Frederick Azzopardi | Ħawwilna 28 siġra għal kull waħda li naqset

Aħna impenjati li nagħmlu l-infrastruttura tat-trasport aktar sostenibbli billi nintroduċu faċilitajiet aktar siguri għal mezzi ta’ vjaġġar aktar nodfa u noħolqu aktar spazji ħodor b’siġar ġodda

L-għan tal-proġetti infrastrutturali li qed inwettqu madwar il-pajjiż huwa li niżviluppaw toroq ta’ kwalità ogħla biex innaqqsu r-riskji ta’ aċċidenti, il-ħin fl-ivvjaġġar kif ukoll it-tniġġis tal-arja u t-tniġġis ikkaġunat mill-istorbju. Imma daqstant ukoll aħna impenjati li nagħmlu l-infrastruttura tat-trasport aktar sostenibbli billi nintroduċu faċilitajiet aktar siguri għal mezzi ta’ vjaġġar aktar nodfa u noħolqu aktar spazji ħodor b’siġar ġodda. 

Minn meta nediet il-programm nazzjonali għat-tħawwil ta’ siġar fis-sajf tal-2019, Infrastructure Malta s’issa ħawlet 31,417-il siġra u 19,723 arbuxell madwar Malta, b’investiment li jaqbeż il-€5 miljun. Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena diġà ħawwilna 11,485 siġra ġdida f’diversi lokalitajiet u b’hekk diġà qbiżna r-rekord tas-sena li għaddiet, meta f’sena ħawwilna 11,213-il siġra ġdida f'93 post differenti f’36 lokalità madwar Malta. Dan l-impenn mhux biss se jissokta, imma fix-xhur li ġejjin se nkunu qed nestenduh ukoll għal Għawdex. 

Qegħdin ninvestu f’din il-ħidma ambjentali għaliex nirrikonoxxu li l-proġetti tal-aġenzija sabiex pajjiżna jkollu infrastruttura aktar sigura u ta’ kwalità ogħla xi drabi jista’ jkollhom impatti ambjentali mhux mixtieqa. Filwaqt li f’ċerti każijiet, toroq ġodda jistgħu jinbnew fl-istess spazju ta’ toroq eżistenti, ikun hemm sitwazzjonijiet fejn sabiex ikollna toroq aktar siguri, b’faċilitajiet għal mezzi differenti tal-ivvjaġġar, ikun meħtieġ li tittieħed aktar art jew li jitneħħew xi siġar. F’dawn l-aħħar tliet snin, kellhom jitneħħew madwar 1,100 siġra minħabba uħud mill-proġetti infrastrutturali li wettaqna. Ħafna minn dawn is-siġar ma kienux speċi indiġeni u protetti, filwaqt li 568 siġra oħra erġajna ħawwilnihom f’postijiet oħra fl-istess inħawi u għadna qed nieħdu kura tagħhom biex nassiguraw li jibqgħu jikbru. 

Tajjeb nispjega li kull meta jkun hemm ħtieġa li jitneħħew siġar, Infrastructure Malta tikkollabora mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex tikseb il-permessi meħtieġa u tiżgura li l-impatt ambjentali jkun l-inqas possibbli. L-istess awtorità tobbligana sabiex bħala kumpens, inħawlu għadd ta’ siġar għal kull waħda li jkollha titneħħa, skont xi speċi tkun u skont l-età tagħha, hekk kif stipulat fil-liġijiet ambjentali. F’ċerti każijiet, dan il-kumpens jista’ jlaħħaq mal-20 siġra ġdida għal kull waħda li titneħħa.

Madankollu, qed nagħmlu aktar minn hekk. Infrastructure Malta qed tħawwel ferm aktar siġar minn kemm tkun obbligata li tħawwel mill-ERA. Fil-fatt, meta tqis l-eluf ta’ siġar li ħawwilna f’dawn l-aħħar tliet snin, jirriżulta li bħala aġenzija żidna medja ta’ 28 siġra ġdida għal kull waħda li kien meħtieġ li titneħħa. Permezz ta’ dan l-impenn, fis-snin li ġejjin, pajjiżna ser ikun aktar imħaddar u aktar sostenibbli, b’ħafna aktar siġar milli kellna ftit snin ilu. 

Kif irrimarkjat, dan l-impenn ambjentali ser ikompluh fix-xhur li ġejjin. Fil-fatt, l-aġenzija għandha pjanijiet biex sal-aħħar tas-sena tkun ħawlet aktar minn 1,650 siġra f’għaxar postijiet oħra. Permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Ministeru t’Għawdex u wara talbiet li għamlulna l-Għawdxin, għall-ewwel darba Infrastructure Malta ser tibda tħawwel ukoll is-siġar f’din il-gżira. L-investiment ambjentali tagħna f’Għawdex se nibdewh billi fi ftit xhur oħra ser inħawlu aktar minn 500 siġra fix-Xewkija u fiż-Żebbuġ.       

Iżda l-impenn tagħna ma jieqafx hawn. Permezz tal-investiment ambjentali li nagħmlu qed niżguraw ukoll is-servizzi meħtieġa sabiex dawn l-eluf ta’ siġar jibqgħu jissaqqew u jiġu kkurarti għal diversi snin, sakemm jaqbdu sew fl-ambjent ġdid tagħhom. Jekk ikun hemm xi siġar ġodda li jmutu, jinsterqu jew issirilhom xi ħsara, dawn nibdluhom ukoll permezz tal-istess programm ta’ ħarsien u manutenzjoni. Fil-fatt, mis-sena li għaddiet ‘l hawn, erġajna ħawilna aktar minn 1,000 siġra li nsterqu jew ġew ivvandalizzati fi 12-il post differenti.  

Apparti li żidna eluf ta’ siġar fit-toroq u fi spazji ġodda li ħloqna permezz tal-proġetti infrastrutturali, għamilna wkoll imsaġar. Wieħed minnhom b’aktar minn 2,200 siġra indiġena u arbuxell f’Bengħajsa, Birżebbuġa u l-ieħor iffurmjanih flok triq li ma kinitx għadha tintuża fl-Imsida, fejn ħawwilna 459 siġra indiġena. 

Ikkollaborajna wkoll mal-Arċidjoċesi ta’ Malta biex flimkien irriġenerajna l-ġonna tad-Dar tal-Kleru f’Birkirkara fejn ħawwilna 1,400 siġra ġdida madwar din ir-residenza. B’kollaborazzjoni simili ma’ Caritas Malta, għadna kemm iffurmajna masġar ġdid b’aktar minn 350 siġra madwar id-dar tal-Komunità Terapewtika Residenzjali San Blas, f’Ħaż-Żebbuġ. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija u għall-impjegati ta’ Infrastructure Malta li dan il-masġar żgħir li ħloqna bl-isem “Bosk it-Tama” qed iservi bħala post ta’ kwiet u riflessjoni għar-residenti li jgħixu f’dan iċ-Ċentru filwaqt li jkunu qed jirċievu l-għajnuna meħtieġa biex jegħlbu d-diffikultajiet personali tagħhom, fosthom dawk marbuta mal-abbuż ta’ droga.

More in Politika