Miriam Dalli | Direzzjoni ċara

Miri ambizzjużi li bħala Gvern Laburista tassew nemmnu fihom. Nemmnu fihom mhux bil-paroli, imma bil-fatti kif b’politika waħda wara l-oħra f’oqsma differenti qed inħabbru. Gvern, li qiegħed jaħdem b’mod kollettiv biex dawn il-miri jintlaħqu

B’policy wara l-oħra, b’miżura wara l-oħra, dan il-Gvern qed iwettaq il-pjan tiegħu ta’ mudell ekonomiku ġdid imsejjes fuq ħames pilastri ċari: il-governanza tajba, tkabbir ekonomiku, l-edukazzjoni, l-infrastruttura u li Malta ssir ‘carbon neutral’ sal-2050.

Miri ambizzjużi li bħala Gvern Laburista tassew nemmnu fihom. Nemmnu fihom mhux bil-paroli, imma bil-fatti kif b’politika waħda wara l-oħra f’oqsma differenti qed inħabbru. Gvern, li qiegħed jaħdem b’mod kollettiv biex dawn il-miri jintlaħqu.

Meta riċentament ħareġ rapport aġġornat dwar it-tibdil fil-klima madwar id-dinja, il-konklużjonijiet tiegħu kienu xokkanti, imma mhux sorpriża. Għal snin sħaħ, l-esperti avżaw dwar il-bżonn urġenti li d-dinja trid tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Tul is-snin rajna aktar pajjiżi jwegħdu li ħidma biex inaqqsu l-emissjonijiet u t-tniġġis mill-produzzjoni ekonomika. 

Il-kelma ‘dekarbonizazzjoni’ ma baqgħetx kelma tqila iżda saret punt ta’ referenza għal ħafna mill-pjanijiet ta’ gvernijiet, kif ukoll tas-settur privat. Malta kienet fost l-ewwel firmatarji tal-Ftehim ta’ Pariġi – ftehim biex nimmitigaw iż-żieda fit-temperatura tad-dinja u jinżamm taħt iż-żewġ gradi celsius.

Fil-fatt, fl-2015, Malta addottat l-Att dwar l-Azzjoni Klimatika u sentejn ilu pajjiżna ddikkjara emerġenza klimatika biex ssaħħaħ l-impenn tiegħu li jnaqqas l-emissjonijiet.

Pajjiżna iżda ma waqafx sal-karta. Kompla jaħdem biex verament tingħata direzzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ implimentazzjoni ta’ proġetti u inizjattivi li jagħtu kas l-ambjent. Bla dubju huwa ġustifikat li n-nies jitolbu aktar apprezzament lejn l-ambjent: li t-tkabbir ekonomiku ma jsirx a skapitu tal-protezzjoni ambjentali. 

Fis-snin riċenti, Malta kisbet tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet permezz tal-qalba mill-Heavy Fuel Oil għall-gass. Din is-sena komplejna nsaħħu l-inċentivi għall-użu tal-enerġija rinovabbli, kemm mid-djar kif ukoll bi proġetti li jattiraw interess mis-settur privat.

Is-settur privat, li huwa sieħeb ewlieni f’din it-tranżizzjoni li għaddejjin minnha. Qed inkunu ambizzjużi u noffru opportunitajiet estensivi għall-investituri privati, bħal-allokazzjoni għall-proġetti b’ġenerazzjoni totali ta’ 47MW, b’investiment totali ta’ €76 miljun fuq medda ta’ 20 sena. 

Dan minn barra l-impenn li l-Gvern jinvesti fit-tieni interconnector. Meta nnegozjajt id-deroga biex l-Unjoni Ewropea tqis hydrogen-ready pipelinebħala Proġett ta’ Interess Komuni, nafu li qed inħarsu lejn diversifikazzjoni ta’ provvista ta’ enerġija li tgħinna nkomplu nnaqqsu t-tniġġis minbarra li s-saħħaħ il-konnettivita ta’ pajjiżna. 

Infakkar ukoll kif grazzi għall-iStrateġija li nedejna flimkien mal-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, ppreżentajna pjan ta’ miżuri li pajjiżna għandu l-għan li jimplimenta sal-2030 biex nnaqqsu l-emissjonijiet u nilħqu l-miri tagħna Ewropej. 

