Carmel Cacopardo | It-Tibdil fil-Klima: wara t-twissja ta’ Covid-19

L-impatti tal-Covid-19 huma logħob tat-tfal meta wieħed jara sewwa x’hemm lest għalina bħala riżultat tat-tibdil fil-klima

Il-virus Covid-19 beżbiżna waħda sew u ħarbat il-ħidma ta’ kulħadd. Imma ħdejn l-impatti antiċipati tat-tibdil tal-klima dan hu kollu logħob tat-tfal li dwaru Covid-19 jista’ jitqies bħala prova parzjali. Twissija li forsi tiftħilna ftit għajnejna.

F’Pariġi fis-7.25pm ta’ nhar it-12 ta’ Diċembru 2015, 5,000 delegat li kienu qed jirrappreżentaw 195 pajjiż, unanimament aċċettaw l-evidenza dwar l-impatti tal-klima. Huma għażlu t-triq għall-futur. 

Nhar il-25 ta’ Frar 2020 Christiana Figueres u Tom Rivette-Carnac ippreżentawna b’publikazzjoni li għandha tkun ta’ interess kbir. Hi intitolata “The Future We Choose. Surviving the Climate Crisis.” Christiana Figueres, li magħha hu assoċjat il-ftehim ta’ Pariġi, kienet tmexxi l-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda inkarigata mit-Tibdil fil-Klima (UNFCC) bħala Segretarju Eżekuttiv. Tom Rivette-Carnac kien l-istrateġista ewlieni tagħha inkarigat biex jaħdem dwar l-appoġġ minn utenti (mhux Gvernijiet) li kienu nteressati f’dan il-ftehim li kien ilu jinħema s-snin.  

Wara l-qbil dwar it-triq li setgħet twassal għal bidla, biex il-kliem miktub ikun trasformat f’azzjoni konkreta hu dejjem sfida.  

L-għażliet quddiemna huma ċari. 

L-attitudni li qiesu mhu jiġri xejn (business as usual) twassal biex it-temperatura medja globali, li diġa qabżet bi grad wieħed Celsius it-temperatura medja ta’ qabel żmien ir-rivoluzzjoni industrijali, tista’ tiżdied b’madwar 4 sa 5 gradi Celsius. L-impatti ta’ żieda bħal din ikunu katastrofiċi. 

Riżultat ta’ żieda fit-temperatura globali f’xi reġjuni jkun impossibli li persuna toqgħod barra fl-apert għal ħin twil. Ħtija ta’ hekk partijiet mid-dinja isiru mhux abitabbli.  Iż-żieda fit-temperatura tkompli taċċellera id-dewbien tas-silġ fil-poli u ħtija t’hekk il-livell tal-ibħra jibqa’ jiżdied. Il-komunitajiet mal-kosta jkunu taħt theddida kontinwa. L-impatti fuq l-infrastruttura kostali kif ukoll fuq kull attività mal-kosta jkunu sostanzjali.  

It-tibdil fil-kundizzjonijiet atmosferiċi jżidu x-xita intensiva f’żoni u nixfa tqarqaċ f’żoni oħra. Il-maltemp iżid kemm fil-frekwenza kif ukoll fl-intensità u l-ħerba assoċjata miegħu tikber bil-bosta kif naraw spiss diġa f’diversi partijiet tad-dinja. 

Il-konklużjonijiet ta’ Pariġi jfissru li l-komunità internazzjonali għarfet u àccettat l-evidenza xjentifika akkumulata dwar it-tibdil fil-klima.  F’Pariġi kien hemm qbil li kull pajjiż kellu jidentifika sensiela ta’ wegħdiet li kellu jwettaq fl-isforz globali biex tkun indirizzata l-kawża tat-tibdil fil-klima. Wegħdiet li għandhom ikunu aġġornati kull ħames snin.  Il-wegħdiet reġistrati s’issa, anke kieku kellhom jitwettqu kollha, m’humiex biżżejjed biex iż-żieda fit-temperatura globali ma taqbiżx iż-żewġ gradi Celsius, u preferibilment mhux iktar minn grad u nofs Celsius, kif  insistew il-komunitajiet ta’ mal-kosta kif ukoll il-gżejjer li mhumiex wisq il-fuq mil-livell tal-baħar.   Bejn il-kliem u l-fatti, hemm baħar jikkumbatti. 

