Miriam Dalli | Ġejjieni ta’ sfidi u opportunitajiet

Quddiem dawn l-isfidi, jien flimkien ma’ sħabi li nirrappreżentaw l-interessi Maltin fl-Unjoni Ewropea ser inxammru l-kmiem għal aktar ħidma

Il-President eletta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen
Il-President eletta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen

Ninsabu fl-eqqel tas-sajf, u għalkemm in-natura ta’ ħidmietna tinbidel, jibqgħu jiem impenjati. Bħalissa, flimkien ma’ sħabi mentors u organizzaturi tal-programm LEAD, qed naħdem sabiex aktar nisa u tfajliet jersqu lejn il-ħajja politika, permezz tal-programm ġdid li se jitnieda fix-xhur li ġejjin.

Storja ta’ mara li avvanzat fil-politika hija dik ta’ Ursula von der Leyen, li ftit ilu ppreżentat il-viżjoni tagħha bħala President ġdid tal-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl li l-Ewropa qed taffaċċja bosta sfidi u opportunitajiet li se jfasslu l-ġejjieni tad-dinja kif nafuha u tas-soċjetajiet fi ħdanha, hemm bżonn nifhmu sew dak li jgħaqqadna bħala Unjoni u dak li jrid isir sabiex inkunu leali lejn il-prinċipji tagħna.

Fattur determinanti biex l-Unjoni taħdem b’saħħitha huwa l-ekonomija, fejn pajjiżna jista’ jmexxi b’eżempju ta’ tkabbir ekonomiku li qed iħalli riżultati finanzjarji. Filwaqt li bosta pajjiżi fi ħdan l-Unjoni mexxew politika ta’ awsterità, pajjiżna għaraf li kruċjali għat-tkattir tax-xogħol huwa t-tkabbir u mhux miżuri li jirrestrinġu.

Ħadt gost li fil-prijoritajiet tagħha, il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea semmiet il-bżonn ta’ pagi minimi ġusti, li jagħtu skop u dinjità lil kull ħaddiem fis-soċjetà. Nemmen li dan huwa l-pass li jmiss anke għal pajjiżna, fejn il-pagi minimi tagħna jeħtieġ li jlaħħqu mar-rata li biha qed javvanza l-pajjiż ekonomikament. Għalina, għall-kuntrarju ta’ bosta pajjiżi oħra, dan huwa żmien fejn ir-rata ta’ qgħad hija l-aktar baxxa li qatt kienet fl-istorja tas-soċjetà Maltija. Ma’ din irrid inżid il-bżonn li nisa u rġiel fil-postijiet tax-xogħol jitħallsu indaqs meta jagħmlu l-istess xogħol. Din hija sfida li rridu nindirizzaw minnufih, għax id-diskrepanzi fi ħlas bejn is-sessi jimminaw il-potenzjal tan-nisa fis-soċjetà tagħna, meta dan il-potenzjal huwa enormi.

Kemm huwa importanti li fis-suċċess ekonomiku li qed niksbu, kemm f’Malta kif ukoll f’kuntest Ewropew, naħsbu fiż-żgħażagħ tagħna. Jeħtieġ li nħarsuhom permezz ta’ strumenti bħall-garanzija għaż-żgħażagħ. Jeħtieġ li ninvestu fi strumenti li permezz tagħhom, żgħażagħ b’kull tip ta’ ħiliet isibu fejn jitħarrġu u eventwalment jingħaqdu ma’ kollegi fid-dinja tax-xogħol. Daqstant importanti huwa t-taħriġ ta’ ħaddiema fil-postijiet tax-xogħol u ġenerazzjonijiet żgħażagħ, biex il-ħiliet li jitgħallmu l-iskola u fi programmi ta’ taħriġ ikunu aġġornati għall-era u l-ekonomija diġitali, sabiex ħadd ma jitħalla barra fil-progress teknoloġiku li d-dinja għaddejja minnu b’pass mgħaġġel immens. 

Kemm huwa importanti li fis-suċċess ekonomiku li qed niksbu, kemm f’Malta kif ukoll f’kuntest Ewropew, naħsbu fiż-żgħażagħ tagħna

L-ikbar ħidma li nistgħu nagħmlu għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni tikkonċerna l-ħarsien tal-ambjent tagħna. Il-policies li kkomettiet ruħha dwarhom Ursula Von der Leyen biex inkomplu nindirizzaw problemi li qegħdin jikkawżaw u jaffetwaw lill-ambjent ta’ madwarna huma pożittivi. Irridu, però, nimbuttaw dejjem lejn aġenda progressiva u ambizzjuża.

