Għada ċċelebrata l-festa tal-Beatu Malti Nazju Falzon

Nazju Falzin kien ġie bbeatifikat mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fid-9 ta’ Mejju tas-sena 2001

Għada, fil-Knisja ta' Santa Marija ta' Ġesù, magħrufa aħjar bħala 'Ta' Ġieżu,' fil-Belt Valletta, se tiġi ċċelebrata l-festa tal-Beatu Malti Nazju Falzon.

Fil-fatt, f'din l-istess knisja, wieħed isib il-fdalijiet tal-Beatu Nazju Falzon.

Illejla, fis-6:30pm, se ssir ċelebrazzjoni mmexxija minn Patri Anton Farrugia OFM, il-Viċi-Postulatur tal-kawża tal-Kanonizzazzjoni.

Għada, fid-9:30am, se tkun iċċelebrata quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna u quddiesa oħra fil-11:00am mill-Gwardjan Patri Ramon Farrugia OFM.

Filgħaxija, fis-6:15pm, se tkun iċċelebrata quddiesa solenni mill-Vigarju Provinċjali, Patri Marcello Ghirlando OFM.

Wara kull quddiesa se tingħad it-talba lill-qaddis fuq l-artal tiegħu.

Min hu Nazju Falzon?

Il-Beatu Nazju Falzon mhuwiex biss Beatu Malti imma wkoll qaddis intellettwali li antiċipa ż-żmien meta beda jgħallem il-katekiżmu lill-adulti u kien minn tal-ewwel fit-tixrid tal-ispirtu ekumeniku. Bħala profeta, għaraf jaqra s-sinjali taż-żminijiet u għamel lilu nnifsu appostlu f’Malta ta’ żmienu.

Nazju Falzon twieled il-Belt Valletta fl-1 ta’ Lulju tas-sena 1813, fi żmien il-miġja tal-Ingliżi f’Malta u għex fi żmien meta pajjiżna kien miżgħud bis-suldati u l-baħrin tal-Imperu Brittaniku. L-għada li twieled, ġie mgħammed fil-Bażilika ta’ San Duminku fejn ingħata l-ismijiet ta’ Rokku, Anġlu, Sebastjan, Vinċenż, Rużar u Nazju li bih ġie msejjaħ u baqa’ magħruf.

Nazju kien ġej minn familja intelletwali imma profondament kattolika. Fil-fatt missieru Francesco-Giuseppe kien avukat u wara laħaq imħallef; ommu Maria Teresa, kienet bint l-Imħallef Kalċidon Debono u kemm Nazju kif ukoll it-tliet ħutu l-oħra, kollha ggradwaw bħala avukati. Tnejn minnhom saru saċerdoti, Dun Kalċidon li kien Rettur tal-Knisja tal-Università, magħrufa bħala tal-Giżwiti fil-Belt u wara sar ukoll Kanonku Teżorier tal-Kapitlu tal-Katidral u Dun Franġisk li kien konfessur imfittex ħafna. Ħuhom  Anton, kien l-uniku fosthom li żżewweġ u li serva bħala avukat.

Minbarra l-Liġi, Nazju studja wkoll it-Teoloġija u tgħallem l-ilsna tal-Latin, it-Taljan u xi ħaġa rari ħafna għal dak iż-żmien, l-Ingliż. Ta’ 15 –il sena, libes is-suttana u wara tliet snin irċievi l-erba’ ordnijiet minuri iżda ma ħassux dehen li jirċievi l-ordinazzjoni saċerdotali u baqa’ kjeriku djoċessan. Kien imsieħeb fit-Tielet Ordni Franġiskan kif għandna xhieda fil-kuruna li nstabet mal-fdalijiet tiegħu. Nazju qatt ma ħadem il-professjoni tiegħu ta’ avukat għalkemm kien jgħin lil dawk li kienu jfittxu l-pariri legali tiegħu u kien jagħti wkoll  tagħlim privat bla ħlas fil-Latin, it-Taljan u l-Ingliż.