Sal-2030 l-emissjonijiet globali jeħtieġ li jonqsu b’mhux inqas min-nofs biex jintlaħqu l-miri stabiliti f’Pariġi. Sal-2050, min-naħa l-oħra jrid jintlaħaq l-istatus ta’ karbonju żero sa mhux iktar tard mill-2050. Biex jintlaħqu dawn il-miri essenzjali Christiana Figueres u Tom Rivett-Carnac jagħmlu użu minn diversi proposti li saru tul is-snin. Il-bidla meħtieġa hi waħda enormi: hi bidla li tant hi kbira li taqleb ta’ taħt fuq kważi kull ħaġa li jmmissu jdejna. 

Tirrikjedi bidliet radikali dwar kif ngħixu, kif naħdmu u kif niċċaqalqu minn post għall-ieħor. Tibdil f’dak li nikkunsmaw kif ukoll kemm dwar dak li nipproduċu kif ukoll dwar il-mod kif nipproduċuħ.  

Għax l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima jfisser li l-ivvjaġġar bl-ajru (inkluż it-turiżmu) kif nafuh sal-lum m’għandux futur. L-ivvjaġġar bl-ajru jiġi jiswa’ ferm iktar mil-lum kemm-il darba l-impatti ambjentali sostanzjali tiegħu ikunu riflessi fl-ispejjes reali

Il-wasla fuqna għall-għarrieda tal-kriżi Covid-19 tatna togħma żgħira ta’ xi tibdil essenzjali. 

Ix-xogħol b’mod virtwali għandu, bla dubju, jkun element permanenti dwar il-mod kif naħdmu. M’għandux ikun eċċezzjoni ta’ natura temporanja. L-edukazzjoni ukoll għandha tingrana iktar fid-direzzjoni tat-tagħlim virtwali b’mod permanenti.

L-ivvjaġġar mhux essenzjali għandu jkun skoraġġit fuq bażi permanenti.  Fejn meħtieġ l-ivvjaġġar għandu jsir b’mezzi sostenibbli. Dan m’għandux ikun limitat għall-elettrifikazzjoni tal-karozzi, wara li jkunu tnaqqsu drastikament fin-numru, imma għandu jinkludi tnaqqis sostanzjali tal-ajruplani. Għax l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima jfisser li l-ivvjaġġar bl-ajru (inkluż it-turiżmu) kif nafuh sal-lum m’għandux futur. L-ivvjaġġar bl-ajru  jiġi jiswa’ ferm iktar mil-lum kemm-il darba l-impatti ambjentali sostanzjali tiegħu ikunu riflessi fl-ispejjes reali. 

Jekk inħarsu fit-tul l-iżvilupp intensiv tal-infrastruttura tat-toroq mhi ser isservi l-ebda skop. Inqas karozzi fit-toroq ikun ifisser ukoll impatti konsiderevoli fuq l-ippjanar għall-użu tal-art.  Inqas karozzi jfisser inqas ħttieġa għal parkeġġ u garaxxijiet u iktar spazju għan-nies. Ikun wasal iż-żmien li fl-ibliet u l-irħula tagħna r-reżidenti jiġu mill-ġdid qabel il-karozzi. Dejjem, mhux kultant.

Jeħtieġ li napprezzaw u nagħmlu użu iktar minn prodotti agrikoli lokali. Imma anke l-prezz tal-prodotti agrikoli għandhom jirriflettu l-impatti  ambjentali sostanzjali li jinħolqu biex il-biedja tagħti r-riżultati.  L-ispiża tal-produzzjoni tal-laħam u tal-prodotti derivati mill-ħalib, per eżempju, ma tkunx waħda żgħira jekk din tinkludi l-impatti ambjentali tal-produzzjoni.  Fil-fatt, Christiana u Tom, jistqarru li l-ikel fl-2050 hu għali minħabba li jeħtieġ riżorsi ta’ valur biex il-produzzjoni tiegħu tkun possibli.  “L-ilma. Il-ħamrija. L-għaraq. Il-ħin.” Hu ċar li jekk irridu nimplimentaw bis-serjetà l-ftehim ta’ Pariġi l-Politika Komuni kurrenti dwar l-Agrikultura m’għandhiex futur. 

L-impatti tal-Covid-19 huma logħob tat-tfal meta wieħed jara sewwa x’hemm lest għalina bħala riżultat tat-tibdil fil-klima.  Fid-dawl tat-tibdil fil-klima hemm soluzzjoni prattika waħda: bidla radikali fil-mod kif ngħixu, naħdmu u nqattgħu l-ħin liberu. Permezz tal-Covid-19 in-natura tatna twissija ċara. Jekk dan ninjorawh m’hemm ħadd f’min nistgħu nwaħħlu.

More in Politika