Robert Aquilina | Muscat imwerwer, il-fjask tal-Ġeneral Cuschieri u d-dubji dwar Gafà

Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll jinsab imħasseb dwar il-possibilità li minħabba xi waħda minn dawn l-inkjesti Joseph Muscat ikun arrestat u mressaq il-Qorti. Abela huwa konxju li Muscat se juża kull nitfa saħħa politika li fadallu biex jipprova jevita l-prosekuzzjoni u, aktar u aktar, il-ħabs

F’daż-żmien tas-sena mdorrijin naraw ix-xemx tisreġ titgħatta minn sħab kbir u sewdieni li jwassal għal xita qawwija li tkaxkar magħha kulma ssib fi triqitha. Tant aħna mdorrijin b’dan il-fenomenu tat-temp, u ż-żmien li soltu jiġi fih, li semmejnieh ‘l-għerejjex ta’ Santa Marija’. 

Din il-ġimgħa, apparti fis-sema, dawn l-‘għerejjex’ qed narawhom anke fuq l-art. Qed naraw is-sħab jifforma ġmielu u qed naraw lill-Prim Korrott Joseph Muscat imwerwer li la jinfetħu bwieb is-sema mhu se jkun hemm xejn iżommu milli jitkaxkar mill-ilmijiet tal-ġustizzja. 

Muscat dan ma jridux jiġri. Mhuwiex fil-interess tiegħu li ssir magħrufa l-verità u li ssir ġustizzja. 

Għalhekk, malli lemaħ l-ewwel sħaba fuq ix-xefaq – il-prosekuzzjoni tal-Eks Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzoppardi – il-Prim Korrott ipprova jsejjaħ lill-‘eluf’ li mingħalih li se jitqabdu għalih meta jasal il-mument tal-verità. 

Il-fjask tal-Ġeneral Emanuel Cuschieri 

Muscat qabbad lill-wieħed mill-iprem Ġenerali tiegħu – Emanuel Cuschieri – biex jimmobilizza s-segwaċi tiegħu b’appoġġ għal Azzopardi li, apparti li huwa miżżewweġ lill-kuġina tal-Prim Korrott, nafuh ukoll imexxi l-Enemalta meta nħmew l-iskandli li għad irridu nisimgħu ħafna dwarhom fil-Qrati tagħna. 

Muscat ried li l-prosekuzzjoni ta’ Fredrick Azzopardi isservi ta’ rehersal għal meta xi Maġistrat iġiegħel lill-Kummissarju Gafà joħroġ mill-pool tal-villa li għadu kif xtara, jixxotta, jilbes l-uniformi u jressaq lill-Prim Korrott il-Qorti. 

Muscat ried juri lil kulħadd, b’mod speċjali lill-Prim Ministru Robert Abela, li hu għadu politikament b’saħħtu u li din is-saħħa se jużaha biex jiddefendi lil sħabu u, eventwalment, lilu nnifsu. Iżda ġara li quddiem il-bini tal-Qorti nġabru inqas nies minn kemm joqogħdu f’minibus mill-ħomor! 

Il-fatt li Robert Abela ddiżassoċja ruħu mill-protesta ta’ Muscat u Cuschieri ġiegħel lill-partitarji Labusristi jagħżlu. U dawn għażlu li jħallu lill-Ġeneral Cuschieri mingħajr l-armata li kien mingħalih se tinġabar fit-toroq tal-kapitali. 

Ir-rehersal imħejji mill-Prim Korrott irriżulta fi fjask li wera lil kulħadd li Muscat qatt ma kien politikament dgħajjef u iżolat daqs kemm hu llum. 

Is-sħab fuq ras Muscat 

Għalhekk, is-sħab ta’ dawn l-għerejjex lil Muscat qed iwerwruh iktar minn qatt qabel. Muscat issa jaf li aktar għandu sħab fuq rasu milli għandu sħab fuq l-art. Il-Prim Korrott jaf li la tibda l-maltempata, ftit se jsib min jipprova jgħinu jsalva mill-għarqa. 

Allura waqaf jgħidilna li għandna nħallu lill-istituzzjonijiet jaħdmu. Illum, f’xi xandira mill-bitħa jew mill-washroom, Muscat sar jgħid affarijiet differenti. Lill-istituzzjonijiet riedhom jaħdmu biss sakemm kien għadu jirnexxilu jikkontrollahom. 

Fix-xandiriet pjetużi tiegħu, lili sar isemmini sikwit. Sar jattribwili poteri li m’għandix, bħal pereżempju li nikkontrolla x’jagħmlu xi istituzzjonijiet. Jagħmel hekk biex jiffomenta l-mibegħda kontrija u biex jimbotta n-narrattiva li qed ikun ippersegwitat. 

Dawn huma kollha sinjali li juru l-biża’ kbira li għandu Muscat minn mumenti oħra ta’ verità. 

Muscat huwa mwewer għax jaf li l-Inkjesti Maġisterjali mitluba minn Repubblika llum, għada jew pitgħada se jitlestew u li mat-tlestija tagħhom se jinfetħu bwieb is-sema. 

Waħda minn dawn l-inkjesti tirrigwardja l-privatizzazzjoni oxxena ta’ żewġ sptarijiet f’Malta u l-uniku sptar ta’ Għawdex. Hu proprju bħala parti minn dik l-inkjesta li fuq ordni tal-Maġistrat Inkwirenti saret tfittxija fid-dar ta’ Joseph Muscat f’Jannar li għadda. 