Pereżempju, filwaqt li nikkommettu ruħna li nnaqqsu l-emissjonijiet mid-dijossidu tal-karbonju sas-sena 2050, irridu nfasslu miri aktar immedjati għall-2030. Filwaqt li huwa tajjeb li nnaqqsu dawn l-emissjonijiet minn oqsma marittimi, irridu naraw li l-vetturi fit-toroq Ewropej jaraw tnaqqis ukoll. Hawnhekk l-isfida hija ikbar iżda neċessarja.

Kif dejjem għamilt, se naħdem b’ħilti kollha lejn ambjent u kwalità ta’ arja aħjar u biex dawn ikunu fuq nett tal-aġenda Ewropea. Inħoss li xorta għad hemm lok għal aktar progress f’dan ir-rigward partikolarment biex ikollna politika industrijali ġdida li tiġbor flimkien niċeċ ekonomiċi ġodda u l-aspett ambjentali.

Fid-dinja tal-lum jeħtieġ naċċertaw ruħna li ma ninsewx l-aspett ekoloġiku fil-progress ekonomiku. Jekk ikollna l-viżjoni politika li nkabbru l-ekonomija billi nħarsu l-ambjent, mhux biss ikollna tkabbir ekonomiku, iżda tkabbir ekonomiku nadif. Fuq kollox, inkunu qed naħdmu lejn bilanċ bejn ġid finanzjarju u ġid ekoloġiku, u dan hu punt kruċjali għall-ekwlibriju fil-komunità Ewropea.

Fid-dinja tal-lum jeħtieġ naċċertaw ruħna li ma ninsewx l-aspett ekoloġiku fil-progress ekonomiku

Ma nistax ma nsemmix aktar sfidi li l-Ewropa trid tindirizza minnufih. Huwa ċar kristall li s-soluzzjonijiet li kienu ppreżentanti sal-lum quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari ma ħadmux, tant li issa poġġew lill-kontinent Ewropew f’emerġenza umanitarja. Bħala Viċi-President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, tkellimt f’sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew u sħaqt li llum iktar minn qatt qabel iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet  politiċi li jindirizzaw din l-emerġenza.

Biex iseħħ dan, hemm erba’ prijoritajiet li jridu jkunu indirizzati: li ma jintilfux iktar ħajjiet, li jkun miġġieled it-traffikar tal-persuni, li tingħata soluzzjoni konkreta għall-pajjiżi l-iktar esposti u li jkun hemm rotot siguri u legali għal min ħaqqu protezzjoni internazzjonali. Pajjiżi li mhumiex tant esposti għal din l-emerġenza u m’għandhomx ifixklu l-progress biex tkun irriformata s-sistema ta’ ażil komuni. Din hija sfida li trid tkun indirizzata mill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

L-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha wkoll se tgħaddi minn tibdil. Xenarju li bla dubju rridu nippreparaw għalih huwa Brexit bla ftehim. Fuq livell ta’ UE, adottajna madwar 20 strument leġiżlattiv biex jidħol fis-seħħ f'każ li dan iseħħ, u ħafna stati membri għamlu l-istess, speċjalment fil-qasam tad-drittijiet taċ-ċittadini. F’każ li ma jintlaħaqx ftehim, se jkollna sfidi ġodda quddiemna u nkunu rridu niddeterminaw t-tip ta’ relazzjoni li se jkollu mal-UE. F’dak ix-xenarju, bħala Unjoni, inkunu neħtieġu  assigurazzjonijiet fuq tranżazzjonijiet finanzjarji u l-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini qabel nibdew in-negozjati dwar kif nistgħu nkomplu nikkoperaw mar-Renju Unit.

Quddiem dawn l-isfidi, jien flimkien ma’ sħabi li nirrappreżentaw l-interessi Maltin fl-Unjoni Ewropea ser inxammru l-kmiem għal aktar ħidma skjetta

Quddiem dawn l-isfidi, jien flimkien ma’ sħabi li nirrappreżentaw l-interessi Maltin fl-Unjoni Ewropea ser inxammru l-kmiem għal aktar ħidma skjetta. Intemm b’messaġġ ta’ awgurju li jġibni lura għat-tema li bdejn biha, ċioè stejjer ta’ suċċess li qed jiksbu nisa fil-kuntest politiku Malti. Nifraħ lil Helena Dalli li ġiet innominata mill-Prim Ministru biex isservi bħala Kummissarju Ewropew. Ħidmietha favur l-ugwaljanza żgur li għandha sservi ta’ eżempju u ta’ punt b’saħħtu ħafna meta jasal is-smigħ tagħha quddiem il-Membri Parlamentari Ewropej.

More in Politika