Sa minn ċkunitu, kien miżmum bħala qaddis. Kellu qima kbira lejn Ġesu fl-Ewkaristija tant li kemm-il darba darba rawh maqtugħ f’estasi wara t-Tqarbin u kien devot ħafna tal-Madonna u ta’ San Ġużepp, hekk li miet iross ma’ sidru l-inkwatru tiegħu.

Bħala missjoni tiegħu għażel it-tagħlim tal-katekiżmu. Beda l-appostolat tiegħu mat-tfal tal-Istitut tar-Ragħaj it-Tajjeb, l-ewwel fil-knisja ta’ Santa Barbara u aktar tard f’dik tal-Vitorja. Hu kien jgħin lit-tfal li kienu jattendu għall-katekiżmu anki fl-iskola u meta kien meħtieġ, anke minn butu, finanzjarjament. Meta fix-xhur tas-sajf, kien imur mal-familja fid-dar tal-villeġġatura li kellhom Birkirkara, kien jgħallem ukoll lit-tfal  tal-parroċċa fil-knisja kolleġġjata ta’ Santa Liena.

Iżda Nazju Falzon jibqa’ magħruf l-aktar għall-missjoni kateketika tiegħu fost il-baħrin u s-suldati Ingliżi ta’ żmienu. Beda jlaqqagħhom fid-dar tal-familja tiegħu stess, fi triq id-Dejqa u meta n-numru kiber, kompla jiġborhom fil-knisja tal-Ġiżwiti fejn waqqaf għalihom il-Kongregazzjoni tar-Rużarju, magħrufa bħala The Congregation. Mal-baħrin u s-suldati kattoliċi, bdew jersqu lejh anke dawk Protestanti. Lil dawn, Nazju ħa ħsieb jorganizzalhom klassijiet tal-katekiżmu għalhom u jħejjihom għall-Magħmudija. L-għadd ta’ dawk li tgħammdu bis-saħħa tiegħu, jaqbeż is-650. Xi ħaġa rari ħafna! Fil-każ ta’ għerusija ma’ xi tfajla Maltija, Nazju kien jibqa’ jsegwihom saż-żwieġ. In-nies tas-servizzi kellhom fiduċja kbira fih. Kien jgħinhom iżommu kuntatt ma’ qrabthom u qabel imorru għal gwerra, kienu jafdawlu l-aktar oġġetti prezzjużi tagħhom bil-ħsieb li jibgħathom lil nieshom kemm-il darba kienu jiġu neqsin.

Nazju Falzon miet ta’ 52 sena, fl-istess jum li kien twieled fih, jiġifieri fl-1 ta’ Lulju. Kienet is-sena 1865. L-għada li miet, ġie midfun fil-qabar tal-familja, fil-knisja tal-Franġiskani ta’ Santa Marija ta’ Ġesu, magħrufa bħala ta’ Gieżu, fejn il-fdalijiet tiegħu għadhom miżmuma b’għożża kbira sal-lum. Il-fama ta’ qdusitu u d-devozzjoni li n-nies kellhom lejh f’ħajtu, kompliet wara mewtu bl-għadd kbir ta’ grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tiegħu. Quddiem dan kollu bdiet il-mixja twila  għall-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazjoni tiegħu. 

L-Isqfijiet Ingliżi li saru jafu bil-ħidma ta’ Nazju mal-baħrin u s-suldati tad-djoċesijiet tagħhom, malli ngħata bidu għall-Proċess Ordinarju Djoċesan, kienu minn ta’ quddiem li kitbu lil Papa biex isaħħu dan il-proċess mibdi f’Malta u li wassal għall-Beatifikazzjoni tiegħu li seħħet ukoll f’pajjiżna, waqt żjara li l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien għamel fuq il-passi ta’ San Pawl, fid-9 ta’ Mejju tas-sena 2001.

Nitolbu biex kemm jista jkun malajr iseħħ il-miraklu meħtieġ biex il-Beatu Nazju jkun jista’ jiġi ddikjarat qaddis!

More in Festi