Carmel Cacopardo | Meta l-istat jinkoraġixxi l-evażjoni tat-taxxa

L-industrija tal-evażjoni tat-taxxa hi sors ta’ dħul kif ukoll ta’ impiegi li t-tnejn li huma inevitabilment jintilfu fi żmien qasir. Wasal iż-żmien li nippjanaw għal futur nadif, futur li mhux iktar dipendenti fuq l-evażjoni tat-taxxa

 F’indirizz li għamlet nhar it-Tnejn liċ-Chicago Council on Global Affairs, Janet Yellen, Segretarju għat-Teżor tal-Istati Uniti, ippreżentat l-argument favur taxxa minima applikabbli għall-korporazzjonijiet multinazzjonali fuq livell globali, irrispettivament minn fejn huma bbażati.  Proposta ta’ din ix-xorta, kif rappurtat min-New York Times, ikollha s-saħħa li żżomm lil dawn il-kumpaniji milli jċaqilqu l-profitti tagħħom minn post għall-ieħor biex jevadu l-ħlas tat-taxxi dovuti minnhom.

Meta jitnaqqsu it-taxxi biex tinġbed l-industrija u n-negozju, emfasizzat  Ms Yellen, hemm is-sogru li mmissu l-qiegħ: fejn ser tieqaf? Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Il-kompetittività mhiex biss kif kumpanija tmur fil-konfront ta’ kumpaniji oħra.  Hi wkoll il-mod li bih nassiguraw  li l-gvernijiet ikollhom sistemi ta’ ġbir ta’ taxxa li jkunu stabbli b’mod li jistgħu jiġbru biżżejjed fondi x’jinvestu f’servizzi publiċi u jkunu f’posizzjoni li jirreaġixxu fi żmien ta’ kriżi. Hu meħtieġ li ċ-ċittadini bejniethom jerfgħu b’mod ġust il-piż tal-finanzjament tal-gvern.”

Din il-materja hi diġa fuq l-agenda tal-Unjoni Ewropeja. Hi opposta b’qawwa minn Malta, il-Lussimburgu, l-Irlanda u pajjiżi oħrajn.  L-argument dwar l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni hu parti integrali mill-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.

Hu ta’ sfortuna li Malta (u pajjiżi oħrajn) repetutament abbużat mis-sovranità tagħha fuq materji ta’ taxxa. Huwa riżultat ta’ dan l-abbuż repetut li l-proposta dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa qabdet l-art b’mod li issa hi appoġġata ukoll mill-Istati Uniti tal-Amerka.  Malta rmiet il-vantaġġ kompetittiv tagħha billi abbużat minnu repetutament. Il-ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż hi għaldaqstant awto-gol mill-kbar.

Malta ma tistax tkun kredibbli fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus jekk ser tibqa’ tiffaċilita l-evażjoni tat-taxxa fuq skala internazzjonali.  Xi snin ilu il-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew kien ippubblika studju intitolat Toxic Tax deals: when BASF’s tax structure is more about style than substance. Dan ir-rapport kien żvela kif tul is -snin, il-kumpanija Ġermaniża ġgant tal-kimika BASF kien irnexxielha tevita u tiffranka l-ħlas ta’ biljun euro f’taxxi fuq 4 snin billi użat lill-Malta għal dan l-iskop. Dan sar billi kumpanija sussidjarja ġiet reġistrata f’Malta u t-taxxi dovuti, għax l-azzjonisti mhux residenti f’Malta, ħadu lura 6 euros minn kull 7 li kellhom iħallsu f’taxxa!

Il-każ tal-Korporazzjoni Amerikana Apple fl-Irlanda, kif nafu, wassal għall-evażjoni ta’ 13-il biljun euro f’taxxi. L-iskandlu Luxleaks fil-Lussimburgu ukoll wera kif dan il-pajjiż żgħir fost il-fundaturi tal-Unjoni Ewropeja ukoll kien qed jinkoraġixxi l-evażjoni tat-taxxa.

Dawn huma ftit mill-eżempji. Bla dubju hemm bosta oħra li s’issa huma moħbija mill-iskrutinju pubbliku. Bħala riżultat ta’ dan kollu madwarna għaddejja evażjoni ta’ biljuni ta’ euro ta’ taxxi, kontinwament. Malta, l-Irlanda, il-Lussimburgu u xi pajjiżi oħra jiġbru parti żgħira mit-taxxi dovuti bħala ħlas talli jippermettu din l-evażjoni ta’ taxxa fuq skala pjuttost kbira.

F’Malta dan kollu kien possibli bħala riżultant tal-hekk imsejjaħ “kunsens nazzjonali” bejn il-PLPN dwar il-qasam finanzjarju. “Kunsens” li ilu fis-seħħ numru ta’ snin. Il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta li seħħet u għad qed isseħħ bħala riżultat ta’ dan kollu, għaldaqstant, ma jġorriex il-Partit Laburista waħdu. Il-Partit Nazzjonalista ukoll għandu resposabbiltà xi jġorr. Għalhekk fuq dawn il-materji in-Nazzjonalisti u l-Labour dejjem iħokku dahar xulxin. 

Sfortunatament l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus huma ħafna drabi konnessi. Bosta drabi fejn issib waħda issib l-oħra ukoll.

It-triq il-quddiem m’għandhiex ikollha impatt fuq is-sovranità fil-qasam tat-tassazzjoni kif determinat mit-trattati Ewropej permezz tal-ħtieġa tal-unanimità f’materji konnessi mat-taxxa. Imma hemm bżonn urġenti li l-qasam tal-politika fiskali ukoll jinbena fuq prinċipji etiċi b’saħħithom. U mhux dan biss. Għandu jkun assigurat darba għal dejjem li Malta ma tibqax tiddependi minn dħul ġej mill-evażjoni tat-taxxa.

Għax id-dipendenza tal-ekonomija Maltija fuq l-evażjoni tat-taxxa (u l-bejgħ tal-passaporti) hi ta’ inkwiet kbir għall-pajjiż. L-industrija tal-evażjoni tat-taxxa hi sors ta’ dħul kif ukoll ta’ impiegi li t-tnejn li huma inevitabilment jintilfu fi żmien qasir. Wasal iż-żmien li nippjanaw għal futur nadif, futur li mhux iktar dipendenti fuq l-evażjoni tat-taxxa.

More in Politika