Editorjal | Ejja naħdmu flimkien

Dawk li llum qed jappoġġjaw jew ifakkru lil Daphne Caruana Galizia, iridu jinżlu ftit mill-altar tagħhom u jkunu aktar konxji li dawk li ma jaqblux ma’ Caruana Galizia mhumiex il-qattiela

Din kienet ġimgħa interessanti minn punto di vista ta’ aħbarijiet u kronika.  

Kien hemm il-Baġit, li kien Baġit tajjeb li jħares ’il quddiem u li jwassal biex jindirizza aktar problemi b’riżultati fiskali tajbin ħafna. 

Kien ukoll Baġit li jindirizza soluzzjonijiet ambjentali u joffri sfidi ġodda f’dan is-settur.  

Dawn kienu fost l-affarijiet li suppost iddominaw il-ġimgħa. 

Iżda bla dubju ta’ xejn kien hemm l-anniversarju tal-blogger Daphne Caruana Galizia, persuna li nqatlet permezz ta’ karozza bomba.  

Qtil makabru li żgur ġie ordnat minn persuni li ma kinux it-tlieta li huma akkużati bħalissa.

Dawk li llum qed jappoġġjaw jew ifakkru lil Daphne Caruana Galizia, iridu jinżlu ftit mill-altar tagħhom u jkunu aktar konxji li dawk li ma jaqblux ma’ Caruana Galizia mhumiex il-qattiela

M’aħniex ser nidħlu fil-mod kif l-istampa internazzjonali qed tagħżel li tpinġi lil Malta u lil Caruana Galizia. Stampa li ġiet ikkulurita mhux ħazin minn Fabio Fazio, persuna li ċertament ma jafx l-istorja kollha.

Kull kumment min-naħa tagħna żgur mhux ser ibiddel l-aġenda ta’ dawn il-ġurnali jew preżentaturi.

Tliet sentenzi biss ngħidu: Caruana Galizia ma kinitx il-brava u l-verġni li qed ipinġuha.  

Anzi kienet stradikata u tfajjar bl-addoċċ, krudili fl-għażla tal-kliem u partiġġjana u ġurnalista li ħafna drabi tikteb mingħajr provi. 

Minkejja kollox, il-kitbiet tagħha dwar l-intriċċi fil-politika u n-negozju kienu meħtieġa fil-qafas ta’ soċjetà pluralista, tolleranti, demokratika u moderna.  

Iżda dan ma jbiddilx il-fatt li l-qtil tagħha kien reazzjoni għall-kitbiet tagħha li ċertament kienu dejqu lil xi ħadd jew xi wħud.

Il-punt li rridu nagħmlu huwa wieħed.

Aħna lkoll nemmnu li dan il-qtil irid jiġi riżolt malajr kemm jista’ jkun.  

L–ewwel nett għax jixraq u għax hekk hu mistenni.

Jekk ser inħarsu lura lejn l-istil xejn sabiħ ta’ kif kienet tikteb Caruana Galizia, ħa nerġgħu nqanqlu l-passat. Dak li ġara u nkiteb għadda, u issa hemm bżonn li nersqu flimkien biex insolvu dan il-qti

Huwa għalhekk li jista’ jkun li l-Gvern għandu jagħti poteri iktar b’saħħithom lill-Pulizija u s-servizzi tas-sigurtà.  

It-tieni għax hemm bżonn li l-mibegħda li kibret bejnietna bħala Maltin, u li qed tikber minħabba l-ispekulazzjoni dwar dan il-każ, tieqaf.

Dawk li llum qed jappoġġjaw jew ifakkru lil Daphne Caruana Galizia, iridu jinżlu ftit mill-altar tagħhom u jkunu aktar konxji li dawk li ma jaqblux ma’ Caruana Galizia mhumiex il-qattiela. Aħna lkoll irridu l-ġustizzja. Iżda l-mewt tagħha jista’ jwassal biex ningħaqdu flimkien bħala Maltin u ngħidu le għall-intolleranza u l-vjolenza.

Fuq quddiem hemm il-familja tagħha, li trid turi (minkejja r-rabja li jista’ jkollha) ftit umiltà li taġixxi b’tali mod li tabbraċċja n-nies jekk irid juru solidarjetà u appoġġ.

Qed nirreferu għall-każ ta’ Adrian Delia, kien redikolu li jiġi ttrattat b’dan il-mod minn oħt Daphne quddiem il-monument tal-Assedju.

Wieħed jista’ jgħid li Delia kien esaġera meta fis-sajf tal-2017 għajjar lil Caruana Galizia biċċa blogger, imma safrattant qisu kulħadd nesa x’kienet kitbet u b’liema ton u stil dwar Delia nnifsu.

Għax ejja nkunu ċari, Caruana Galizia kienet tfajjar u tkisser lil dak li jkun, anki dawk li ma kinux figuri pubbliċi u ma kellhomx il-poter tal-media jew inkella l-kuraġġ li jirrisponduha.

Jekk ser inħarsu lura lejn l-istil xejn sabiħ ta’ kif kienet tikteb Caruana Galizia, ħa nerġgħu nqanqlu l-passat. Dak li ġara u nkiteb għadda, u issa hemm bżonn li nersqu flimkien biex insolvu dan il-qtil.

Qtil li juri kif f’Malta hawn kobba mħawda ta’ nies u psikopatiċi li jaslu għal kollox.  

Nies li ilhom iħawdu u jgerfxu u jisirqu u joqtlu.

Ejja ninsew id-differenzi u naħdmu biex ikollna pajjiż aħjar. Divers imma aħjar.

More in Politika