Ittri tal-Ħadd 2 ta' Novembru

L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew imejl [email protected]

Puli jkompli jgħid tiegħu dwar il-KMS

Ippermettili nerġa’ nirreferi għall-intervista mad-Deputat Laburista u Chairman tal-Kunsill Malti għall-iSport (KMS) Luciano Busuttil, u s-sussegwenti risposta ppublikata fl-ILLUM tal-Ħadd 26 ta’ Ottubru 2014. Mir-risposta tal-istess Onorevoli Busuttil joħroġ ċar li l-allegazzjoni oriġinali fl-intervista tiegħu kienet waħda bla bażi li tagħti lok għal insinwazzjonijiet qarrieqa. Aktar minn hekk Luciano Busuttil ma ċaħadx li: 

  1. L-4 miljun ewro msemmija kienu biss parti żgħira minn investiment qawwi li sar fl-isport Malti bejn l-2008 u l-2009. Aktar minn 60 proġett sportiv f’60 xahar ta’ Gvern Nazzjonalista jitkellmu waħedhom.
  2. It-tnaqqis qawwi fil-baġit tal-isport minn Gvern Laburista ħoloq problemi mhux żgħar fl-amministrazzjoni tal-isport. Mhux ta’ b’xejn li f’sentejn ta’ Gvern Laburista għadu ma sar xejn ġdid fl-isport.
  3. Mill-isports awards u l-attivitajiet ta’ madwarha kienu jgawdu mijiet ta’ sportivi u tfal. Illum qed jagħmlu attività medjokri għall-aħħar u mitt elf ewro minflok jintużaw fuq l-isportivi qed jintużaw biex appena jiffinanzjaw il-pagi u l-onorarji ta’ żewġ persuni - chairman u konsulent fl-isport.
  4. It-transfers ingħataw lil persuni validi li nzertaw jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista. Filwaqt li lil dawn l-impjegati tal-Gvern neħħewhom mill-KMS bi skuża biex jiġu ffrankati l-fondi bdew jiġu impjegati dawk tal-qalba b’pagi attraenti ħafna.
  5. Il-fondi Ewropej li qed jiftaħar li se jġib għall-isport huma fil-fatt il-fondi li ġab Lawrence Gonzi u l-Gvern tiegħu. Qed jiftaħar b’rix ħaddieħor bħas-Segretarju Parlamentari Laburista li jħobb imur jinawgura faċilitajiet u programmi li kienu jkunu diġà inawgurati minn ta’ qablu. Kulħadd jaf li Luciano Busttil kien ma’ Joseph Muscat biex Malta ma tisseħibx fl-Unjoni Ewropea u konsegwentament ma tiħux dawn il-fondi.
  6. L-għotjiet u l-wegħdiet lill-għaqdiet sportivi kienu sostenibbli taħt Gvern Nazzjonalista u ma baqgħux sostenibbli għax Gvern Laburista qed jisparpalja l-flus mod ieħor u fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena d-dejn spara ’l fuq bi 3 miljun ewro kuljum. Gvern Laburista għażel li jixxaħħaħ mal-għaqdiet sportivi u fl-istess ħin jisparpalja l-flus fuq tal-qalba. 
  7. L-investiment fl-isport bejn l-2008 u l-2013 kien ikopri minn Marsaxlokk sal-Mellieħa u l-gżira Għawdxija. Iżda Luciano Busuttil għoġbu jara żejjed l-investiment li sar f’Ħal Qormi. Mhux ta’ b’xejn li għadni sal-lum ma smajtux jipprotesta li kontra kif kien ippjanat minn Gvern Nazzjonalista, issa se jiġu rranġati biss il-huts tal-Ingliżi fl-iskola tal-Ħandaq imma mhux se jinbena l-Kumpless Sportiv bħal dak ta’ Ħal Kirkop. 

Għal darba oħra r-risposta ta’ Luciano Busuttil kompliet tikkonferma li f’sentejn ta’ Gvern Laburista ma sar xejn ġdid fl-isport Malti. Imma fl-istess ħin u bl-aktar mod pwerili Luciano Busttil ftaħar li dalwaqt se jagħmel xi manutenzjoni fil-faċilitajiet li nbnew mill-amministrazzjonjiet Nazzjonalisti. Qisu handyman jipprova jbiegħ l-illuzjoni ta’ grandjożità li huwa għandu skop akbar minn dak tal- perit u l-bennej li wettqu l-proġett oriġinarjament.

Din il-gazzetta tavża li dan is-suġġett bejn iż-żewġ kelliema issa huwa magħluq.

L-Amministrazzjoni tal-Kurja

Richard A Matrenza

San Pawl il-Baħar

Nibda biex nagħmel dikjarazzjoni ċara u profonda li jiena nagħmel distinzjoni bejn Knisja u Kurja. Il-Knisja hija dik l-organizzazzjoni li waqqaf Ġesu Kristu. Il-Kurja hija l-parti amministrattiva magħmula mill-bnedmin u li qatt u bl-ebda mod ma niżel fuqhom l-Ispirtu Qaddis la fil-Pentekoste u l-anqas f’xi żmien ieħor.

Wara li ġie stabbilit dan il-punt fundamentali niġi issa għall-kritika diretta li rrid nagħmel lill-Kurja Maltija bl-Amministrazzjoni tagħha.

Fl-20 ta’ April 2012 ktibt lil Kurja – bil-Malti, sal-lum irċevejt biss biljett bl-Ingliż 

“His Grace the Archbishop acknowledges receipt of your letter dated 20.04.2012”

fuq il-firma ta’ Fr Mario Camilleri - Secretary.

F’Mejju 2013 ktibt lill-Kurja fuq suġġett ieħor. Sal-lum la rikonoxxenza u l-anqas tweġiba.

Fit-28 ta’ Lulju 2014 ktibt bil-posta reġistrata u erġajt elaborajt fuq dak li kont ktibt f’Mejju 2013. Bagħat ukoll kopja tal-ittra ta’ Mejju 2013. Sa issa silenzju assolut.

Nirrepeti dak li għidt fil-bidu. Il-kritika tiegħi hi għal dak li tolqot l-amministrazzjoni negattiva tal-Kurja.

Nittama li l-messaġġ jasal u ma ninftehemx ħażin.

 

More in Ittri