Carmel Cacopardo | Imnawwar minn ġewwa

Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika

Sal-ħin li qed nikteb, l-investigazzjoni interna tal-Pulizija nfirxet minn waħda ffukata fuq it-taqsima tat-traffiku għal taqsimiet oħra tal-korp.  Bosta huma mnixxfa kif dawk li suppost iżommu l-ordni u jħarsu l-osservanza tal-liġi qed jiġu investigati huma stess dwar allegazzjonijiet ta’ abbuż minn fondi pubbliċi kif ukoll allegazzjonijiet li talbu flus biex ma jagħmlux dmirhom (speċi ta’ protection money).

Supretendent u numru ta’ uffiċjali oħra, rinfaċċjati bil-provi rreżenjaw mill-korp. Numru mhux żgħir ta’ pulizija ġew interrogati.

M’għandniex inkunu sorpriżi b’dan kollu, għax dan huwa kollu riżultat dirett ta’ kultura ta’ impunità li ġiet imxettla b’mod kontinwu mill-Partit Laburista fil-Gvern tul dawn l-aħħar snin. Xejn mhu xejn. B’xi mod jew ieħor kollox jibqa’ għaddej, jew kważi.

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-fatt illi l-Pulizija stess qed jinvestigaw lill-pulizija li dwarhom hemm l-alegazzjonijiet huwa indikazzjoini ċara li l-istituzzjonijiet fil-pajjiż qed jaħdmu sewwa. Fil-fehma tiegħi din hi analiżi skorretta. Dak li qed jiġri trid tarah ukoll fil-kuntest tal-ħbiberija żvelata bejn dak li kien Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u  Yorgen Fenech, (l-allegat mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia). F’dan il-kuntest, l-investigazzjoni tindika li l-korp tal-Pulizija huwa mnawwar minn ġewwa. 

Filwaqt li l-parti l-kbira tal-membri tal-korp tal-Pulizija huma persuni serji, għandu jkun sottolineat li mhux l-ewwel darba li rriżulta li uffiċjali anzjani tal-korp tal-pulizija kienu viċin ta’  persuni li kienu taħt investigazzjoni. Każ ieħor riċenti li niftakar hu ta’ uffiċjal imlaħħaq fit-taqsima tar-reati ekonomiċi (spettur) li kien viċin ħafna ta’ operatur fl-industrija tal-logħob tal-ażżard. Tant kien viċin tiegħu li anke kellu l-aċċess biex jutilizza karozza privata ta’ din il-persuna,  Ferrari. Il-każ imur lura sal-2015 meta missier l-ispettur, kien aġent Kummissarju tal-Pulizija. Għax il-każ taz-ziju Silvio ċertament mhux l-uniku wieħed.

Kien il-kandidat Laburista Andy Ellul li f’artiklu ppubblikat fuq it-Times tat-28 ta’ Jannar 2020 li stqarr li “Police commissioners form part of the executive and they have to toe the electoral programme of the government of the day”.  Huwa ċertament ta’ sfortuna li Andy Ellul jikkunsidra li l-Pulizija għandha funzjoni politika għax l-implimentazzjoni tal-manifest elettorali hi funzjoni tal-politiċi u tagħhom biss. 

Dak li qal Andy Ellul jispjega ħafna dwar meta, kif u għaliex (uħud) mill-Pulizija jaġixxu u jinvestigaw. Andy Ellul kien hu nnifsu membru tal-korp tal-Pulizija u allura suppost li jaf ferm iktar minn hekk!

Hu ċar li bosta ħadu sehemhom u allura b’mod konvenjenti ‘ħadd ma nduna xejn’

Meta l-Panama Papers saru materja pubblika x’investigazzjoni għamlet il-pulizija?  Abbażi ta’ dak li ġie osservat min-naħa tal-uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, il-Pulizija ġew jaqgħu u jqumu. Konrad Mizzi u Keith Schembri  ma ġewx mitluba biex jerfgħu r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom meta waqqfu kumpaniji sigrieta fil-Panama: ħelsuha ħafif. Għaldaqstant wara dan il-messaġġ ċar li qisu ma ġara xejn, ħadd ma għandu jkollu l-ebda dubju x’kejl kellu japplika għall-pulizija u għall kull min jagħmel affarijiet li s-soltu ma naċċettawhomx.   Kien biss meta l-whistle-blower saffar li l-investigazzjoni kellha tibda. Hawn xi ħadd li jemmen li b’mod ġenwin ħadd ma nduna b’xejn?  Hu ċar li bosta ħadu sehemhom u allura b’mod konvenjenti “ħadd ma nduna xejn”. 

It-triq biex tissewwa l-ħsara li saret lir-reputazzjoni li Malta kisbet illum il-ġurnata mhix triq faċli. Li tkun stabbilita mill-ġdid il-fiduċja fil-korp tal-Pulizija hu pass wieħed żgħir minn ħafna meħtieġa.

Malta bil-mod qed tiġi ttrasformata f’soċjetà amorali fejn il-prinċipji aċċettabbli ta’ mġiba korretta qed jintremew il-baħar. Hemm min jiddieħaq bihom ukoll.

Rappreżentanti tas-settur tas-servizzi finanzjarji qalulna li hemm bżonn is-sehem ta’ kulħadd biex naslu li nnaddfu isem Malta mill-ġdid. Huwa ftit diffiċli biex wieħed jifhem kif nistgħu naslu meta hu ċar għal kulħadd li l-korp tal-Pulizija hu mnawwar minn ġewwa.

More in Politika