
Beppe Galea | Ċans uniku għal żgħażagħ Għawdxin: żur Strasburgu Għall-European Youth Event
Din l-inizjattiva hija miftuħa għal dawk kollha bejn is-16 u t-30 sena. Kull min hu interessat għandu jibgħat proposta qasira sa massimu ta’ 200 kelma, fejn jispjega idea konkreta dwar kif Għawdex jista’ jsir post aħjar għaż-żgħażagħ, kemm f’termini ta’ xogħol, kif ukoll ta’ kwalità tal-ħajja

Bħala parti mill-impenn tiegħi biex nagħti leħen aktar b’saħħtu liż-żgħażagħ Għawdxin anki fuq livell Ewropew, qed nistieden ħames żgħażagħ minn Għawdex biex jingħaqdu miegħi għal vjaġġ uniku lejn Strasburgu. Din l-opportunità se tkun kompletament bla ħlas u tippermettilhom jieħdu sehem fil-European Youth Event (EYE), li se jsir bejn it-13 u l-14 ta’ Ġunju 2025 fil-Parlament Ewropew.
Il-European Youth Event huwa pjattaforma ideali fejn iż-żgħażagħ minn madwar l-Ewropa kollha jiltaqgħu biex jiddiskutu u jaqsmu l-ideat tagħhom dwar il-futur tal-kontinent tagħna. Din mhux se tkun biss esperjenza edukattiva, iżda wkoll opportunità unika biex jinstemgħu l-vuċijiet taż-żgħażagħ Għawdxin f’diskussjonijiet dwar opportunitajiet ta’ xogħol u kwalità tal-ħajja.
Din l-inizjattiva hija miftuħa għal dawk kollha bejn is-16 u t-30 sena. Kull min hu interessat għandu jibgħat proposta qasira sa massimu ta’ 200 kelma, fejn jispjega idea konkreta dwar kif Għawdex jista’ jsir post aħjar għaż-żgħażagħ, kemm f’termini ta’ xogħol, kif ukoll ta’ kwalità tal-ħajja.
Il-proposti jistgħu jintbagħtu permezz ta’ messaġġ fuq Whatsapp fuq 79961506 jew b’email fuq [email protected] sal-24 ta’ Frar 2025. L-aħjar ideat mhux biss se jingħataw ċans li jkunu parti minn din l-esperjenza fi Strasburgu, iżda wkoll jistgħu jiffurmaw il-bażi għal proposti konkreti fil-manifest elettorali li jmiss tal-Partit Nazzjonalista.
Ejjew ningħaqdu flimkien biex inkomplu nagħtu vuċi aktar b’saħħitha liż-żgħażagħ Għawdxin fuq livell nazzjonali u Ewropew!