Lill-Ġeneral Cuschieri diġà dabbarlu rasu 

Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll jinsab imħasseb dwar il-possibilità li minħabba xi waħda minn dawn l-inkjesti Joseph Muscat ikun arrestat u mressaq il-Qorti. Abela huwa konxju li Muscat se juża kull nitfa saħħa politika li fadallu biex jipprova jevita l-prosekuzzjoni u, aktar u aktar, il-ħabs. 

Konxju li Muscat jista’ jkun ta’ theddida għall-awtorità tiegħu, Abela qed iżid l-isforzi tiegħu biex idgħajjef iżjed lil Muscat u jasserixxi aktar l-awtorità tiegħu fil-Partit Laburista. Għalhekk qed jindividwa u jwarrab fil-ġenb lil dawk li, fil-fehma tiegħu, f’mument ta’ kriżi bejnu u bejn Muscat jagħżlu lil Muscat. 

Ftit ftit, il-ġenerali u s-suldati ta’ Muscat kollha se jintwerew il-bieb ta’ barra minn Robert Abela. L-ewwel ġeneral Muscatjan li laqqatha kien l-organizzatur tal-fjask tal-Belt Valletta, Emanuel Cuschieri. 

Minflok fuq l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista, il-Ġeneral Cuschieri issa spiċċa jiffilmja lilu nnifsu jitkellem waħdu fil-karozza! 

Dubji dwar Angelo Gafà 

Biex il-ġustizzja titwettaq u titwettaq kollha jeħtieġ li jkollna Kummissarju tal-Pulizija u Avukat Ġenerali li xogħolhom jagħmluh u jagħmluh kollu kemm hu. 

Malli laħaq Kummissarju, lil Angelo Gafà kont wegħedtu l-appoġġ kollu tagħna jekk jieħu azzjoni konkreta fuq il-korruzzjoni imwettqa mill-politiċi u minn dawk assoċjati magħhom. Lil Gafà tajnieh kull ċans jaħdem u jġib ir-riżultati. Tant hu hekk li għal sena sħiħa ma lissinniex kelma waħda ta’ kritika fil-konfront tiegħu. 

Iżda issa wasalna għat-tielet ‘Għerejjex ta’ Santa Marija’ b’Gafà Kummissarju, u nies bħal Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Chris Cardona fost oħrajn għadhom qed igawdu l-impunità li kienu jgawdu meta kienu jiġbdu l-ispag tal-predeċessur tiegħu minn Kastilja. 

Gafa’ baqa’ ċass quddiem lista twila ħafna ta’ abbużi lampanti. 

Fuq Keith Schembri mexxa biss meta ordnalu jagħmel hekk Maġistrat u mexxa biss fuq korruzzjoni li allegatament seħħet fil-privat u qabel l-2013. Anke l-famuża tfittxija fid-dar tal-Prim Korrott saret biss għax ġiet ordnata minn Maġistrat. 

Fuq il-bank Pilatus, Gafà ma ħa ebda azzjoni minn jeddu. Agħar minn hekk, meta Maġistrat ordnalu jmexxi, Gafà ressaq biss lill-bank u lil persuna waħda mis-sitta indikati fir-rapport tal-inkjesta. Lil wieħed minn dawn tal-aħħar saħansitra ħallieh jiġi u jitlaq minn Malta mingħajr ma arrestah. 

Taħt Gafà, minkejja mandat ta’ arrest internazzjonali, Iosif Galea tħalla jiġri barra qisu mhux hu għal tmintax-il xahar sħaħ u tħalla jsiefer ma’ Joseph u Michelle Muscat. 

Anke fuq l-Electrogas, taħt Gafà ħadd ma tressaq il-Qorti. 

Fuq il-Windfarms tal-Montenegro wkoll ma ħax azzjoni minkejja li, kif jaf kulħadd, malli ħarġet l-istorja l-Partit Laburista kien pront qalfat lil Konrad Mizzi ’l barra. 

Il-pubbliku għandu dritt jifhem ir-raġunijiet għal din l-imġiba ta’ Gafà. Jgħid x’jgħid Gafà, il-pubbliku għandu dritt ikun jaf b’fatti li jistgħu jgħinuh jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. 

Karikatura ta' Miriam Galea
Karikatura ta' Miriam Galea

Għalhekk, huwa fl-interess pubbliku li jkun magħruf li Gafà huwa ħabib intimu ta’ negozjant kbir. Huwa fl-interess pubbliku aktar u aktar għaliex dan in-negozjant hu sieħeb fin-negozju ma’ persuna li ssemma bosta drabi fl-aħbarijiet għal raġunijiet xejn sbieħ. 

Huwa fl-interess pubbliku wkoll li jkun magħruf li riċentement il-Kummissarju tal-Pulizija xtara villa kbira ħafna f’zona lussuża ta’ Marsaxlokk. Huwa fl-interess pubbliku li jkun magħruf li l-prezz iddikjarat fil-kuntratt tal-villa hu daqs kemm tinbiegħ terraced house il-Mosta jew in-Naxxar. 

Ilu li għadda ż-żmien li nagħtu lill-Kummissarju Gafà l-benefiċċju tad-dubbju. Issa ninsabu fil-fażi li nifhmu għaliex Gafà qed jirrifjuta li jaqdi dmiru. Jgħid x’jgħid fuqna l-Kummissarju, aħna se nkomplu nistaqsu, se nkomplu nitkixxfu u se nkomplu nikxfu kulma nsiru nafu. 

More in Ittri