Carmel Cacopardo | Il-futur tagħna mhedded

Neħtieġu politika ambjentali sura li tkun implimentata kif imiss. Din trid fost oħrajn tfisser li l-kimika li tintuża fil-produzzjoni trid tkun waħda iktar sigura u li l-ġabra ta’ kull forma ta’ skart trid issir bir-reqqa. Huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nibdew nindirizzaw din il-problema kbira

Shanna Swan
Shanna Swan

It-tniġġiż jikkontamina ħajjitna. Ġeneralment naġixxu meta dak li jkun qed iniġġeż narawh jew inħossuh bis-sensi tagħna.  Ir-riċerka għaddejja kontinwament u pubblikazzjonijiet ġodda jindikaw impatt minn tniġġiż li qed jherri s-sistemi riproduttivi tagħna. Dan it-tniġġiż, imma ma jidhirx.  Hu kimika li nassorbu flimkien mal-ikel u li jista’ jħarbat l-ormoni umani fl-iktar mumenti kruċjali.

Fl-1962 Rachel Carson fil-ktieb tagħha Silent Spring kienet fissret l-impatt tal-pestiċidi fuq l-annimali li jgħixu fis-selvaġġ. Minkejja l-oppożizzjoni qawwija tal-kumpaniji li jimmanifatturaw dawn il-kimiċi l-kitba ta’ Carson wasslet għall-bidu ta’ regolamentazzjoni tal-pestiċidi kif ukoll għat-twaqqif tal-agenzija Amerikana li tħares l-ambjent.

Sittin sena ilu Carson, zoologa, argumentat li l-użu tal-pestiċidi kien qed ikollu konsegwenzi mhux mixtieqa u dan billi kien qed jeffettwa l-għasafar u l-frieħ tagħhom. Bħala konsegwenza ta’ dan bdiet tonqos il-popolazzjoni tal-għasafar minħabba li kien qed ikun avvelenat dak li jieklu.

L-avvelenament mhux bil-fors joqtol mill-ewwel. Jista’ jdum iż-żmien u dan billi jimblokka numru ta’ funzjonijiet naturali mill-jaħdmu.

Al Gore, li kien Viċi President Amerikan, fid-daħla għall-ktieb Our Stolen Future (1997) ta’ Theo Colborn, Diane Dumanoski u John Peterson Myers, jitkellem fuq  “xhieda xjentifika” dwar kimika sintetika li qed toħloq diversi problemi riproduttivi . Dawn (sa dakinnhar li kiteb Al Gore) kienu ġew osservati fl-annimali u fuq l-ekoloġija in ġenerali, imma l-konklużjonijiet kellhom sinifikat anke għas-saħħa tal-bniedem.

Biż-żmien bdiet tkun identifikata din ir-relevanza għas-saħħa tal-bniedem. 

Nhar is 7 t’Awwissu 1978, il-President Amerikan Jimmy Carter iddikjara stat ta’ emerġenza fl-inħawi magħrufa bħala Love Canal fl-istat ta’ New York.  Fis-snin 40 u 50 f’miżbla fl-inħawi li biż-żmien kienet intesiet, kienu intremew mal-21,000 tunellata ta’ skart kimiku f’tankijiet kbar tal-metall. Biz-żmien il-metall spiċċa u l-kimika pjuttost likwida xterdet. Ikkontaminat l-inħawi fejn, kienu sadanittant ġew żviluppati żoni residenzjali, skejjel u l-ispazji pubbliċi assoċjati magħhom. Iktar min-nofs tat-twelidijiet fiż-żona bejn l-1974 u l-1978 spiċċaw f’korrimenti inkella b’xi forma ta’ difett jew kanċer. Dan wassal biex fl-aħħar jiem tal-Presidenza ta’ Jimmy Carter ittieħdu inizjattivi ġodda ta’ ħarsien ambjentali biex inaqqsu l-possibiltà ta’ repetizzjoni ta’ dan kollu.

Nhar il-31 ta’ Mejju 1989 fix-xmara St Lawrence ħdejn Quebec il-Canada instabet balena mejta, beluga whale.  Mill-awtopsja li saret fuqha irriżulta  li din il-balena kellha kemm organi ġenitali maskili kif ukoll dawk feminili.  Ġie identifikat li dan kien seħħ minħabba tħarbit fl-ormoni tagħha riżultat tat-tniġġiż assorbit fl-ikel li kielet il-balena omm waqt it-tqala. Il-balena ġejja mill-istess klassi ta’ annimali bħall-bniedem, hi mammal ukoll. 

Kontinwament nisimgħu stejjer ġejjin mill-pajjiż ġar tagħna l-Italja dwar ikel ikkontaminat. Fl-2008 kienu sabu l-mozzarella tal-bufalo li kienet kkontaminata. Kien instab li din il-mozzarella kienet oriġinat minn 83 razzett qrib Napli. Il-bhejjem kienu jirgħu f’żona li żmien qabel kienet intużat mill-Mafja Taljana biex fiha intrema skart tossiku li kien fih id-dijossina.  F’lokalità oħra, Casale di Principe kien ġie ikkontaminat l-ilma tal-pjan u dan wassal għall-problemi diversi b’korrimenti u twelid ta’ trabi mejta kif ukoll b’rata għolja ta’ kanċer fil-popolazzjoni lokali.

Il-plastik u l-iskart kimiku hu l-kawża ewlenija ta’ dan kollu.

Din il-ġimgha ġie ippubblikat ktieb ieħor dwar dan kollu bl-isem  Count Down. L-awtriċi hi Shanna Swan, speċjalista tal-istudju tal-mard fis-sistemi riproduttivi umani. F’dan il-ktieb tosserva kif difetti li qed jiġu osservati fis-sistemi riproduttivi umani jistgħu jkunu marbuta ma tniġġiż kimiku li jasal għandna permezz tal-ikel li nikkunsmaw. Is-sottotitlu tal-ktieb fil-fatt hu : How Our Modern World Is Threatening Sperm Counts, Altering Male and Female Reproductive Development, and Imperiling the Future of the Human Race.

Shanna Swan u t-tim ta’ riċerkaturi tagħha sabu li tul dawn l-aħħar 40 sena, fil-pajjiżi żviluppati, naqset bin-nofs iż-żerriegħa li jipproduċu l-irġiel. Din hi konklużjoni wara eżami dettaljat ta’  185 studju li kien jinvolvi 45,000 raġel b’saħħtu.

Għandna bżonn li r-riċerkaturi Maltin jippubblikaw informazzjoni dwar l-istudji tagħhom dwar it-tniġġiż f’Malta u l-impatti tiegħu fuq saħħitna, speċjalment fejn dan jeffettwana fl-iktar mumenti kruċjali tal-żvilupp tagħna. Dan hu essenzjali għall-formazzjoni ta’ politika dwar is-saħħa li tkun iktar aġġornata. Għax il-politika nazzjonali dwar is-saħħa għandha tkun ibbażata  fuq viżjoni olistika, viżjoni li tagħraf ir-rabta ekoloġika bejn il-bniedem, l-annimali u l-pjanti.

Neħtieġu politika ambjentali sura li tkun implimentata kif imiss. Din trid fost oħrajn tfisser li l-kimika li tintuża fil-produzzjoni trid tkun waħda iktar sigura u li l-ġabra ta’ kull forma ta’ skart trid issir bir-reqqa. Huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nibdew nindirizzaw din il-problema kbira.

More in Politika