Editorjal | Għoli tal-ħajja: Problemi u soluzzjonijiet

Il-Gvern ma jistax jindaħal fil-prezzijiet u l-għoli hemm qiegħed u jista' jerġa' jkun hemm, skont iċ-ċirkostanzi, imma jista' joffri soluzzjonijiet u għandu jibda jaħdem fuq dawn kemm jista' jkun malajr. Soluzzjonijiet effettivi u mnebbħin mill-ġustizzja soċjali

L-għoli tal-ħajja dejjem kienet kwistjoni soċjali u politika li tiġi diskussa, li tqajjem ħafna kontroversja u li fuqha partiti tal-Oppożizzjoni jagħmlu kampanji - xi kultant qliel. 

Min jiftakar l-elezzjoni tal-1996 u l-kampanja li twassal għaliha, jaf sew kif il-Partit Laburista kien bena kampanja mibnija ħafna fuq l-għoli tal-ħajja. Il-famuż trolley tal-prodotti bil-Kap tal-Oppożizzjoni, dak iż-żmien Alfred Sant, idur il-prodotti u jispjega kemm għolew. F'dik l-elezzjoni - miġġielda mill-Labour l-aktar fuq din il-kwistjoni marbuta mal-introduzzjoni tal-VAT - l-Oppożizzjoni kienet qed tgħaddi l-messaġġ li 'l-għoli tal-ħajja jifnik.'

Il-Labour dak iż-żmien - b'mod kontinwu u bla waqfien - kien juża l-famuża clip ta' Eddie Fenech Adami jgħajjat "ħalluhom ħa jgħollew il-prezzijiet" (u fil-fatt kompla jgħid li "basta jkun hawn ix-xogħol"). 

X'ġara? Tela' l-Labour b'Sant bħala Prim Ministru u l-ħajja mhux talli ma ma raħħsitx, talli l-Gvern għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, minħabba d-djun li kellha l-Enemalta u l-famuża "ħofra finanzjarja" li l-Gvern Laburista ġdid kien jgħid li ħallew warajhom Fenech Adami/John Dalli. 

Għalfejn qed imorru lura 26 sena? 

L-ewwelnett biex nuru kemm din il-kwistjoni ilha tqum fuq l-aġenda politika - għax hija kwistjoni kruċjali għan-nies, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli. Pero', aktar importanti minn hekk, dak li seħħ fl-1996 huwa prova ċara tal-fatt li kwalunkwe użu partiġġjan tal-għoli tal-ħajja huwa vojt u superfiċjali. Għax Gvern ma għandux u lanqas jista' jindaħal fil-prezzjiet ta' oġġetti u prodotti f'suq ħieles. Fil-fatt rajna ftit ilu biss ir-rabja li qamet minn negozji u l-ispettru tal-passat li tqajjem meta l-Gvern ried jiddetermina l-prezzijiet tal-maskri fil-bidu tal-pandemija. 

Il-Gvern ma jiddeterminax l-għoli tal-ħajja, sakemm ma jkunx hu stess li jdaħħal taxxi jew jgħolli servizzi, bħal meta fl-1997 taħt Gvern Laburista u fl-2008 taħt Gvern Nazzjonalista kien għolew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Jew meta l-Gvern kien jgħolli d-dazju u s-sisa fuq is-sigaretti u xorb alkoħoliku jew meta Gvern Nazzjonalista diversi drabi għolla l-liċenzji tal-karozzi f'diversi baġits.  Jew inkella meta l-Gvern iżid ir-rata tal-VAT imħallsa fuq prodotti essenzjali, bħall-ikel. Hemmhekk ikun qed jgħolli l-ħajja direttament il-Gvern. 

Mela jekk irridu inkunu onesti, qabel biss niddiskutu dan is-suġġett irridu nagħmlu d-differenza bejn spejjeż u għoli impost mill-Gvern u dak li ma huwiex impost mill-Gvern imma huwa frott realtajiet lilhinn mill-poter tiegħu! 

Il-Gvern bħalissa mhuwiex qiegħed iżid it-taxxi u l-ispejjeż u lanqas qed jgħolli direttament kontijiet u liċenzji, allura għoli kkaġunat direttament minnu ftit li xejn hemm.

Imma b'daqshekk ma nkunu solvejna xejn! 

Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel li qed nesperjenzaw, frott iż-żieda fil-prezz tat-trasportazzjoni, tal-ġwież u ċ-ċereali u anke Brexit, qed iħallu u se jkomplu jħallu impatt fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Mhux biss fuq dawk bla impjieg jew fuq il-benefiċċji, imma aktar u aktar fuq dawk li ma jikkwalifikawx għal ħafna mill-benefiċċji, pero' għandhom paga ta' bejn €1,000 u €1,200 fix-xahar li biha jridu jmantnu xi wild jew tnejn, jekk mhux familja. Se taffetwa l-aktar lil dawk li jgħixu bl-eżatt: Kemm iħallsu l-kera jew is-self tal-bank, jixtru x'jieklu, il-bżonnijiet u jħallsu għall-bażiku biex uliedhom imorru l-iskola u forsi, forsi darba fis-sena jmorru tmiem il-ġimgħa Għawdex jew jagħmlu kapriċċ. Għal dawk li s-safar huwa ħolma, li jixtru proprjetà hija possibbli biss f'każ ta' rebħ tal-lotterija jew dawk li biex imorru jieklu f'ristorant trid tkun okkażjoni darba kultant. 

Dawn realtajiet u ejja ma naħsbux li għax kien hawn il-flus u ekonomija b'saħħitha qabel il-Covid-19 u għax kien hawn ir-rekords - dawn in-nies ma jeżistux. Huwa vera wkoll li għal din il-faxxa ta' nies il-Gvern preżenti daħħal u żied l-In Work Benefit, bla dubju għajnuna tajba! 

Mela stabilixxejna x'inhu l-għerq tal-problema u x'inhi l-problema. Mela s-soluzzjoni x'inhi? 

Hemm ħafna soluzzjonijiet diretti u indiretti, għall-immedjat u għat-tul. Għall-immedjat il-Gvern għandu jaħseb f'għajnuna diretta lil dawk li qed iħossu l-akbar piż, mhux miżuri one size fits all! Jiġifieri ma nistgħux nagħtu €20 lil min jaqla €12,000 fis-sena jew inqas u €20 lil min jaqla' €35,000 jew €45,000 jew €60,000 fis-sena. L-għajnuna għandha tingħata bi priorità ċara u b'ġustizzja soċjali. Veru li l-għoli iħossu kulħadd, imma min jaqla' €750 fix-xahar iħossha mod u min jaqla' €3,500 fix-xahar iħossha mod ieħor! 

Pero' għat-tul hemm bżonn nċaqalqu l-istruttura tal-pagi b'mod maħsub, ippjanat u fuq medda ta' snin biex filwaqt li dan iseħħ Malta tibqa' kompettitiva. Pero' ma nistgħux nibqgħu nġibu l-kompettività bħala skuża biex il-pagi jibqgħu baxxi. Dan jista' jsir billi togħla l-paga minima.

It-tieni soluzzjoni għat-tul huwa t-trejd unjoniżmu. Huwa biss meta ħaddiem ikun membru ta' trade union, speċjalment jekk jaħdem f'ċerti setturi fejn huwa magħruf li hemm aktar abbuż, li jista' jkun assigurat illi d-drittijiet tiegħu jiġu mħarsa, li jkollu impjieg ta' kwalità u li jieħu ħlas xieraq għal dak l-impjieg. 

Għandu jkun aċċertat li malajr kemm jista' jkun jiġi re-evalwat il-mekkaniżmu tal-COLA biex dan jirrifletti aktar u jagħti aktar toqol lill-prodotti bażiċi, bħall-ikel.

U finalment għandu jkun aċċertat li fl-ebda ħin mhu qed isir abbuż fuq ħaddiema barranin u li dawn jitħaddmu skont ir-regoli u l-liġijiet tax-xogħol, għax hekk biss naċċertaw li ħadd ma jimpjega barranin, iħallashom iċ-ċiċri u nispiċċaw f'tiġrija għal min se jħallas l-inqas, b'detriment għall-ħaddiem Malti!

Il-Gvern ma jistax jindaħal fil-prezzijiet u l-għoli hemm qiegħed u jista' jerġa' jkun hemm, skont iċ-ċirkostanzi, imma jista' joffri soluzzjonijiet u għandu jibda jaħdem fuq dawn kemm jista' jkun malajr. Soluzzjonijiet effettivi u mnebbħin mill-ġustizzja soċjali.

More in Politika