Miriam Dalli | L-ambizzjoni li tmexxina

Bl-ambizzjoni akbar li għandha Malta u l-Unjoni Ewropea, rridu nnaqqsu d-dipendenza fuq il-fossil fuels, sors ta’ enerġija li huwa impurtat u jniġġes. Li ninvestu fl-enerġija rinnovabbli mhux biss isaħħaħ l-indipendenza tal-pajjiż imma nkunu qed nimxu eqreb lejn ekonomija li ma tniġġisx

Hija l-ambizzjoni li tmexxina f’dak kollu li nagħmlu. Dik l-ambizzjoni u d-determinazzjoni li rridu naraw minn pajjiżna eżempju ta’ ekonomija li tikber u toħloq il-prosperità. Prosperità li jħossuha l-familji u l-anzjani, it-tfal u ż-żgħażagħ. Qed naħdmu favur tkabbir li jgħin liċ-ċittadini jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom filwaqt li jgħixu ġo pajjiż li tassew joffrilhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Kwalità ta’ arja aħjar, spazji miftuħa, opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità, sistemi u infrastrutturi moderni li jirriflettu ż-żminijiet li qed ngħixu. Din hi l-ambizzjoni li qed naħdmu għaliha, ambizzjoni li tirrifletti l-futur li qed nippreparaw għalih.  

Intenni li l-ambjent, is-soċjal, il-governanza u t-tkabbir ekonomiku jmorru id f’id u nsibha diffiċli nitkellem fuq suġġett minnhom mingħajr ma nallaċċja mat-temi l-oħra. Matul id-diskussjonijiet li kelli l-ġimgħa l-oħra f’Lussemburgu, waqt in-negozjati fuq livell ta’ Kunsill Ewropew iffukajt primarjament fuq is-setturi ambjentali u tal-enerġija. Matul dawk in-negozjati bdejt inġib quddiem għajnejja t-tranżizzjoni lejn ekonomija ambjentali u sostenibbli, l-opportunitajiet għas-suq tax-xogħol, l-opportunitajiet edukattivi u kif iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin se jiggwadanjaw minn dan kollu – kemm mil-lat ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u kwalità ta’ ħajja u arja aħjar. Wara kollox dan hu dak li dejjem tkellimna dwaru anke’ sa’ mill-Parlament Ewropew meta nnegozjajt flimkien ma’ gruppi Politiċi oħra l-viżjoni tagħna dwar il-Green Deal. 

Matul id-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew , enfasizzajna l-ħtieġa ta’ tranżizzjoni lejn operat aktar aħdar li trid tieħu kunsiderazzjoni tar-realtajiet tal-pajjiżi differenti. Viżjoni ambizzjuża teħtieġ soluzzjonijiet realistiċi biex tkun implimentata. Miri li joħolqu ostaklu wara l-ieħor m’humiex soluzzjoni tajba, għax ikissru kwalunkwe ambizzjoni li jista’ jkollna. Għalhekk nitkellmu fuq tranżizzjoni: għax filwaqt li l-bidla ma sseħħx mil-llum għall-għada, lanqas m’hu tajjeb it-tkaxkir tas-saqajn. Jekk inkaxkru saqajna, l-isfidi li jkollna nindirizzaw ikunu ferm akbar. Jeħtieġ li bil-politika tagħna, bil-politika Ewropea, nwittu t-triq li tħeġġeġ stakeholders differenti – il-pubbliku inkluż – biex ikun parti minn din il-bidla.  

Kont sodisfatta illi dan is-sentiment irnexxilna naqsmuh mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej. Irnexxilna infehmu u nikkonvincu anke’ lill-Kummissjoni Ewropea li dak li kien oriġinarjament ppreżentat fuq il-mejda fuq ċertu issues kien diffiċli ħafna għal pajjiżna. Ħadt gost nara li rnexxilna ninnegozjaw pakkett leġislattiv aħjar, bi ftehim aktar b’saħħtu għal Malta u Għawdex, li jinkludi wkoll għajnuna finanzjarja biex inkunu nistgħu nagħmlu t-tranżizzjoni meħtieġa.  

