Robert Aquilina | Diżastru Ġenerali

Il-klabbs tal-futbol ma setgħux jagħmlu deċiżjoni iktar diżastruża minn dik li jagħżlu lil Muscat biex imexxihom. L-ikbar umiljazjoni fl-istorja tal-futbol Malti ma ħadnihiex b’xi telfa kbira fil-grawnd imma b’din id-deċiżjoni 

Ilna minn Frar nisħqu għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg. Konna ilna ħafna nissaportu t-tkaxkir tas-saqajn u n-nuqqas ta’ azzjoni tagħha dwar bosta każijiet li ilna naqraw fuqhom fil-gazzetti s-snin. Iżda ma stajniex nibqgħu nissaportu u nagħtuha iktar ċansijiet wara li b’daqqa ta’ pinna Buttigieg iffrankat snin ta’ priġunerija lil kriminal li spara fuq il-pulizija waqt il-famuża serqa mill-HSBC. 

Infakkar li meta msejjaħ biex jixhed, dan il-kriminal għażel li ma jgħid xejn u rrifjuta li jikxef lill-kriminali li organizzaw is-serqa li fiha ġew sparati 65 tir lejn il-pulizija. Dan fisser li, minkejja li Buttigieg iffrankatlu l-ħabs, l-Istat u l-poplu ma ħa xejn lura mingħandu. Bħal Repubblika, anke l-union tal-pulizija talbet għar-riżenja ta’ Buttigieg. 

Bir-raġun, wara deċiżjoni diżastruża bħal dik. 

Diżastru wara l-ieħor 

Dr Buttigieg ma tatx kasna u la rriżenjat u wisq anqas tat spjegazzjoni lill-pubbliku għad-deċiżjoni li ħadet. Minkejja d-diżastru li għamlet, żammet postha, sikktet fommha u kompliet tagħmel aktar diżastri. 

Fl-aħħar jiem ta’ Ġunju l-Avukat Ġenerali rrendiet ruħha protagonista ta’ ‘żbalji’ oħra li gawdew minnhom bil-kbir nies akkużati li kkommettew reat. L-ewwel kellna l-każ tar-raġel imfittex mill-Italja minħabba allegat involviment fi traffikar tad-droga mill-organiżazzjoni kriminali ’Ndrangheta. Qrajna, fis-sentenza tal-Maġistrat, li l-Avukat Ġenerali naqset li tippreżenta d-dokumenti meħtieġa lill-Qorti biex dan ir-raġel seta’ jkun estradit lejn l-Italja. 

Imbagħad kellna l-‘iżball’ li permezz tiegħu inħelsu l-avukati ta’ Yorgen Fenech li pprovaw ixaħħmu lill-ġurnalist tat-Times Ivan Martin. Filwaqt li l-Qorti sabet li kien minnu li dawn iż-żewġ avukati ppruvaw ixaħħmu ġurnalist, hija ma setgħetx issibhom ħatja għax l-Avukat Ġenerali ħadet ‘żball’ u ressqithom taħt akkuża ħażina.  

Użajt il-kelma ‘żball’ biex niddeskrivi dawn id-diżastri ġudizzjarji, iżda naħseb qed inkun ġeneruż iżżejjed. Dawn mhumiex żbalji. Dawn huma atti magħmula apposta, atti ta’ kompliċità ma’ min hu akkużat li kiser il-liġi. 

B’dawn l-‘iżbalji’, u b’din id-Diżastru Ġenerali, qed ikunu protetti l-kriminali u mhux iċ-ċittadini onesti u min, bħall-pulizija u l-ġurnalisti, jiġġieldu l-kriminalità b’sogru personali għalihom. 

Għalhekk, jekk Dr Buttigieg twebbes rasha u tibqa’ f’postha, għandu jkun il-Parlament li jneħħiha. Id-Deputati li vvotajna għalihom f’Marzu li għadda għandhom jivvotaw biex ineħħuha qabel jirnexxilha teħles lil kull kriminal ieħor li jirfes l-għatba tal-Qorti. 

Azzjonijiet fil-Qorti 

Fin-nuqqas ta’ dan – jekk Dr Buttigieg, u bħalha Angelo Gafà jiddeċiedu li jibqgħu f’posthom u l-politiċi tagħna jiddeċiedu li jżommuhom f’posthom – aħna m’aħniex se noqgħodu ċċassati quddiemhom. L-azzjonijiet tagħna mhux se jieqfu qabel naraw il-ġustizzja ssaltan. 

Mill-aħħar artiklu tiegħi f’din il-gazzetta morna darbtejn il-Qorti biex nipprovaw inċaqalqu lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali. 

L-ewwel tlabna lill-Qorti tal-Maġistrati biex, wara li tisma’ l-provi tagħna, tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija jieħu azzjoni kriminali kontra s-sid, id-diretturi u l-uffiċjali tal-Bank Pilatus. Din it-talba m’għamilnihiex aħna l-ewwel. Qabilna għamilha l-Maġistrat Inkwirenti li għal 15-il xahar sħaħ investiga l-bank f’inkjesta li swiet lill-poplu Malti aktar minn €7 miljun u nofs. Iżda l-ordni tal-Maġistrat la ta kasha Gafà u wisq anqas Dr Buttigieg. 

