Marlene Debono | Relazzjonijiet virtwali: Min imissu? Bi klikk iddawwarha kif trid

Swipe lejn il-lemin jew lejn ix-xellug – kif qed jiltaqgħu ħafna nies illum? 

L-effett tal-midja soċjali biddel ħafna affarijiet madwarna, imma llum xtaqt nikteb fuq kif dan jaf qiegħed jinfluwenza lil dawk li jużawh bħala mod biex jiltaqgħu ma’ ħbieb ġodda, jifformaw relazzjonijiet intimi jew jiltaqgħu mas-sieħeb/sieħba tagħhom. 

Jekk tmur fuq ċerti applikazzjonijiet, bi klikk, malajr tista’ tiltaqa’ ma’ xi proxxmu … issa jekk tridx inkontru ta’ kwalità jew ta’ kwantità dik ħaġ’oħra … titkellem ma’ ħafna nisa jgħidulek li l-irġiel ħaġa waħda biss iridu, u anke xi rġiel li jgħidulek l-istess. Ħafna jgħidu li l-valuri m’għadhomx l-istess u li l-persuni saru aktar egoisti u li kull wieħed u waħda minna sar jara biss sal-ponta ta’ mnieħru! Imma huwa minnu dan? 

Ċertament huwa fatt li sirna aktar individwalisti. Nimmissja ż-żmien li konna ninġabru u nilagħbu barra fit-triq, u ċerti attivitajiet fi gruppi li kien ikolli aktar spiss meta konna iżgħar. Issa biex niltaqa’ anki ma’ erbat iħbieb tal-qalb ġieli rridu nippjanaw minn xi xahar qabel tal-anqas. Kulħadd mgħobbi b’ħafna affarijiet, għaddejjin f’ġirja waħda sfrenata; bħaż-żwiemel – inħarsu biss quddiem u ħafna drabi ninjoraw affarijiet essenzjali li jkunu għaddejjin madwarna. 

Il-ħajja saret mgħaġġla veru, imma mhux aħna li għandu jkollna l-kontroll fuqha biex nagħġnuha kif irridu? 

L-istess il-midja soċjali. Din taf tkun siewja jew ta’ xkiel, però l-importanti hu kif aħna nagħżlu li nużawha. Il-biża’ huwa illi b’din il-ħajja virtwali ta’ kif żewġ persuni jistgħu jiltaqgħu jaf li qed nitilfu ħafna mill-ġenwinità u spontanjetà ta’ meta żewġ persuni jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ. Konverżazzjonijiet ta’ sustanza jafu jkunu anqas komuni fil-ħajja virtwali, peress li taf tkun komunikazzjoni mgħaġġla u anke superfiċjali, diretta mill-ħtiġijiet istantanji ta’ kull individwu. 

Issa bħal donnu dak li jkun qed jispiċċa jistrieħ fuq dawn l-apps u jaf jevita li jmur ikellem lill-persuna minħabba li bi klikk isibha aktar faċli, u anqas hemm riskju li timbarazza ruħek!  

B’dawn l-apps kull persuna qisa tkun on display ġo vetrina bħal xi oġġett, fejn l-apparenza tingħata aktar importanza minn qatt qabel. Fuq il-profili vera jkun hemm deskrizzjonijiet, imma niddubita kemm hemm min jaqrahom dawn. Bi klikk, faċli tbiddel minn persuna għal oħra, u għalħekk dan jaf iwassal biex il-persuni jsiru aktar dispensabbli għax b’sempliċi klikk jew swipe tista’ tbiddel u tagħżel persuna oħra. Hija mbagħad ħaġa ovvja li apps bħal dawn jafu jinfluwenzaw biex ċerti persuni jsiru aktar self-centred għax kull persuna tista’ takkwista dak li trid b’sempliċi klikk.  

Nara li hemm ċertu sens ta’ omnipotenza – li jiena nista’ nagħmel dak li rrid għax nista’ nieħu dak li nixtieq daqshekk faċilment. Il-gratifikazzjoni istantanja teħodna lura f’punt ta’ meta konna għadna tfal, li b’bikja konna nieħdu dak li rridu, u issa ġiet b’sempliċi klikk. Għalhekk dawn l-apps ħafna drabi jafu ma jgħinux biex isaħħu l-maturità fil-persuna għax tiġi msaħħa l-mentalità li dak li rrid nista’ niksbu fil-mument attwali mingħajr dewmien u sagrifiċċju. 

X’jafu jkunu xi riperkussjonijiet ta’ dawn l-apps? Aktar għażla u aktar libertà, imma fl-istess ħin jaf ukoll anqas ċans biex tiġi kkultivata relazzjoni ta’ kwalità għax din il-ħajja virtwali donnha ma tinkoraġġixxix paċenzja u stennija.  

Però hemm każijiet fejn nibtu relazzjonijiet serji wkoll minn dawn l-attivitajiet. Għalhekk, l-enfasi dejjem qiegħda fir-responsabbiltà tal-użu ta’ dawn l-apps u li kull wieħed u waħda minna nużawhom b’mod responsabbli u rispettabbli. Hemm ċerti nies li joħolqu persuna falza biex jaħarbu mir-realtà u oħrajn biex jipprovaw jingannaw lil dak li jkun. Dawn huma realtajiet li importanti nkunu konxji tagħhom. Il-midja soċjali taf tkun forma ta’ ħarba għal diversi nies li huma mxebbgħin mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum. 

Nispiċċa billi nsemmi kif dawn l-apps jipprovdu opportunità għal min hu mistħi u jħossu aktar komdu li jitkeb, aktar milli jitkellem wiċċ imb wiċċ. Hawn min jgħidlek li jippreferi jsir jaf persuna bl-użu tal-komunikazzjoni bil-miktub qabel ma’ jiltaqa’ magħha. Nisma’ b’nies ukoll li bnew relazzjonijiet sodi jew iżżewġu wara li ltaqgħu minn dawn l-apps. F’ħajja fejn kulħadd imħabbat jiġri minn post għall-ieħor, il-faċilità li ssir taf lil xi ħadd ġdid tkun fejn tkun hija fattur komdu u jgħinek tiffranka l-ħin. 

Finalment, bħal kull ħaġ’oħra, dawn l-applikazzjonijiet għandhom vantaġġi u żvantaġġi, u hija f’idejn kull wieħed u waħda minna biex nużawhom b’mod li jibbenefika l-aktar lilna u lil ta’ madwarna b’mod li l-komunikazzjoni tkun waħda li tgħin u mhux ixxekkel l-identità vera u l-iżvilupp veru ta’ dak li jkun. 

 

 

More in Ittri