Il-pakkett leġislattiv Fit-for-55 huwa wieħed wiesgħa. Waqt il-Kunsill tal-Ambjent, ġew diskussa l-proposti relatati mat-tnaqqis tal-emmissjonijiet mis-setturi tal-marittimu, tal-avjazzjoni, tat-transport, infrastruttura, carbon sinks, effort sharing bejn l-iStati Membri, l-istandards tal-emmissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet u l-Fond għall-Klima Soċjali. 

Dak li rnexxilna ninnegozjaw joffri pakkett finanzjarju b’saħħtu li se jgħin lill-pajjiżna jimxi aktar lejn ekonomija li ma tħammiġx. Irridu nilħqu l-miri ambizzjużi tagħna tad-dekarbonizazzjoni, imma dan irridu nagħmluh b’mod li jagħmel sens. Li ma jitfax piżijiet żejda fuq il-konsumaturi u s-setturi ekonomiċi differenti. B’mod speċjali f’dan iż-żmien ta’ rkupru ekonomiku. Irnexxilna nassiguraw u nipprotegu setturi importanti għall-ekonomija ta’ pajjizna bħas-settur marittimu, tal-avjazzjoni u tat-trasport. Dan għamilnih għax irridu li dawn is-setturi jibqghu b’sahhithom f’pajjizna filwaqt li jagħmlu l-parti tagħhom ukoll favur l-ambjent, u jnaqqsu t-tniggiz. Iridu li dawn l-industriji wkoll ikollhom l-opportunita li jinvestu f’operat aktar modern u aktar nadif.  

Rajna kif inżidu l-għajnuna għal pajjiżna. Malta ġabet aktar fondi minn żieda fl-allokazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni marittima. Fuq insistenza tagħna, dawn il-fondi mhux biss se jgħinu d-dikarbonizazzjoni tas-settur marittimu iżda se jghinuna wkoll biex niddikarbonizzaw it-trasport fuq l-art, inkluż it-trasport pubbliku. Għamilna dan għax irridu li pajjiżna jkompli jaħdem biex iġib din il-bidla pożittiva. 

Malta hija gżira u Membru Stat fil-periferija tal-UE. Is-settur tal-avjazzjoni huwa settur kruċjali għal pajjiżna. Għalija huwa ta’ sodisfazzjon kbir li rnexxilna ninegozzjaw b’suċċess biex is-settur tal-avjazzjoni jkun protett minn xokkijiet eventwali. Ġew inklużi proviżjonijiet legali bil-għan li jtaffu l-impatt tal-ispejjeż ta’ tali titjiriet.  Dan għammilnih billi assigurajna li d-differenza fil-prezz bejn il-kerosene u fjuwil sostenibbli għal-linji tal-ajru tkun koperta. 

Waqt il-Kunsill tal-Ministri għall-Enerġija, lqajna r-reviżjonijiet tad-Direttivi dwar l-Enerġija Rinnovabbli u dik dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija. Il-Kunsill appoġġja dawn l-elementi li għandhom x’jaqsmu direttament mal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, kruċjali biex il-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea jnaqqsu l-emissjonijiet.  

F’dawn il-ġranet ta’ negozjati, mingħajr ma dgħajjifna l-ambizzjoni tagħna, irnexxilna niksbu riżultati aħjar minn dak li kien qed jiġi propost inizjalment. Ovvjament, il-ħidma taghna ma tiqafx hawnhekk. Għax dak li kien maqbul fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent issa jrid jitla’ għan-negozjati mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.  

Malta se tkompli taħdem favur il-pożizzjoni tagħha waqt in-negozjati li jmiss. L-għan tagħna huwa li nassiguraw li r-realtajiet tal-Istati Membri differenti kollha jiġu kkunsidrati. L-ambizzjoni tagħna qiegħda hemm. Mhux se nħalluha tbgħatti, għalhekk li rridu naċċertaw li r-realtajiet tagħna jkunu dejjem ikkunsidrati.  

Bl-ambizzjoni akbar li għandha Malta u l-Unjoni Ewropea, rridu nnaqqsu d-dipendenza fuq il-fossil fuels, sors ta’ enerġija li huwa impurtat u jniġġes. Li ninvestu fl-enerġija rinnovabbli mhux biss isaħħaħ l-indipendenza tal-pajjiż imma nkunu qed nimxu eqreb lejn ekonomija li ma tniġġisx. Hawnhekk teżisti opportunità għal Malta biex sservi bħala testbed għal investimenti f’enerġija rinnovabbli offshore fuq skala kbira. 

More in Politika