Altru għad-diskors mgħaġġel tal-Partit Nazzjonalista, li b’reazzjoni ta’ paniku joħroġ darba wara l-oħra bi proposti li meta tgħasarhom ma ssib xejn. Għax il-verità hi li hu faċli twiegħed kollox lil kulħadd. Faċli tispara ċ-ċifri fl-arja. Wara li ħarġu reazzjoni mgħaġġla li biha riedu jitfgħu lin-negozji ġol-ħajt b’tariffi tad-dawl ogħla, issa b’reazzjoni mgħaġġla oħra ħarġu jwiegħdu tariffi għall-iċċarġjar tal-karozzi mingħajr ma kienu studjati. Dan kien evidenti mill-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista meta l-kelliema ma kienux kapaċi jirrispondu għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

Għax min dejjem għabba lin-negozji u lill-familji bl-ogħla kontijiet, mhuwiex kredibbli fil-qasam tal-enerġija. 

B’differenza, ippreżentajna politika nazzjonali għall-infrastruttura pubblika dwar l-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi. Mal-policy paper, ħriġna wkoll regolamenti li joffru fost l-orħos u l-aktar tariffi vantaġġjużi għax-xufiera fl-Unjoni Ewropea. Ma qgħadnix nistennew xi direttiva Ewropea li tagħmilha mandatorja li joħroġ framework. Għax biex verament nassiguraw servizz ta’ kwalità lill-konsumaturi, irridu li jkollna l-affarijiet strutturati. 

Iva, il-qalba għall-ekonomija li ma tniġġisx hija għal qalbi ħafna. Hu qasam għal qalbi ħafna u li ħdimt direttament dwaru fuq livell Ewropew anke’ meta mexxejt il-ligi Ewropea kurrenti dwar il-livell ta’ emissjonijiet minn passenger cars u light commercial vehicles. Din il-liġi tirrikjedi li min jimmanifattura l-karozzi joħroġ b’mudelli li jniġġżu ferm anqas jew li ma jniġġżux. Dak ix-xogħol ħalla l-frott u din il-bidla qed issir b’mod konkret, hekk kif diversi produtturi tal-karozzi qed joħorġu b’mudelli li huma Zero Emission Vehicles, b’teknoloġija li primarjament hija bbażata fuq vetturi elettriċi bil-batterija.

Qed nieħdu l-opportunita’ mill-fatt li s-suq għadu fil-bidu nett tiegħu. Ma ridniex li nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn inħallu s-suq jiżviluppa għal rieħu u mbagħad nibdew nirregolarizzaw. Bil-maqlub, ridna nimplimentaw il-viżjoni tagħna bħala Gvern billi nħejju u nippropronu qafas b’saħħtu ħalli nħejju bażi soda.

Iva, kburija ngħid li permezz ta’ din l-istrateġija qed inkunu minn ta’ quddiem fl-Unjoni Ewropea li nniedu regoli u politika ċara qabel ma dawn ikunu mandatorji minn xi Direttiva Ewropea.

Għalhekk, b’dak li ħabbarna qed nantiċipaw is-suq u nippreparaw kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-investituri. Qed tingħata l-viżibilità li tixraqilhom biex ikunu jistgħu jippjanaw bil-quddiem. Dan, mingħajr ma nidħol fil-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ta’ kwalita fil-qasam ta’ green jobs.

Matul l-aħħar ġimgħat rajna interess inkoraġġanti ta’ min irid jinvesti f’dan il-qasam. Permezz ta’ din il-policy u r-regolamentazzjoni li qed inniedu qed naraw li niffaċilitaw din it-tranżizzjoni billi ndahhlu ċ-ċertezza għal min jixtieq jinvesti.

L-isfida quddiemna hi li nimxu fit-triq lejn id-dikarbonizazzjoni ta’ diversi setturi, inkluż dan. Permezz ta’ dak li qed inħabbru llum se nkunu qed nilqgħu għal dawn l-isfidi u niffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn karozzi aktar nodfa fit-toroq tagħna. 

More in Politika