Għalhekk, nhar it-Tlieta, erġajna morna l-Qorti u għidna lill-Avukat Ġenerali biex tmexxi fuq l-Inkjesta tal-Bank Pilatus minnufih. Permezz ta’ ittra uffiċjali wissejnieha li jekk ma tagħmilx dan aħna se nibdew proċeduri fil-Qorti kontriha. Lill-Qorti beħsiebna nitolbuha tiddikjara d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li torqod fuq l-inkjesta Pilatus bħala irraġjonevoli u allura nulla u bla effett. 

Nafu li dawn l-azzjonijiet huma triq għat-telgħa. Però nafu wkoll li dawn l-azzjonijiet ma kienx ikun hemm bżonnhom kieku Gafà u Buttigieg għamlu xogħolhom. Il-fatt li jkollna nkunu aħna ċ-ċittadini li nċaqalqu l-ilmijiet juri li s-sitwazzjoni li nisabu fiha hija waħda ta’ diżastru ġenerali. 

Ma setgħux jagħżlu diżastru akbar minn Muscat 

La qbadnieha fuq id-diżastri, ma nistax ma niddedikax ftit linji għal aħbar li ħarġet mill-paġni tal-isport u ddaħlet b’xutt b’saħħtu fil-paġni tal-għajb. Naħseb diġà ndunajtu li qed nirreferi għall-aħbar dwar Joseph Muscat li, sentejn u nofs wara li kellu jirreżenja minn Prim Ministru b’għajb, intagħżel minn nofs il-klabbs tal-futbol tal-Premier biex imexxilhom l-assoċjazzjoni tagħhom. 

L-aħħar li konna smajna b’Muscat kien meta, fuq ordni ta’ Maġistrat, saritlu tfittxija f’daru mill-pulizija. Imbagħad, xi jiem wara, kien għamlilna xandira mill-washroom mimlija theddid. L-inkjesta li wasslet għat-tfittxija fid-dar ta’ Muscat – dwar il-kuntratt skandaluż tat-tliet sptarijiet – għadha għaddejja. 

Din l-inkjesta tlabnieha aħna ta’ Repubblika. Bl-evidenza li ppreżentajna fiha, m’għandniex dubju li llum jew għada, irid jew ma jridx Muscat, il-protagonisti ta’ dan l-iskandlu se jkollhom jiffaċċjaw akkużi fil-Qorti. 

Se ngħidha bla tlaqliq: Li l-aqwa klabbs tal-futbol f’pajjiżna jagħżlu liċ-champion dinji tal-korruzzjoni biex imexxihom hija aħbar orribbli: diżastru ieħor li stajna faċilment nevitaw. 

Il-futbol, bħal kull sport ieħor, għandu jitmexxa minn persuni li jservu ta’ mudell għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ li jipprattikawh u jsegwuh. Muscat mhuwa xejn minn dan kollu. Anzi, huwa eżatt l-oppost. 

L-aħħar darba li Joseph Muscat mexxa xi ħaġa, kien Gvern li nstab ħati li ħoloq ambjent ta’ impunità li fih setgħet tinqatel ġurnalista. Dan ma ngħiduhx aħna biss, iżda qalitu wkoll inkjesta tal-Istat. L-aħħar li Muscat rebaħ trofew kien it-trofew għall-iktar politiku korrott fid-dinja. L-aħħar li kien fl-aħbarijiet qabel din il-pożizzjoni li tawh kien minħabba każijiet ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u involviment ta’ nies ferm qrib tiegħu fil-qtil ta’ ġurnalista. 

Il-klabbs tal-futbol ma setgħux jagħmlu deċiżjoni iktar diżastruża minn dik li jagħżlu lil Muscat biex imexxihom. L-ikbar umiljazjoni fl-istorja tal-futbol Malti ma ħadnihiex b’xi telfa kbira fil-grawnd imma b’din id-deċiżjoni diżastruża. 

L-isport m’għandux jintuża biex tinħasel ir-reputazzjoni ta’ persunaġġi bħal Muscat. 

Ingħatajna raġun 

F’dan id-diżastru ġenerali li tħossu jaqtagħlek nifsek iktar mis-sħana li qed tagħmel, kultant jirnexxielu jgħaddi ftit ossiġnu. Għal darb’oħra, dan l-ossiġnu wasal minn waħda mill-ftit istituzzjonijiet li f’pajjiżna jaħdmu u jaħdmu sewwa: dik tal-Kummissarju għall-Istandards. 

Fl-aħħar jiem ta’ Ġunju, Repubblika ngħatat raġun dwar reklamar fil-gazzetta tal-Partit Laburista li tħallas minn flus il-poplu. Għedna li dak ir-reklamar kien abbuż minn fondi pubbliċi; mill-flus tagħna lkoll. Kellna raġun u ngħatajna raġun. 

Il-Kummissarju Hyzler qatagħha li 18-il Ministru u Segratarju Parlamentari tal-Gvern abbużaw minn fondi pubbliċi billi ħallsu minn bwietna għall-propaganda politika tagħhom. Trid tara l-kutrumbajsi li għamlu r-rappreżentanti tal-Gvern biex jippruvaw idgħajfu xogħol il-Kummissarju Hyzler! M’għadhomx iriduhom jaħdmu lill-istituzzjonijiet issa! 

Bil-maqlub aħna rriduhom jaħdmu lill-istituzzjonijiet tagħna. U meta ma jaħdmux jew, agħar minn hekk, jagħmlu d-diżastri, aħna se nkunu qed nagħmlu kulma nistgħu biex issir ġustizzja. 

More in Politika