Carmel Cacopardo | Il-karozzi iddominaw ħajjitna

M’għandiex bżonn iktar toroq. Imma għandna bżonn inqas karozzi fit-toroq li għandna.  Tnaqqis ta’ karozzi mit-toroq jwassal għal tnaqqis fil-kongestjojni tat-traffiku u titjib fil-kwalità tal-ħajja

Hi sfortuna li tul is-snin ħallejna ħajjitna tkun iddominata mill-karozzi.

Għaddejna minn kontroversja wara l-oħra dwar l-infrastruttura tat-toroq. Sfortunatament jidher li minn dan kollu l-awtoritajiet għadhom ma tgħallmu xejn.  L-aħħar każ hu dwar il-proposta għal fly-over ġdida għall-Imrieħel: flyover oħra li mhiex meħtiega.

Il-proposta tal-Imrieħel għadha qed tkun imfassla. Ma hemmx wisq dettalji li huma magħrufa, s’issa, ħlief li probabbilment ser ikun hemm impatt sostanzjali fuq madwar 20 tomna ta’ raba’ saqwi. Minn dak li hu magħruf s’issa  Infrastruttura Malta bdiet tiltaqa’ mal-bdiewa dwar dak li eventwalment ser ikun propost.

Mhux meħtieġ li nkunu nafu d-dettalji ta’ dak li hu ppjanat, kif qed jgħid il-Ministru għat-Transport Ian Borg, biex nikkritikaw il-programm tal-Gvern dwar l-infrastruttura tat-toroq għax dan hu oġġezzjonabbli fil-prinċipju. 

M’għandiex bżonn iktar toroq. Imma għandna bżonn inqas karozzi fit-toroq li għandna.  Tnaqqis ta’ karozzi mit-toroq jwassal għal tnaqqis fil-kongestjojni tat-traffiku u titjib fil-kwalità tal-ħajja, inkluż iktar sigurtà fit-toroq tagħna għal kulħadd.

It-toroq tagħna mballati bil-karozzi. Għal din ir-raġuni l-Gvern qabbad esperti bex jistudjaw il-problema. Bħala riżultat ta’ dan, bl-għajnuna ta’ fondi għall-iżvilupp reġjonali tal-Unjoni Ewropea tfassal Pjan Nazzjonali għat-Trasport (Masterplan) minn konsulenti barranin. Il-Kabinett approva dan il-pjan fl-2016, imma kontinwament qiegħed jonqos milli jassigura li dan ikun implimentat.

Waħda mill-osservazzjonijiet bażiċi ta’ dan il-Pjan Nazzjonali għat-trasport hi li nofs il-vjaġġi bil-karozzi privati jdumu inqas minn 15-il minuta, jiġifieri huma vjaġġi għal distanzi qosra. Bla ebda dubju hemm bosta mezzi sostenibbli li jservu għal mobilità alternattiva: il-karozzi privati bla ebda dubju nistgħu ngħaddu mingħajrhom għal dawn id-distanzi qosra, fil-parti l-kbira tal-każi.

Il-Pjan Nazzjonali għat-Trasport iwissina dwar in-nuqqas f’Malta tal-ippjanar għat-trasport: ippjanar li jħares sal-ponta ta’ mnieħru għax ma jħarisx fit-tul.  Bħala konsegwenza ta’ dan  ftit li xejn jeżistu miri ċari, hemm nuqqas  ta’ direzzjoni strateġika kif ukoll nuqqas ta’ kapaċità li jkunu ndirizzati materji diffiċli bħat-tnaqqis ta’ karozzi mit-toroq. Il-Maltin huma konservattivi wisq, jgħid il-pjan (There is a strong reluctance for Maltese society to change) u dan f’kuntrast mal-ħtieġa għal azzjoni fil-komunità biex tkun indirizzata l-problema tat-traffiku, kemm kif inhi illum kif ukoll kif għadtista’tiżviluppa.  Dan, ikompli jgħid il-pjan tat-trasport approvat mill-Kabinett, iwassal biex is-sewwieq Malti jippretendi li kulħadd għandu jaddatta l-mod kif jivvjaġġa biex hu jkun jista’ jibqa’ jsuq il-karozza tiegħu! (This results in the Maltese traveller expecting that everyone else will change their travel habits so that they can continue to drive their car.)

Il-politika dwar it-trasport ma jistax ikun li tibqa’ ippjanat biċċa biċċa, mil-lum għal għada. Jeħtieġ ippjanjar olistiku. Dan hu l-iskop li sar dan il-Masterplan: biex ikollna pjan olistiku u nibdew inħarsu fit-tul. Biex pjan bħal dan ikun implimentat, imma, hemm bżonn deċiżjonijiet iebsin li għandhom iwasslu għal tnaqqis fin-numru esaġerat ta’ karozzi private li hawn fit-toroq tagħna. 

Il-problema reali li qed iżżomm l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan hi li l-Gvern m’għandux il-kuraġġ li jieħu dawn id-deċiżjonijiet. Ma jridx jirfes kallijiet! 

Irridu nifhmu darba għal dejjem li ċ-ċokon ta’ pajjiżna jagħmilha possibli li permezz ta’ transport pubbliku organizzat sewwa nilħqu kull rokna tal-pajjiż f’ħin qasir.

It-trasport pubbliku f’Malta għamel progress kbir f’dawn l-aħħar snin, imma dan mhux biżżejjed. Għax it-trasport pubbliku ma jistax jikkompeti ma’ Gvern li kontinwament  jinkoraġixxi l-użu tal-karozza privata b’toroq ġodda u flyovers li flok jirrestrinġu iż-żieda tat-traffiku fit-toroq tagħna jagħmluh iktar faċli.

Għal żmien twil, Gvern wara l-ieħor kien skjav tal-karozza. Il-politika tat-trasport kienet u għada politika favur il-karozzi li jikkundizzjonawlna ħajjitna. Hu dan li għandu jinbidel.

Jeħtieġ li l-politika tat-trasport tpoġġi lin-nies l-ewwel, qabel il-karozzi.

More in Politika