Live | Ħamis ix-Xirka; L-Arċisqof immexxi t-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej

F'dan il-jum magħruf bħala Ħamis ix-Xirka, il-Knisja tfakkar it-twaqqif tal-Ekwaristija, tas-Sagrament tal-Qrar u anke t-twaqqif tas-Saċerdozju

Ritratt: Ian Noel Pace (Il-Knisja f'Malta)
Ritratt: Ian Noel Pace (Il-Knisja f'Malta)

Fil-knejjes kollha, f'dan il-lejl, il-Knisja tiċċelebra t-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej.

Fil-fatt, f'dan il-jum magħruf bħala Ħamis ix-Xirka, il-Knisja tfakkar it-twaqqif tal-Ekwaristija, tas-Sagrament tal-Qrar u anke t-twaqqif tas-Saċerdozju.

Matul l-istess quddiesa, fuq l-eżempju ta’ Ġesù fl-aħħar ikla tiegħu mal-Appostli, is-saċerdot, f'dan il-każ l-Arċisqof, jaħsel riġlejn numru ta’ persuni. Minħabba l-pandemija, dan ir-rit, din is-sena, se jkun qiegħed jitħalla barra.

Wara nuqqas ta' 40 jum, fil-knejjes kollha terġa' titkanta l-glorja u matulha jindaqqu l-qniepen li immedjatament wara jisktu sal-Għid il-Kbir.

Wara ċ-ċelebrazzjoni, is-Sagrament tiġi ttrasportat sal-Artal tar-Repożizzjoni, jew kif inhu magħruf magħna l-Maltin, bħala s-Sepulkru, fejn jibqa' jinżamm sa għada fit-3:00pm, għall-qima tal-Insara.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, iċ-ċelebrant iżarma l-artal maġġur li jitħalla mneżża' mill-armar tiegħu matul dawn il-jiem.

Iċ-ċelebrazzjoni se tibda fis-6:00pm, fil-Katidral tal-Imdina u wara se jsir ukoll mument qasir ta' adorazzjoni.

Illejla, il-knejjes, wara din il-funzjoni, se jkunu qed jinfetħu għat-talb privat.

More in Festi