Carmelo Abela | Ċanfira lil Bernard Grech

'Bis-silenzju tiegħu dakinhar, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin indirettament iddefenda l-aġir ta’ Grech' - Carmelo Abela

Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni
Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni

Illum Bernard Grech tilef ilment li kien ressaq quddiem l-Awtorità tax-Xandir fejn akkuża lill-istazzjon nazzjonali bi żbilanċ waqt intervista li kellu f’Jannar li għadda mal-ġurnalist Glen Falzon.

F’deċiżjoni studjata u bir-reqqa l-Awtorità tax-Xandir qalet li l-ġurnalist għandu d-dritt li jagħmel il-mistoqsijiet anke jekk min qed jiġi intervistat jista’ jkun skomdu għal dak mistoqsi. Dan hu preċiżament dak li sostnejt jien stess xahrejn ilu, meta kont għidt l-obbligu tal-politiku huwa li jwieġeb il-mistoqsija li ssirlu, hi kemm hi diffiċli, antipatka jew imbarazzanti. Ma kellix għalfejn inkun jien li ngħid hekk, jew li wieħed jistenna l-Awtorità tax-Xandir biex tagħti ċanfira lil Bernard Grech, għax wara kollox dan huwa dak li kull wieħed u waħda minna ta’ rieda tajba, nafuh u nafuh sew.

Nittama li l-Kap Nazzjonalista jieħu l-ħin tiegħu biex mhux biss jeżamina dak li qalet l-Awtorità tax-Xandir, iżda wkoll jagħmel eżami tal-kuxjenza miegħu nnifsu Carmelo Abela

L-Awtorità tax-Xandir, organu kostituzzjonali u imparzjali, ċaħdet ukoll dak li argumenta l-Kap tal-PN, li ma ngħatax l-istess pjattaforma bħall-Prim Ministru. Qalet b’mod ċar li l-istazzjon nazzjonali ta l-istess pjattaforma, b’ħin ugwali għaż-żewġ mexxejja politiċi.

Bernard Grech prova jirrikorri għall-Awtorità tax-Xandir għax irrealizza li dakinhar tal-programm ma kienx konvinċenti f’dak li qal. Minflok dakinhar tal-intervista, ħarġu kwalitajiet li ma huma sbieħ xejn, fosthom dik li pprova jintimida lill-ġurnalist u anke implika l-istazzjon nazzjonali m’huwiex imparzjali. Spiċċa wkoll jipponta subgħajh lejn il-ġurnalist u jsabbat idejh fuq il-mejda. Quddiem dan l-attakk, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li fil-passat wera’ l-effiċjenza tiegħu biex jikkundanna esponenti tal-Partit Laburista, baqa’ b’fommu sieket. Bis-silenzju tiegħu dakinhar, l-IĠM indirettament iddefenda l-aġir ta’ Grech.

L-attakki ta’ Bernard Grech kif ukoll l-attitudni tiegħu meta ffaċċjat bil-mistoqsijiet li ma jkunx irid jew ma jafx iwieġeb, wassal ukoll biex ġew influenzati l-paritarji ta’ Bernard Grech. Ftit ilu kif kulħadd jaf, akkolt tal-Kap tal-PN u tal-għaqda Repubblika, il-famuż Godfrey Leone Ganado, infexx jgħajjar lill-Editur tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali bi kliem misoġinist u sessist.

Nittama li l-Kap Nazzjonalista jieħu l-ħin tiegħu biex mhux biss jeżamina dak li qalet l-Awtorità tax-Xandir, iżda wkoll jagħmel eżami tal-kuxjenza miegħu nnifsu.

Mill-ġdid, insellem ħidmet il-ġurnalisti tal-istazzjon nazzjonali li wieħed wara l-ieħor qed jisfaw attakkati mill-Partit Nazzjonalista minħabba ħidmiethom.

 

More in Politika