Editorjal | L-elezzjoni: Dak li se ssolvi u dak li mhix!

Ladarba jgħaddi l-verdett - l-isfidi, problemi u d-deċiżjonijiet diffiċli u forsi mhux dejjem popolari hemm se jibqgħu, jistennew lil dak li għażel il-poplu biex jeħodhom! Nittamaw li jeħodhom!

Din il-ġimgħa smajna ħafna dwar sondaġġi u possibilità ta' elezzjoni ġenerali. F'pajjiż fejn il-politika hija prattikament passatemp għal tant nies l-istennija għall-elezzjoni ġenerali tkun ikbar. Dan il-pajjiż kważi jieqaf biex għal madwar 30 jum ikollna attivitajiet ma jaqtgħu xejn, festa ta' akkużi u allegazzjonijiet, tixjir tal-imkatar u finalment jumejn ta' ħafna tensjoni, tisbit mal-perspex, tpaqpiq u ċelebrazzjonijiet. Fil-verità llum l-elezzjonijiet m'għadhomx dak li kienu mhux wisq snin ilu, bi ġlied, xi minn daqqiet vjolenza u anke "t-tradizzjoni" ta' tkissir tal-billboards u tfigħ ta' żebgħa fuqhom mill-partitarji tal-partit rebbieħ. Mur ġibna tagħmilha llum - issa dan mhux fuq il-medjuwevu qed ngħidu, qed infakkru elezzjonijiet li ġew fis-snin 80 u anke fis-snin 90! Xeni li kull min għandu 40 sena llum jiftakarhom sew!

Imma apparti l-istorja kkulurita tal-elezzjonijiet ġenerali f'pajjiżna u l-analiżi tagħhom, dan l-editorjal jixtieq iħares lejn l-elezzjoni li ġejja u liema kwistjoni din ser issolvi u liema le! 

Nibdew bl-ovvju! Elezzjoni mhix se ssolvi il-problema li Malta sabet lilha nnifisha fiha meta spiċċat fil-Lista l-Griża tal-FATF, grazzi għal diversi fatturi, mhux l-inqas kif bank bħal Pilatus tħalla jopera hawn. M'għandekx bżonn tkun espert biex tintebaħ li l-operat tal-Bank Pilatus kien jew - fl-aħjar xenarju - dilettantesk, jew fl-agħar xenarju - kriminali! Fil-fatt ġew imressqin in-nies u jidher dejjem iktar ċar li resqin lejn l-agħar xenarju.

Elezzjoni mhix se ssolvi l-isfidi li qed jiffaċċja pajjiżna fl-ambjent kemm permezz ta' teħid ta' art għal aktar żvilupp, kif ukoll tniġġiż tal-arja u l-isfida dejjem tikber tal-bidla fil-klima. Il-problema tal-qrubija żejda tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista mal-kuntratturi u dawk li jimpalaw il-flus - mhux se tiġi solvuta b'elezzjoni, anzi iktar hemm ċans li tiggrava hekk kif iż-żewġ partiti jidħlu f'ġirja elettorali li tiswa' ħafna flus! 

Elezzjoni mhix se ssolvi lanqas il-problema tal-klijeneteliżmu u nepotiżmu. Fl-2013 kien hemm l-għajta tal-meritokrazija mill-Partit Laburista - għajta li ftit kienu jafu li fil-fatt tfisser illi fejn fl-aħħar snin ta' Gvern Nazzjonalista kienu jinqdew erba' qtates ħoxnin u dawk ta' ġewwa fuq ta' ġewwa biss - għax tant kien saru arroganti u maqtugħin mir-realtà ċerti politiċi tal-PN -  taħt il-Labour jinqeda' u jingħataw il-pjaċiri, lil kulħadd. Ugwaljanza fin-nepotiżmu, mhux meritokrazija dik! Imma l-mod korrett huwa li tieħu dak li ħaqqek. Illum donnu lanqas il-PN ma għadu jippriedka din wisq, fl-attentat biex inaqqas id-distakk. 

Elezzjoni mhux se ssolvi l-bżonn ta' soluzzjonijiet ġodda fit-trasport u hawnhekk irridu nesprimu tama li l-partiti joħorġu b'alternattivi immaġinattivi għal trasport alternattiv, biex jitnaqqas l-użu tal-karozza privata, fil-manifesti elettorali tagħhom.

Elezzjoni mhux se tnaqqas mill-fatt li l-effetti tal-Covid-19 fuq l-ekonomija għadhom qed jinħassu sew, minkejja rpiljar ċar din is-sena, grazzi għas-servizzi, il-bejgħ bl-imnut u l-kostruzzjoni - fost oħrajn! Lanqas se tnaqqas mill-piż finanzjarju li din il-pandemija tefgħet fuq il-kaxxa ta' Malta.

U le! Elezzjoni mhux ser issolvi l-problema tal-korruzzjoni. Għax biex tinqata' l-korruzzjoni l-ewwel li rridu nbiddlu hija l-mentalità servili lejn il-politiċi u l-mentalità korrotta li "jekk tagħti lili u jiena komdu, israq kemm trid!" Forsi tonqos, ikomplu jitilqu nies mill-Parlament li għandhom dellijiet fuqhom, forsi l-intenzjonijiet ikunu tajbin u ġenwini, imma biż-żmien il-kurrent ta' din il-mentalità korrotta terġa titfagħna lura minn fejn bdejna u l-korruzzjoni u n-nepotiżmu jerġgħu jsiru attraenti għall-politiku - anke dak li tela' b'għajta ta' indafa! 

Mela x'se ssolvi l-elezzjoni? 

Se ssolvi dawn il-mistoqsijiet: Min bejn il-PN u l-PL (għax wieħed jew ieħor se jiggvernaw) jista' joffri l-aħjar soluzzjonijiet għall-ambjent, is-saħħa, l-ekonomija, ix-xogħol, l-edukazzjoni, l-infrastruttura u aktar? Min bejn dawn it-tnejn kapaċi jilqa' l-aħjar għal kriżi li tista' tinqala' fil-pajjiż jew fid-dinja, minn dak li rajna lit-tnejn jagħmlu meta kienu fil-Gvern u kien hemm kriżi? Min minn dawn it-tnejn jinsab fl-aħjar pożizzjoni li jnaqqas id-defiċit u djun li kibru minħabba l-pandemija mingħajr awsterità? Min minn dawn kapaċi verament jiġġieled il-korruzzjoni? Min minn dawn kapaċi jwettaq bidliet kemm jista' jkun malajr biex noħorġu mill-Lista l-Griża?  Min minn dawn se jwieżen l-aħjar lill-vulnerabbli u dawk fil-bżonn? Min se jipprova jtejjeb l-ambjent li qed ngħixu fih? Min se jkun katalist għal aktar bidliet legali u soċjali li jwasslu biex kulħadd jitwieżen u jkun ugwali? Min se jkun lest imqar jiddiskuti u jisma' u jekk hemm bżonn jiddeċiedi dwar kwistjonijiet tabù bħall-ewtanażja u l-abort? 

Oltrè minn hekk iżda - ladarba jgħaddi l-verdett - l-isfidi, problemi u d-deċiżjonijiet diffiċli u forsi mhux dejjem popolari hemm se jibqgħu, jistennew lil dak li għażel il-poplu biex jeħodhom! Nittamaw li jeħodhom!

More in Politika