Il-Fehma tal-ILLUM

L-
L-"orgażmu" Parlamentari

Teatrini u dekor

Il-kumment tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg dwar l-“orgażmu” tal-Membru Parlamentari Jason Azzopardi  qajjem furur fuq il-media soċjali. Kieku dan il-kumment sar sa ftit xhur ilu lanqas ħadd ma kien jagħti kasu jew jaf li sar. Imma illum hemm realtà oħra, ir-realtà li kemm ilu li mexa l-Parlament lejn bini ġdid is-seduti qed ikunu kollha miġbudin diretti u murija fuq it-televiżjoni jew fuq is-sit tal-Parlament. Illum għajnejn il-poplu u l-media qegħdin, aktar minn qatt qabel, fuq il-Membri Parlamentari kollha u qegħdin miftuħin sew biex jaraw x’qed jgħidu, fuq dak qed  jargumentaw u anke l-għaġir tagħhom fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Il-Membri Parlamentari taż-żewġ naħat jew għadhom ma ntebħux li huma ‘live’ tul is-seduta kollha jew agħar minn hekk, indunaw u qegħdin mingħalihom jtellgħu “teatrin” biex il-popolin iċapċplihom. Jekk ma ndunawx, ikun tajjeb li jagħmlu dan kemm jista’ jkun malajr u minflok jaħlu minuti fuq minuti, jekk mhux sigħat, għaddejjin b’litanija ta’ botti u risposti , jibdew jużaw il-ħin aħjar biex jagħmlu d-differenza lill-poplu li huma jirrappreżentaw. Għajjat, interruzjonijiet, kworums u “orgażmi” huma kollha ħela ta’ ħin, ħela ta’ flus u ħela ta’ riżorsi f’ambjent fejn kulħadd suppost qed jiġbed ħabel wieħed għall-interess nazzjonali.

 Il-poplu m’għadux ta’ wara l-muntanji u m’għadux jimpressjona ruħu malajr, speċjalment b’ħafna għajjat u attitudni daqslikieku l-Parlament huwa l-każin tal-partit fejn min jgħajjat l-aktar huwa l-“king” u fejn aktar kemm “taqlgħalhom” lil tan-naħa  l-oħra, iktar se tkun ammirat. Il-Parlament huwa l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u jixraq biss li kull Membru Parlamentari jiftakar li malli jidħol minn dik l-għatba l-ewwel lealtà tiegħu hija lejn il-poplu kollu. Hekk sewwa u hekk xieraq, jekk id-69 Membru Parlamentari jridu jittieħdu bis-serjetà.

Ikun ferm aktar jixraq jekk ikun hemm rispett reċiproku u maturità bejn iż-żewġ naħat, li tirifletti mhux biss il-mixja ’l quddiem li għamel pajiiżna iżda tirrifletti wkoll ir-realtà li teżisti ’l barra mill-Parlament.

U la qed nitkellmu dwar ir-realtajiet t’hawn barra, ma jaħsbux id-69 Membru tal-Parlament Malti li aħjar jibdew jiddiskutu wkoll kwistjonijiet li jolqtu lin-nies fil-laħam il-ħaj u fil-ħajja ta’ kuljum? Tajjeb, mela, li jsiru seduti sħaħ biex ikunu diskussi l-intriċċi politiċi tal-bieraħ u tal-lum, l-iskandli Nazzjonalisti u l-iskandli Laburisti,  imma l-poplu mhux bl-iskandli jgħix. Il-poplu jgħix bix-xogħol u xogħol ta’ dinjità, bi dħul finanzjarju li jirrifletti d-doveri u d-dmirijiet tiegħu. Ma wasalx iż-żmien li l-MPs juru aktar fervur biex jeqirdu l-prekarjat milli jiffokaw fuq skandlu biex “ikollna biex ngħajjruhom”? Ma wasalx iż-żmien li jkollna seduta fuq oħra biex min qed jgħix bl-eżatt intuh id-dinjità li tixraqlu? M’għandux il-Parlament jiddedika sigħat twal f’diskussjoni fuq kif se nnnaqqsu l-problema eterna tat-traffiku f’pajjiżna? Mhux aħjar il-Membri Parlamentari, jekk iridu jorgażmaw, jagħmlu hekk biex issir ġustizzja ma’ dawk l-eluf li jħossu li saret inġustizzja magħhom? Mhux aħjar id-69 Membru Parlamentari jużaw ħinhom biex jaraw kif jippreservaw il-ftit mill-pulmun ambjentali li għad fadlilna?

Il-Parlament la hu teatrin u lanqas  post fejn inkunu kreattivi fit-tgħajjir u l-insulti. Il-Parlament huwa l-post fejn l-kreattività tintuża biex ittejjeb il-ħajja ta’ kull ċittadin u biex tingħata tama għall-futur aħjar. Ftit dekor u iktar rispett ma jagħmlux wisq ħsara . 

 

More in Ittri