Carmel Cacopardo | Meta Abela u l-PN kienu jħokku dahar xulxin

'Il-familja Abela setgħet isserraħ rasha għax fil-mument tal-bżonn il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi kien hemm għall-għajnuna. Wara kollox, mhux għalhekk qegħdin il-ħbieb?'

George Abela, Lawrence Gonzi u Robert Abela
George Abela, Lawrence Gonzi u Robert Abela

Robert Abela hu s-suġġett kurrenti tal-billboards tal-PN. Imma, bħal ma jiġri dejjem, il-kampanja tal-PN fuq il-billboards tgħid biċċa waħda żgħira mill-istorja vera. Tiffoka fuq il-ġid li akkumula Abela permezz tal-kuntratti ta’ xogħol professjonali assoċjat mal-Gvern, speċjalment permezz tal-Awtorità tal-Ippjanar.  Il-billboard iwassal il-messaġġ politiku li Robert Abela jiġi jaqa’ u jqum u li huwa insensittiv. Jgħidilna li filwaqt li hu għamel żmien jiffanga bi dħul ta’ €17,000 fix-xahar int tikkrepa b’żieda miżera ta’ €1.75 fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja. 

Il-punt bażiku reali, imma, li l-billboard jinjora kompletament hu kif il-PLPN jimmanipulaw il-finanzi tal-pajjiż u l-proċeduri tax-xiri ta’ servizzi biex iżommu lill-ħbieb kuntenti u lill-għedewwa taħt kontroll. 

Il-billboard tal-PN, jgħidilna li l-uffiċċju legali ta’ Robert Abela, xi żmien ilu, kellu dħul ta’ mhux inqas minn €17,000 fix-xahar mis-servizz professjonali legali li kien jagħti lill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-billboard, imma,  ma jgħidilna xejn dwar kif dan kollu oriġina minn sejħa għal espressjoni ta’ interess u sussegwentement direct order lil George Abela li kienet imbierka mill-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi.   Dan seħħ fi żmien meta Abela ma kienx f’relazzjoni tajba la mal-Partit Laburista u inqas u inqas mat-tmexxija tal-istess partit! 

F’sezzjoni tal-media kien irrappurtat li dan kollu beda fl-istess żmien meta George Abela aċċetta l-istedina biex jifforma parti mill-core group, parti mill-proċess preparatorju li kellu jwassal biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. George Abela ipparteċipa f’dan il-core group minkejja li l-Partit Laburista, li tiegħu sa ftit qabel hu kien Deputy Leader, kien jopponi din il-proposta b’qilla kbira. 

Meta George Abela kien nominat u sussegwentement ġie appuntat President tar-Republika mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, ibnu Robert ħa f’idejh it-tmexxija tal-uffiċċju legali ta’ missieru. Huwa u jagħmel dan, avukat ieħor li kien sħab ma’ George Abela spiċċa barra. Jingħad li ma qablux fuq kif ser jaqsmu dak li jdaħħal l-uffiċċju! Ftit wara, dan l-avukat l-ieħor spiċċa CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar. Min hawn il-quddiem il-familja Abela ma kelliex diffikulta biex tgawdi r-rigal sostanzjali tal-Gvern ta’  Lawrence Gonzi. Il-familja Abela setgħet isserraħ rasha għax fil-mument tal-bżonn il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi kien hemm għall-għajnuna. Wara kollox, mhux għalhekk qegħdin il-ħbieb?  

Ta’ Abela kienu attentissimi li ħobżhom jieħdu ħsiebu sewwa! Dejjem irnexxielhom!  Biex jaslu iddefendew kull taħwid fl-ippjanar għall-użu tal-art tul is-snin, kemm dak taħt il-Gvern ta’ Gonzi kif ukoll dak taħt is-suċċessur tiegħu Joseph Muscat. 

Tul is-snin id-direct order lill-uffiċċju legali tal-familja Abela mhux biss ġie ikkonfermat, talli kiber fl-iskop u fil-ħlas li ġġenera. 

Waqt dan kollu kien hemm leħen wieħed kritiku ta’ dak li kien qed jiġri: kien kritiku tad-direct order tal-Awtorità tal-Ippjanar lill-uffiċċju legali tal-familja Abela. Dan kien Joe Mizzi,  l-Membru Parlamentari Laburista mill-Kalkara. Kien qisu seqer, jaf x’inhu jiġri, għax hu kien ir-rappresentant tal-Opposizzjoni Laburista fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. 

Joe Mizzi dam ftit mhux ħażin biex ħa tweġiba għal dan kollu. Dan seħħ meta tħalla barra minn l-ewwel Kabinett ta’ Robert Abela liema Kabinett tħabbar nhar il-15 ta’ Jannar 2020!  Imma sa dak in-nhar hu kien ilu jappoġġa l-kandidatura ta’ Chris Fearne għat-tmexxija tal-Partit Laburista. 

Din hi l-istorja li l-billboard jaħbi. Storja ta’ kemm meta kien meħtieġ il-familja Abela u l-PN kienu  jħokku dar xulxin! 

More in Politika