuq il-ħafna tajjeb li qed jagħmlu l-akkademiċi tagħna... issa li jinsab dahru mal-ħajt qed juri l-kuluri vera tiegħu. 

Ir-riċerka hi ħidma sfiqa li tkun għaddejja minn wara l-kwinti biex ikollna kura u trattamenti aħjar, ambjent nadif, soċjetà aktar ġusta, aktar riżorsi disponibbli, jew għarfien ġdid fuq xi oqsma speċifiċi. Minnha jiddependu l-aqwa karrieri tal-lum u ta’ għada. 

U għalhekk, it-tnaqqir tal-fondi tar-riċerka hu daqqa ta’ ħatra lill-istudenti li jridu jagħmlu suċċess f’ħajjithom, u jsabbat bieb ieħor fuq l-opportunitajiet tad-deheb li rridu nagħtu lill-gradwati tagħna. 

Iżarma x-xogħol kollu li sar 

Dan il-pjan baxx baxx tal-Gvern ta’ Robert Abela li nkixef fl-aħħar jiem jixhed li l-edukazzjoni mhix prijorità għall-Partit Laburista, u qatt ma kienet. 

Bħalma fis-sajf rajna lill-Ministeru tal-Edukazzjoni jħott l-iskola tal-Imsida li ilu jwiegħdna s-snin u li qatt ma fetaħ, mill-ġdid il-Ministeru tal-Edukazzjoni bil-qtugħ li qed iwiegħed lill-istudenti universitarji, qed iħott il-bosta ħidma u sagrifiċċji li qed jagħmlu l-istudenti u l-akkademiċi tagħna involuti f’għexieren ta’ proġetti tar-riċerka li tant huma bżonnjużi għas-suċċessi li rridu għal uliedna. 

Akkademiku li tkellem miegħi wera tħassib tiegħu li għalkemm s’issa ma jidhirx li se jmiss il-pagi tal-lecturers, dan it-tnaqqis fil-fondi jmiss riżorsa fundamentali għar-riċerka tagħhom u tal-istudenti. Akkademiku ieħor li avviċinani qalli li b’dan il-qtugħ fil-finanzjament tal-Università se jkun qed jisfaxxa grupp ta’ proġetti tar-riċerka li l-istudenti tiegħu ilhom diversi snin jaħdmu fuqhom. 

Mal-Ġordaniżi kien galantom! 

Dan l-aġir tal-Labour jispikka ferm ukoll meta nafu li ftit xhur ilu għadu kif għadda biċċa art b’xejn li tiswa aktar €60 miljun lill-kuntratturi Ġordaniżi għat-taparsi Università Amerikana fi SmartCity. 

Filwaqt li l-Labour iħossu komdu jkun galantom mal-barranin li ma taw xejn għall-pajjiż jew għall-edukazzjoni tagħna, filwaqt li ma jaħsibhiex darbtejn biex iberbaq flusna f’università li mhu jagħżel ħadd, u filwaqt li qed ikompli jaħli l-miljuni fi proġett li kien ħadma għall-poplu mill-bidu nett, b’mod mill-aktar inaċċettabbli jrid li l-istudenti tagħna jħallsu l-prezz tal-fallimenti tiegħu. 

U għall-korruzzjoni tħallas int 

Dan kollu jixhed li kellhom raġun dawk kollha li qalu li għall-korruzzjoni nħallsu int u jien, aħna li naħdmu u nħallsu t-taxxi bis-sewwa.  

Kellna raġun ngħidu li l-gvern Laburista qed jaħbi pjan mill-poplu Malti u Għawdxi biex iqaċċat kemm jiflaħ il-miljuni ħalli jagħmel tajjeb għall-korruzzjoni u għall-ħela. 

Kellna raġun ngħidu li għat-tberbiq u l-ħela se jkunu qed iħallsu l-istudenti tagħna fl-iskejjel u dawk li rriduhom ikunu l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna. 

More in Politika